Navigation path

Left navigation

Additional tools

Impjiegi: Il-Kummissjoni tipproponi li tgħin lill-persuni bla impjieg billi ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi

European Commission - IP/13/544   17/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-17 ta’ Ġunju 2013

Impjiegi: Il-Kummissjoni tipproponi li tgħin lill-persuni bla impjieg billi ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi

Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Istati Membri għandhom rwol kruċjali biex jgħinu lil 26 miljun persuna li bħalissa huma qiegħda fl-Ewropa biex isibu impjieg. Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Deċiżjoni biex tgħin lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi ħalli jimmassimizzaw l-effettività tagħhom b'kooperazzjoni aktar mill-qrib biex jindirizzaw aħjar il-bżonnijiet tal-persuna qiegħda u tan-negozji.

Huwa importanti li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jkunu effettivi sabiex l-Istati Membri jimplimentaw b'mod prattiku politiki dwar l-impjieg, bħall-“Garanzija għaż-Żgħażagħ”. Pereżempju, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi qegħdin f'pożizzjoni tajba biex jagħtu pariri lil individwi li qed ifittxu impjieg dwar it-taħriġ, l-apprentistat, l-iskemi ta' taħriġ u opportunitajiet oħra ta' edukazzjoni li jkunu adattati għas-sitwazzjoni tagħhom u għar-rekwiżiti tal-impjegaturi.

Barra minn hekk, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi huwa wkoll meħtieġa biex jiżguraw tlaqqigħ aħjar bejn il-persuni li qegħdin ifittxu impjieg li għandhom ħiliet partikolari u l-impjegaturi li qegħdin ifittxu dawn il-ħiliet. L-aħħar ħarġa tal-European Vacancy Monitor turi li minkejja li l-qgħad fl-Ewropa laħaq rata bla preċedent, fl-UE għad hemm 1,7 miljun post tax-xogħol vakanti.

"It-titjib tal-effiċjenza u tal-effettività tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li għandhom rwol ewlieni fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, huwa essenzjali biex jindirizza r-rata għolja ta' qgħad” qal László Andori, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. Din il-proposta tgħin biex is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jaqdu b'mod xieraq dan ir-rwol essenzjali u biex jappoġġaw aktar koordinazzjoni Ewropea tal-politiki dwar l-impjiegi”.

Id-Deċiżjoni proposta tistabbilixxi pjattaforma li tqabbel il-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi mal-parametri refenzjarji rilevanti, tidentifika l-aħjar prassi u trawwem it-tagħlim reċiproku. Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi stess indikaw li jekk din is-sistema tkun fis-seħħ, il-problemi tas-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jiġu identifikati aktar kmieni.

In-netwerk jipprovdi wkoll appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod prattiku l-politiki dwar l-impjiegi. Eżempju ta' min isemmi huwa l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li qabel magħha l-Kunsill tal-Ministri tal-UE, li titlob lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu offruti impjieg, aktar edukazzjoni, apprentistat jew skema ta' taħriġ fi żmien erba' xhur minn mindu jitilqu l-iskola jew jiġu qiegħda (ara IP/12/1311, MEMO/12/938, SPEECH/12/910, MEMO/13/152).

In-netwerk jgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar kif jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, li ħareġ bihom il-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew (ara IP/13/463).

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi mistennija jiddiskutu l-kooperazzjoni msaħħa f’Summit dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ li se jsir f'Berlin fit-3 ta’ Lulju. Huma mistennija jippreżentaw miżuri konkreti biex jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jiddiskutu dwar kif jistgħu jgħinu lil xulxin f’dan il-qasam.

Id-Deċiżjoni proposta issa se tgħaddi għand il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew biex tiġi adottata, u għandha tiġi implimentata mill-2014 'il quddiem.

Ġaladarba tiġi adottata d-Deċiżjoni proposta, kull Stat Membru jaħtar membru wieħed u membru supplenti wieħed minn fost il-maniġment ta' livell għoli tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tiegħu biex ikunu fil-Bord tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi. Il-Kummissjoni taħtar ukoll membru wieħed u membru supplenti wieħed għall-Bord.

Kuntest

Attwalment bosta Stati Membri qed jiddefinixxu mill-ġdid ir-rwol tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi sabiex jibdluhom f'fornituri tas-servizzi aktar aġli, moderni u orjentati lejn il-klijent biex b'hekk jipprovdu soluzzjonijiet għal impjieg attiv. Hemm bżonn li s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi moderni u effiċjenti jiżviluppaw aktar kooperazzjoni mal-korpi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, irawmu sinerġiji mal-operaturi tal-impjiegi privati u ma' operaturi oħrajn, jagħtu aktar attenzjoni lill-bżonnijiet tal-impjegaturi u lill-iżvilupp tal-ħiliet u jużaw dejjem aktar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni b'mod intelliġenti.

Fl-1997 nħoloq Grupp Ewropew informali ta’ Esperti tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) li jipprovdi input f’waqtu u siewi lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ impjieg.

Id-Deċiżjoni proposta mhux biss tifformalizza l-istatus tiegħu u tiddefinixxi b'mod ċar il-kompiti tiegħu, iżda wkoll tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġetti tas-suq tax-xogħol iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi se jkomplu jikkooperaw ma' xulxin fi ħdan il-EURES, in-netwerk pan-UE għat-tfittxija tal-impjiegi.

Għal aktar informazzjoni:

L-aħbar fuq is-sit tal-internet tad-DĠ għall-Impjiegi:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1918&furtherNews=yes

Is-sit tal-internet ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Abbona bla ħlas għall-bulettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website