Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-proġetti Grafen u Moħħ il-Bniedem jirbħu l-ikbar premju li qatt intrebaħ għall-eċċellenza fir-riċerka, hekk kif tkompli l-battalja għal finanzjament sostnut għar-riċerka fix-xjenza

European Commission - IP/13/54   28/01/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Jannar 2013

Il-proġetti Grafen u Moħħ il-Bniedem jirbħu l-ikbar premju li qatt intrebaħ għall-eċċellenza fir-riċerka, hekk kif tkompli l-battalja għal finanzjament sostnut għar-riċerka fix-xjenza

Il-Kummissjoni Ewropea, illum ħabbret ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni b'bosta biljuni ta' euro, Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET). L-inizjattivi rebbieħa Grafen u Moħħ il-Bniedem se jirċievu biljun euro kull wieħed, biex jagħtu 10 snin ta' xjenza eċċellenti fi żmien meta x-xjenza u t-teknoloġija jinsabu f'salib it-toroq. Kull inizjattiva tinvolvi riċerkaturi minn talanqas 15-il Stat Membru tal-UE u kważi 200 istitut tar-riċerka.

Il-proġett “Grafen" se jinvestiga u jisfrutta l-proprjetajiet uniċi ta’ materjal rivoluzzjonarju bbażat fuq il-karbonju. Is-sustanza grafen hija kombinazzjoni straordinarja ta’ karatteristiċi fiżiċi u kimiċi: hija materjal mill-irqaq, li tikkonduċi l-elettriku ħafna aħjar mir-ram; hija bejn 100-300 darbiet aktar b’saħħitha mill-azzar u għandha propjetajiet ottiċi uniċi. L-użu tal-grafen sar possibbli permezz ta' xjenzati Ewropej fl-2004, u s-sustanza hija mistennija li ssir il-materjal meraviljuż tas-seklu 21, hekk kif kien il-plastik fis-seklu għoxrin, anke minħabba li tissostitwixxi s-silikon fil-prodotti tal-ICT.

Il-proġett "Moħħ il-Bniedem" se joħloq l-ikbar faċilità esperimentali fid-dinja biex tiġi żviluppata l-aktar mappa dettaljata tal-moħħ għall-istudju ta' kif jaħdem moħħ il-bniedem u fl-aħħar mill-aħħar biex jiġi żviluppat trattament personalizzat ta’ mard newroloġiku u mard relatat. Din ir-riċerka tħejji s-sisien xjentifiċi u tekniċi għal progress mediku li għandu l-potenzjal li jtejjeb b'mod drammatiku l-kwalità tal-ħajja għal miljuni ta' Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa l-proġetti "Grafen" u "Moħħ il-Bniedem" bħala l-inizjattivi ewlenin tal-FET għal 10 snin permezz tal-programmi ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha. Il-programmi qafas ta' riċerka tal-UE se jipprovdu finanzjament sostnut għat-tul kollu tal-proġett, prinċipalment mill-programm Orizzont 2020 (2014-2020) li qed jiġi nnegozjat bħalissa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: "Sabiex l-Ewropa tkun tista’ żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala superpotenza tal-għarfien jeħtieġ li nikkonċepu l-inkonċepibbli u nisfruttaw l-aħjar ideat. Din il-kompetizzjoni bi premju ta’ ħafna biljuni tippremja l-avvanzi xjentifiċi realizzati ġewwa l-Ewropa u turi li meta nkunu ambizzjużi nistgħu niżviluppaw l-aħjar riċerka fl-Ewropa. Biex jiġi ggarantit li l-Ewropa tibqa' kompetittiva, u biex l-Ewropa tibqa’ sede ta' eċċellenza xjentifika, il-gvernijiet tal-UE għandhom jiftiehmu dwar baġit ambizzjuż għall-programm Orizzont 2020 fil-ġimgħat li ġejjin".

Il-proġett ”Grafen" huwa mmexxi mill-Professur Jari Kinaret mill-Università Chalmers, l-Isvezja. Din l-inizjattiva ewlenija tinvolvi aktar minn 100 grupp ta' riċerka, b'136 investigatur prinċipali, fosthom erba' lawreati Nobel. Il-proġett "Moħħ il-Bniedem" jinvolvi xjenzati minn 87 istituzzjoni u huwa mmexxi mill-Professur Henry Markram mill-École Polytechnique Fédérale ta’ Lausanne.

Il-futur tal-informatika u tax-xjenza se jkun xprunat permezz tal-kollaborazzjoni. Il-programm ta’ inizjattivi ewlenin FET jikkostitwixxi sforz fuq livell dinji f’dan is-sens. Il-kompetizzjoni tal-inizjattivi ewlenin inkoraġġiet il-kollaborazzjoni fuq skala ġdida u fuq tul ta' żmien ġdid. Il-bidla fiċ-ċikli tas-soltu ta’ finanzjament ta’ sentejn sa erba’ snin, perjodu ta’ żmien ta’ 10 snin u l-inċentiv konsiderevoli finanzjarju wasslu l-livell tar-riċerka xjentifika fil-proposti tal-proġett għal-livell ħafna iktar elevat, li se joffri lill-Ewropa vantaġġi ikbar fit-terminu t-twil, inklużi teknoloġiji ġodda u innovazzjoni iktar rapida.

Sfond

Orizzont 2020 huwa l-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, ippreżentat mill-Kummissjoni bħala parti mill-proposta tagħha għall-baġit tal-UE għall-perjodu mill-2014 sal-2020. Sabiex tagħti spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-muturi għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Kummissjoni pproponiet baġit ambizzjuż ta' EUR80 biljun fuq seba’ snin, inkluż il-programm ta’ inizjattivi ewlenin tal-FET.

Ir-rebbieħa se jirċievu sa EUR 54 miljun mill-Programm ta' Ħidma tal-ICT tal-2013 tal-Kummissjoni Ewropea. Se jkun hemm finanzjament ulterjuri minn programmi ta’ qafas dwar ir-riċerka tal-UE sussegwenti, l-imsieħba privati inklużi l-universitajiet, l-Istati Membri u l-industrija.

Il-Proġett “Grafen”: dan il-materjal jidher iddestinat li fit-terminu t-twil isir importanti daqs l-azzar jew il-plastik. Ir-riċerka dwar il-grafen hija eżempju tan-nanoteknoloġija traslazzjonali emerġenti fejn fl-iskoperti fil-laboratorji akkademiċi huma ttrasferiti malajr għal applikazzjonijiet u prodotti kummerċjali. Il-grafen u materjali relatati għandhom il-potenzjal li jagħmlu impatt profond fl-ICT fiż-żmien qasir u fit-tul: billi jintegraw il-komponenti tal-grafen mal-elettronika bbażata fuq is-silikon, u gradwalment jieħdu post is-silikon jew jippermettu applikazzjonijiet kompletament ġodda. Lil hinn mill-ICT, ir-riċerka dwar il-grafen ser ikollha impatt sinifikanti fuq l-enerġija u t-trasport, kif ukoll fuq is-saħħa.

Il-proġett “Il-Moħħ il-Bniedem”: bħala riżultat ta’ din l-inizjattiva, fin-newroxjenza u n-newroinformatika s-simulazzjoni tal-moħħ se tiġbor u tintegra dejta esperimentali, filwaqt li tidentifika u timla l-lakuni fl-għarfien tagħna. Fil-mediċina, ir-riżultati tal-proġett se jiffaċilitaw dijanjosi aħjar, flimkien ma' simulazzjoni tad-droga u tal-mard. Fl-informatika, tekniki ġodda ta' superinformatika interattiva, xprunati mill-bżonnijiet ta' simulazzjoni tal-moħħ, se jkollhom impatt fuq firxa ta’ industriji, filwaqt li l-istrumenti u s-sistemi, immudellati fuq il-moħħ, se jissuperaw il-limiti fundamentali dwar l-enerġija effiċjenti, l-affidabbiltà u l-programmabilità ta’ teknoloġiji attwali, filwaqt li jwittu t-triq għal sistemi b'intelliġenza simili għall-moħħ.

Ħoloq utli

Ara MEMO/13/36

Digital Agenda website

Il- website ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fu Twitter

Persuni ta’ kuntatt:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website