Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi l-Premju tal-UE tal-2013 għall-Ġurnalisti fil-Qasam tas-Saħħa

European Commission - IP/13/536   14/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO HR

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013

Il-Kummissjoni tniedi l-Premju tal-UE tal-2013 għall-Ġurnalisti fil-Qasam tas-Saħħa

Illum jinfetħu l-bibien virtwali għall-ġurnalisti mill-UE kollha li jixtiequ jieħdu sehem fil-Premju annwali tal-UE għall-Ġurnalisti fil-Qasam tas-Saħħa. Ir-rebbieħa jistgħu jirbħu somom ta’ flus u jirċievu rikonoxximent fl-UE kollha għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu fil-qasam tas-saħħa billi jibagħtu l-artikli tagħhom fuq l-internet sat-30 ta’ Settembru 2013. Il-premju għall-ġurnalisti, li din is-sena qed jitnieda għall-ħames darba, għandu l-għan li jħeġġeġ u jippremja l-ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja li jqajjem kuxjenza dwar is-saħħa, dwar il-kura tas-saħħa u dwar id-drittijiet tal-pazjenti. Din is-sena l-premju huwa miftuħ għal 28 pajjiż Ewropew, minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju li ġej.

Il-Kummissarju għas-Saħħa, Tonio Borg, qal: “Il-ġurnalisti għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-għoti ta’ messaġġi dwar is-saħħa lill-Ewropej. Kemm jekk il-messaġġ ikun dwar kif wieħed jibqa’ b’saħħtu u kemm jekk ikun dwar kif taħdem is-sistema tas-saħħa, il-ġurnalisti qegħdin f’pożizzjoni tajba biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwarhom. Din hija r-raġuni għaliex il-ġurnalisti tal-UE li jiktbu dwar is-saħħa qed jiġu mistiedna, għall-ħames sena konsekuttiva, għall-konkors “Kun rebbieħ tal-Premju tal-UE għall-Ġurnalisti fil-Qasam tas-Saħħa””.

Temi

It-temi għall-premju ta’ din is-sena huma l-prevenzjoni tal-mard, il-kura tas-saħħa, is-sistemi tas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti. Is-suġġetti speċifiċi huma:

  1. il-kura tas-saħħa transkonfinali;

  2. il-mard rari;

  3. id-donazzjoni u t-trapjant tal-organi;

  4. il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa;

  5. is-sikurezza tal-pazjenti u l-infezzjonijiet li wieħed jieħu mill-isptar;

  6. il-mard kroniku: il-kanċer, il-mard kardjovaskulari u d-dijabete;

  7. it-tilqim kontra l-influwenza u t-tilqim tat-tfal;

  8. l-użu għaqli tal-antibijotiċi;

  9. it-tixjiħ u d-dimenzja;

  10. it-tixjiħ attiv u fi stat tajjeb ta’ saħħa;

  11. il-prodotti farmaċewtiċi;

  12. il-fatturi li jiddeterminaw is-saħħa: it-tabakk, l-alkoħol u n-nutrizzjoni u l-attività fiżika.

Il-premjijiet

Se jingħataw premjijiet għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post, u r-rebbieħa tagħhom se jirbħu EUR 6 500, EUR 4 000 u EUR 2 500 rispettivament.

L-għażla tar-rebbieħa u l-għoti tal-premjijiet lilhom

F’kull pajjiż tal-UE, ġurija nazzjonali magħmula minn ġurnalisti u minn esperti fil-qasam tas-saħħa pubblika u ppreseduta mill-Kummissjoni Ewropea, se tagħżel finalist nazzjonali wieħed. Ġurija tal-UE mbagħad se tagħżel tliet rebbieħa fil-livell tal-UE minn fost it-28 finalist. It-28 finalist se jiġu mistiedna jmorru Brussell fil-bidu tal-2014 għall-għoti tal-premjijiet.

Ir-regoli

  1. Dawk li jieħdu sehem fil-kompetizzjoni jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE jew ikunu residenti f’xi wieħed minnhom, u jrid ikollhom 18-il sena jew aktar.

  2. Kull parteċipant jista’ jibgħat sa mhux aktar minn żewġ artikli. Jiġu aċċettati wkoll artikli mibgħuta minn grupp ta’ parteċipanti f’daqqa, sakemm il-grupp ma jkunx magħmul minn iktar minn ħames persuni.

  3. L-artikli kollha jridu jkunu nkitbu b’xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u jridu jkunu ġew ippubblikati oriġinarjament jew fil-midja stampata jew fuq l-internet bejn l-1 ta’ Awwissu 2012 u t-30 ta’ Settembru 2013.

  4. It-tul massimu tal-artiklu ma jistax jaqbeż l-20,000 karattru (inklużi l-ispazji).

  5. Aktar regoli u kundizzjonijiet jinsabu fuq is-sit tal-internet rilevanti.

Sabiex tibgħat artiklu u għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit tal-internet rilevanti li ġej:
http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/index_mt.htm

Is-sit tal-internet tal-Kummissarju Tonio Borg:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/borg/index_en.htm

Agħfas “Like” fuq il-paġna tagħna ta’ “Facebook”:

Il-premju tal-UE għall-ġurnalisti fil-qasam tas-saħħa

Segwina fuq “Twitter”: @EU_Health

Persuni ta’ kuntatt:

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website