Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013

Is-Sħubija ta' Kummerċ u Investiment trans-Atlantiku: Il-Kummissarju Karel de Gucht jilqa’ l-approvazzjoni tal-Istati Membri biex jibdew in-negozjati

Il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ De Gucht stqarr:

“Ninsab kuntenta li l-Kunsill illum iddeċieda li jagħti l-approvazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda n-negozjati dwar il-kummerċ u l-investiment mal-Istati Uniti.

Id-deċiżjoni tal-lum tibgħat sinjal importanti lin-nies madwar l-Ewropa li ninsabu magħqudin fid-determinazzjoni tagħna biex jinħolqu l-impjiegi u nsaħħu l-ekonomiji tagħna fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. L-għan tagħna hu li nirrilaxxaw il-potenzjal mhux sfruttat ta’ arranġament globali għal Sħubija Transatlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) komprensiva billi nġibu l-ekonomiji tagħna aktar lejn xulxin minn qatt qabel. Aħna se niksbu dan permezz ta’ iktar aċċess għas-suq tal-Istati Uniti, billi naħdmu mal-Istati Uniti sabiex nistabbilixxu standards globali u b'kompatibbiltà akbar bejn ir-regolamenti rispettivi tagħna.

Fil-qosor, dan il-ftehim se jkun dwar is-simplifikazzjoni tal-ekonomiji tagħna fejn jagħmel sens li jsir dan billi ssir aktar faċli u aktar malajr għall-kumpaniji tagħna li jagħmlu negozju flimkien. Min-naħa l-oħra, dan se jkollu l-effett ta’ tfaddil reali għall-konsumaturi kif ukoll il-ħolqien ta’ għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi għall-Ewropej.

Fl-istess ħin, l-Ewropa se tidħol f'dawn in-negozjati b'mod entużjastiku, iżda realistikament. Standards domestiċi ambjentali, tax-xogħol, dwar il-privatezza jew is-sigurtà, u politiki biex jipproteġu l-konsumaturi ma jistgħux mhux se jonqsu bħala mezz biex jippromwovu l-kummerċ u l-investiment.

L-aħħar estimi juru li ftehim komprensiv u ambizzjuż bejn l-UE u l-Istati Uniti jista' jġib qligħ annwali globali ta’ bejn 0.5 % u 1 % fil-PDG għall-UE. Dan ikun ekwivalenti għal mill-inqas EUR 86 biljun ta’ dħul annwali miżjud għall-ekonomija tal-UE. Fi kliem ieħor, billi tonqos il-burokrazija u jitbaxxew il-prezzijiet tal-konsumatur, ftehim kummerċjali futur mal-Istati Uniti ipoġġi kważi somma addizzjonali ta’ EUR 545 kull sena bħala medja fil-bwiet ta’ familja Ewropea.

Fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi, dak li verament huwa f’riskju f’dan is-settur hija r-rivoluzzjoni diġitali tal-ambjent tal-midja. Iżda bħalissa ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-midja diġitali. Riċentament, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jikkumentaw dwar Green Paper dwar din il-kwistjoni. Għalhekk, ma rridux nittrattawha issa, iżda nerġgħu niġu lura għal din il-kwistjoni fi stadju aktar tard.

Irrid inkun ċar: din mhijiex konċessjoni. Is-servizzi awdjoviżivi bħalissa mhumiex fil-mandat, iżda l-mandat jindika b’mod ċar li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tiġi lura għand il-Kunsill b'Direttivi addizzjonali ta’ negozjati abbażi ta’ diskussjoni mal-kontropartijiet Amerikani tagħna.

Ninsabu lesti li niddiskutuh mal-kontropartijiet Amerikani tagħna u nisimgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni. Dan huwa meta se naslu għal konklużjoni dwar jekk hux se nitolbu għal aktar direttivi ta’ negozjar.”

Kuntest

X’ġara s’issa

Matul is-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-28 ta' Novembru 2011, il-mexxejja waqqfu Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir, immexxi mir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għall-Kummerċ Ron Kirk u l-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Karel De Gucht. Il-Grupp ta' Ħidma ngħata l-kompitu li jidentifika politiki u miżuri li jżidu l-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jappoġġjaw b'benefiċċju reċiproku l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir tal-ekonomija u l-kompetittività internazzjonali. Ir-rapport finali tal-Grupp, ippubblikat fit-13 ta’ Frar 2013, irrakkomanda tnedija tan-negozjati.
Huwa kkonkluda li ftehim komprensiv li jkopri s-setturi kollha jkun ferm pożittiv, billi jiftaħ il-kummerċ u jagħti s-spinta tant mistennija lit-tkabbir ekonomiku u lill-ħolqien tal-impjiegi, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Direttivi ta’ negozjati lill-Istat Membru fit-12 ta’ Marzu 2013 (IP/13/224).

F’Mejju 2013, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li esprima l-intenzjoni tiegħu li jsegwi mill-qrib il-proċess u jikkontribwixxi biex din tirnexxi. Id-deċiżjoni meħuda llum mill-Istati Membri tal-UE tikkonferma l-Kummissjoni Ewropea għandha approvazzjoni kollha meħtieġa biex tuża s-setgħat u tidħol f’negozjati formali tan-negozjati trans-Atlantiki kemm jista’ jkun malajr.

Il-flussi tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti

L-UE u l-Istati Uniti huma l-akbar potenzi ekonomiċi fid-dinja, li flimkien ikopru madwar nofs il-PDG tad-dinja. Dan huwa rifless ukoll fil-flussi bla qies ta’ kummerċ u investiment. Kuljum, aħna ninnegozjaw prodotti u servizzi b’valur ta’ EUR 2 biljun. L-Istati Uniti hija l-ikbar suq tal-esportazzjoni tal-UE, li kull sena tixtri EUR 264 biljun ta’ prodotti tal-UE, jiġifieri 17 % tal-esportazzjoni kollha tal-UE. Barra minn hekk, il-kummerċ trans-Atlantiku fis-servizzi jammonta għal madwar EUR 260 biljun fis-sena. L-investiment totali tal-Istati Uniti fl-UE huwa tliet darbiet ogħla minn dak fl-Asja kollha, u l-investiment tal-UE fl-Istati Uniti huwa madwar tmien darbiet l-ammont ta' investiment tal-UE fl-Indja u ċ-Ċina flimkien. B’mod ġenerali, l-ekonomija trans-Atlantika tappoġġja madwar 1-il miljun impjieg fuq iż-żewġ naħat.

Għal aktar tagħrif

Il-konferenza stampa tal-Kummissarju De Gucht dwar il-mandat tat-TTIP

MEMO dwar il-mandat għan-negozjati

TTIP negotiations website

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-Ftehim ta' Kummerċ u Investiment trans-Atlantiku

Ir-rapport finali tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir

Ir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti

Kuntatti:

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

John Clancy (+32 2 295 37 73)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website