Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013

Il-Kummissarju Hahn jilqa’ l-ftuħ tal-"Pont Ġdid tal-Ewropa" bħala simbolu qawwi ta’ kooperazzjoni Ewropea

Il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn illum se jkun qiegħed jipparteċipa f'mument storiku bejn il-Bulgarija u r-Rumanija, u r-reġjuni ġirien ta’ Vidin u Calafat, meta jattendi l-ftuħ inawgurali ta' pont li jgħaqqad iż-żewġ pajjiżi. Il-Kummissarju Hahn se jkun akkumpanjat mill-President Plevneliev u mill-Prim Ministru Oresharski tal-Bulgarija, kif ukoll mill-Prim Ministru Rumen Ponta. Il-pont, li ngħata l-isem dan l-aħħar ta' "Pont Ġdid tal-Ewropa" rċieva s-somma ta' EUR 106 miljun f'investiment tal-UE u huwa biss it-tieni pont tul il-fruntiera ta' 630 km bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa ta’ importanza strateġika vitali għall-UE: ħolqa ewlenija f’rotta li tista’ testendi mill-Ewropa ta' Fuq, il-pajjiżi Baltiċi, mill-Ewropa Ċentrali, ir-Rumanija u l-Bulgarija, u eventwalment lejn il-Greċja.

Il-kostruzzjoni fuq il-proġett tal-pont bdiet fl-2007, iżda l-pjan kien ilu jiġi diskuss għal kważi 15-il sena. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, bil-metodu uniku tagħha ta' kooperazzjoni, flimkien mal-intervent tal-Kummissarju Hahn, servew ta' xprun biex il-proġett jitlesta.

Waqt li kien qed jikkummenta dwar il-ftuħ, il-Kummisarju qal: “Dan il-pont huwa simbolu qawwi tal-Politika Reġjonali tal-UE li jgħaqqad il-komunitajiet u li joħloq rabtiet kummerċjali vitali. Illum, il-Pont Ġdid tal-Ewropa mhux biss se jinfetaħ għat-traffiku, iżda qed iwassal għal firxa sħiħa ta' opportunitajiet għan-negozju u r-riċerka fuq iż-żewġ naħat tal-ilma, u lil hinn.”

Huwa żied jgħid: “Ninsab fiduċjuż li l-kollaborazzjoni bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija — li aħna għinna titrawwem permezz tal-Istrateġija tad-Danubju u li għamlet possibbli dan il-proġett, se toħloq l-inċentiv għal aktar konnessjonijiet, u se tkun ta' benefiċċju kbir għaż-żewġ pajjiżi.”

Il-Pont Ġdid tal-Ewropa, li formalment jissejjaħ il-Pont Calafat-Vidin, jifforma parti essenzjali mill-kurriduri ta' prijorità tal-UE tat-toroq u tal-ferrovija, u huwa mistennija li jnaqqas b'mod radikali il-ħin tal-vjaġġi għall-passiġġieri u l-merkanzija bejn ix-Xlokk tal-Ewropa, it-Turkija u l-Ewropa Ċentrali. Il-pont se jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu meta jiġi kompletament konness ma’ netwerks tal-ferrovija u tat-triq modernizzati fuq iż-żewġ naħat. Ir-Rumanija u l-Bulgarija diġà bdew jistabbilixxu dawn ir-rabtiet vitali.

Sfond

Il-Kummissjoni mmonitorjat il-proċess ta’ kostruzzjoni tal-pont mill-qrib biex tkun ta' għajnuna ħalli tiġi garantita implimentazzjoni malajr. L-ispejjeż totali tal-proġett kienu EUR 282 miljun — koperti minn taħlita ta’ Fondi tal-UE (b’valur ta’ EUR 106m), finanzjament nazzjonali u investiment privat fil-forma ta’ għotjiet u self. Il-pont huwa mibni f’żona fejn ix-xmara Danubju għandha wesa' ta' madwar 1 300 metru. Il-pont għandu tul ta' madwar 1.8km fit-tul u għandu erba' korsiji, linja waħda ferrovjarja kif ukoll mogħdijiet għal min jimxi u għaċ-ċiklisti.

Aktar informazzjoni

Il-Pont Ġdid tal-Ewropa

www.danube-region.eu

Twitter: @EU_Regional @JHahnEU

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website