Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Ateni, is-16 ta’ Ġunju 2013

Il-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra: Imħabbra r-rebbieħa tal-għażla pubblika u l-Grand Prix għall-2013

Ir-rebbieħa għall-2013 tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra se jkunu onorati llejla f’ċerimonja f’Ateni fil-preżenza ta’ Karolos Papoulias, il-President tal-Greċja, Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, u Plácido Domingo, it-tenur ta’ fama mondjali u l-President tal-Europa Nostra. Iċ-ċerimonja se ssir fl-Odeon ta' Herodes Atticus, taħt l-Akropolis, quddiem udjenza li tista' tlaħħaq il-5,000 ruħ. Ir-rebbieħa tal-premju tal-għażla pubblika u l-“Grand Prix” se jitħabbru għall-ewwel darba.

Ir-rebbieħ tal-premju tal-għażla pubblika għall-2013, li ntgħażel minn fost 30 kontestant permezz ta' votazzjoni onlajn (ara IP/13/279), huwa Il-Bini Ċentrali tal-Propilew f'Ateni. Il-ġurija għat-taqsima tal-konservazzjoni tal-premjijiet faħħret il-kwalità għolja fl-użu tas-snajja fi "proġetti eżemplari li mhux biss irnexxielhom isalvaw dan il-monument ikoniku tal-kultura Ewropea iżda wkoll saħħew il-valuri inerenti formali u soċjali tiegħu”.

Illejla se jkun hemm ċelebrazzjoni doppja għall-Greċja għaliex il-Kumitat għall-Konservazzjoni tal-Monumenti tal-Akropolis huwa fost is-seba’ rebbieħa tal-Grand Prix magħżula mill-ġurija esperta. Is-sitta l-oħra (il-kummenti tal-ġurati qegħdin hawn taħt) huma:

Meta tkellmet qabel iċ-ċerimonja, il-Kummissarju Vassiliou qalet: “Illejla qed niċċelebraw eżempji eċċezzjonali ta’ konservazzjoni, riċerka, servizz eżemplari, edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni. Din is-sena l-għażla kienet partikolarment diffiċli. Il-kwalità u d-diversità eċċellenti tal-proġetti rebbieħa jenfasizzaw il-ħiliet straordinarji u l-passjoni li huma eżempji perfetti fis-settur tal-wirt kulturali tal-Ewropa — settur li għandna nappoġġjaw u nipproteġu għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Il-wirt mhuwiex il-glorifikazzjoni tal-passat tagħna. Huwa ta’ valur kbir għall-preżent u l-futur tagħna; huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jagħmel lill-Ewropa l-aktar destinazzjoni turistika fid-dinja, b'kontribut sinifikanti għall-ekonomija tagħna u bil-ħolqien tal-impjiegi fl-ibliet u r-reġjuni tagħna.”

Il-President tal-Europa Nostra, Plácido Domingo, żied jgħid: "Ateni, il-benniena tad-demokrazija tal-Ewropa, hija l-qafas ideali li mhux biss jagħti ħajr lir-rebbieħa tal-premjijiet tagħna, iżda wkoll liċ-ċittadini u l-komunitajiet kollha li huma ferm involuti fil-ħarsien tal-wirt kulturali u naturali tagħna. L-ebda post ma huwa aktar xierqa minn Ateni għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u l-50 anniversarju tal-Europa Nostra. Illejla, fl-Odeon ta' Herodes Atticus, se ngawdu wkoll wirja evokattiva ta' artisti magħrufa, ibbażata fuq il-wirt għani mużikali u letterarju Grieg. Il-lejla kollha tagħna f’Ateni se tkun ċelebrazzjoni nobbli ddedikata lill-Ewropa tal-Kultura.”.

Kuntest

Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra ilhom jiġu organizzati mill-Europa Nostra u l-Kummissjoni Ewropea mill-2002. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet hija miżmuma taħt il-patroċinju tal-President tal-Greċja, Karolos Papoulias, flimkien ma’ Elliniki Etairia, ir-rappreżentanza ta' Europa Nostra fil-Greċja. Iċ-ċerimonja taħbat mal-Kungress tal-Ħamsin Anniversarju ta' Europa Nostra.

It-30 rebbieħ tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra għall-2013 intgħażlu minn fost kważi 200 proġett nominati minn 30 pajjiż. Ġurija speċjalizzata magħmula minn esperti indipendenti mill-Ewropa kollha ivvalutaw il-proġetti nominati f’erba’ kategoriji ta’ premjijiet — 1) il-konservazzjoni, 2) ir-riċerka, 3) is-servizz eżemplari, u 4) l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni. Ir-rebbieħa kollha se jirċievu plakka jew trofew. Is-seba' rebbieħa tal-Grand Prix se jirċievu wkoll EUR 10 000 kull wieħed.

Il-wirt kulturali jagħti kontribut sinifikanti lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Huwa parti importanti mis-setturi kulturali u kreattivi u jipprovdi l-impjieg għal madwar 8 miljun ruħ fl-UE filwaqt li jikkontribwixxi sa 4.5 % tal-PDG tal-Ewropa. Huwa stmat li l-infiq fuq il-konservazzjoni tal-wirt kulturali mill-korpi pubbliċi u privati jiswa EUR 5 biljun fis-sena. Figuri ppubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) juru li 40 % tat-turiżmu mondjali għandu dimensjoni kulturali. Il-wirt kulturali huwa wkoll riżors importanti għall-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali.

Il-premjijiet għandhom l-appoġġ tal-Programm Kulturali tal-UE, li mill-2007 lil hawn investa aktar minn EUR 30 miljun fil-kofinanzjament ta' proġetti relatati mal-wirt nazzjonali. Programmi oħra tal-UE li joffru appoġġ ukoll: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali alloka EUR 6 biljuni għall-kultura bejn l-2007 u l-2013. Minn dan l-ammont, EUR 3 biljun huma ddedikati għall-appoġġ tal-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, EUR 2.2 biljun għall-għajnuna fl-iżvilupp tal-infrastruttura kulturali filwaqt li EUR 775 miljun jikkofinanzjaw servizzi kulturali bħat-taħriġ vokazzjonali, l-arti u l-edukazzjoni dwar il-wirt nazzjonali. Mill-1998 lil hawn EUR 150 miljun oħra kienu disponibbli permezz tal-Programmi Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.

Europa Nostra hija NGO pan-Ewropea li sservi ta' vuċi għall-wirt kulturali. Din tirrappreżenta 250 organizzazzjoni mhux governattiva mingħajr skop ta’ qligħ li ġejjin minn aktar minn 50 pajjiż Ewropew, li flimkien iħaddnu mill-anqas 5 miljun ċittadin. Għandha wkoll l-appoġġ ta’ aktar minn 150 awtorità pubblika u korporazzjonijiet assoċjati u aktar minn 1 500 membru individwali. In-netwerk enormi ta' professjonisti u voluntiera huwa impenjat fil-ħarsien tal-wirt kulturali Ewropew għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet tal-2013 f'Ateni hija parti mill-Kungress annwali għall-Wirt Ewropew tal-Europa Nostra u taħbat mal-50 anniversarju tagħha.

Id-data ta' skadenza għan-nominazzjoni tal-premjijiet li jmiss hija d-9 ta' Settembru 2013. Iċ-ċerimonja tas-sena d-dieħla se ssir fi Vjenna fil-5 ta’ Mejju 2014.

Għal aktar informazzjoni:

Europa Nostra: ritratti vidjos

Il-Kummissjoni Ewropea: Kultura

Androulla Vassiliou's website

MEMO/13/561 Mistoqsijiet frekwenti

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Għal Europa Nostra

Elena Bianchi +31 703024058, Twitter: @europanostra

Giuseppe Simone +31 703024059

ANNESS

Il-kummenti tal-ġurija dwar is-seba' proġetti tal-Grand Prix

Kategorija 1 - Konservazzjoni

Il-port tal-ajruplani tal-baħar ta' Tallinn, l-ESTONJA

Il-port tal-ajruplani tal-baħar ta' Tallinn, li beda jopera fl-1912, huwa wieħed mill-aktar monumenti ewlenin tal-avjazzjoni tal-Ewropa. Il-ħangars tiegħu huma maħsubin li huma l-ewwel struttura kbira b'involkru tal-konkos rinfurzat fid-dinja. Il-ġurija rrikonoxxiet ir-restawr eżemplari u teknikament kumpless tal-istruttura li kienet tidher li hi mingħajr tama ta' tiswija. Il-ħangars restawrati tal-ajruplani tal-baħar, li jilqgħu ġo fihom mużew marittimu - l-iktar wieħed li ra żjarat fl-Estonja minn mindu nfetaħ f'Mejju tal-2012 - għandhom ukoll l-irwol ewlieni li jerġgħu jagħtu l-ħajja lil kwartier ta' Tallinn li kien kemxejn mitluq.

It-Teatru Ruman ta' Medellin, SPANJA

It-teatru Ruma ta' Medellin, li kien fi stat ħażin u parzjalment mirdum, ġie mibdul f'sit ewlieni ta' wirt kulturali . It-teatru kien skavat u kkonservat b'mod komprensiv, u magħmul aċċessibbli għat-turisti. L-artefatti misjuba tqiegħdu għall-wiri f'mużewijiet lokali. Il-ġurija kienet impressjonata bir-reqqa u l-importanza ta' dan il-proġett, li juri li anki f'post maqtugħ u mbiegħed tal-kontinent, dak li jagħmel il-kultura Ewropea jista jintwera biex jagħmel iktar għanja kemm iż-żona lokali kif ukoll il-wirt kollettiv usa' tagħna.

Strawberry Hill, Twickenham, ir-RENJU UNIT

Mibnija bħala villa privata fuq ix-xmara Thames, 'id-dar tal-logħob' ta' Horace Walpole kienet użata bħala abitazzjoni sal-1923, meta nbiegħet lil istituzzjoni għat-taħriġ tal-għalliema. Minkejja l-pożizzjoni kritika tal-villa fl-istorja tal-arkitettura, bħala l-benniena tal-qawmien ġdid Gotiku, Strawberry Hill kienet mitluqa, bdiet issirilha l-ħsara u kienet imsewwija b'mod ħażin. Il-ġurija faħħret il-konservazzjoni sabiħa ta' dan il-post li hu eċċezzjonalment influwenti u ammirat il-kuraġġ u l-impenn murija mill-voluntiera lokali u s-sħab professjonali tagħhom.

Kategorija 2 – Ir-Riċerka

Ir-Restawr tal-Magni Eċċezzjonali tal-Birrerija Wielemans-Ceuppens, Brussell, il-BELĠJU

Il-birrerija Wielemans-Ceuppens tissimbolizza ż-żona ta' Brussell, l-uniku post fid-dinja fejn tiġi magħmula birra artiġjanali ('gueuze'). Mibnija fl-1894 u l-1905, dawn il-magni ma salvaw mkien iktar fl-Ewropa u waħda minnhom hija unika fid-dinja. Il-ġurija sabet dan l-istudju, li kellu l-għan li jivvaluta l-karattru uniku tal-makkinarju u jeżamina l-fattibbiltà li dan jiġi rrestawrat bl-għan li jiġi użat għat-tagħlim, partikolarment interessanti. Ir-riżultat huwa programm ta' taħriġ li jwassal għal kwalifika professjonali, imsejjes fi ħdan il-pjan għar-restawr ta' dan is-sit industrijali storiku Ewropew.

Kategorija 3 - Servizz Eżemplari

L-Assoċjazzjoni għall-Promozzjoni tal-Arti u l-Kultura fil-Parti tal-Lvant tal-Ġermanja (VKF), Berlin, il-ĠERMANJA

Imwaqqfa minn studenti fl-1992 biex tiġbed l-attenzjoni lejn l-arkitettura storika li kienet mitluqa serjament fl-artijiet ta' wara dik li kienet il-Purtiera tal-Ħadid, il-VKF wessgħet l-orizzonti tagħha biex tinkludi sessjonijiet ta' ħidma għall-preservazzjoni ta' wirt mhedded fil-Polonja u r-Rumanija. Il-pjan huwa li x-xogħol jinfirex fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. L-assoċjazzjoni diġà mexxiet madwar erbgħin sessjoni ta' ħidma. F'kull okkażżjoni, minn tletin sa ħamsin persuna minn madwar il-Ġermanja kollha vjaġġaw lejn sit storiku u ħadmu flimkien mal-komunità lokali. Il-ġurija kienet impressjonata ħafna b'din l-inizjattiva eżemplari tal-voluntiera żgħażagħ.

Il-Kumitat għall-Konservazzjoni tal-Monumenti tal-Akropoli (ESMA), Ateni, il-GREĊJA

Tul 37 sena, il-Kumitat għall-Konservazzjoni tal-Monumenti tal-Akropoli ppjana u ggwida b'attenzjoni l-konservazzjoni ta' wieħed mill-iktar siti ikoniċi tal-kultura Ewropea. Ir-riżultati tal-pariri tagħhom jidhru fil-kwalità tax-xogħol, in-natura riversibbli tiegħu, l-użu ta' materjali ġodda kompatibbli kif ukoll ta' tekniċi tradizzjonali tat-tqattigħ tal-irħam, riċerka akkademika u d-dokumentazzjoni tax-xogħol, kollha tal-ogħla livell. Il-ġurija rat ix-xogħol volontarju magħmul minn dan il-korp interdixxiplinarju ta' speċjalisti mill-aqwa bħala eżempju eċċellenti ta' servizz eżemplari għall-ħarsien tal-monumenti.

Kategorija 4 — Edukazzjoni, Taħriġ u Sensibilizzazzjoni

Il-Proġett SOS Azulejo, Loures, il-PORTUGALL

Il-madum storiku u artistiku Portugiż (azulejos) jispikka fid-dinja tal-wirt kulturali għad-dettall fid-disinn u l-kulur. Iżda dan il-madum kien vittma ta' telfiet kbar fl-aħħar għoxrin sena, riżultat ta' serq u nuqqas ta' konservazzjoni. Il-Mużew tal-Pulizija Ġudizzjarja Portugiża, bi sħab ma' diversi għaqdiet, nieda l-Proġett SOS Azulejo fl-2007. Minn dik is-sena 'l hawn, kien hemm tnaqqis ta' 80 % f'serq irreġistrat ta' madum. Il-ġurija saħqet li l-fatt li daqstant ġie miksub mingħajr finanzjament addizzjonali huwa turija tal-kreattività, il-passjoni u d-dedikazzjoni ta' dawk involuti.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website