Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, it-13 ta' Ġunju 2013

eCall: is-sejħa ta' emerġenza awtomatika għall-aċċidenti tat-traffiku ssir obbligatorja għall-karozzi mill-2015

Sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi tal-aċċidenti serji tat-traffiku fl-UE, illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ proposti biex tiżgura li, sa Ottubru 2015, il-karozzi se jsejħu b'mod awotomatiku lis-servizzi ta' emerġenza f'każ ta' ħabta gravi. F'każ ta' aċċident serju, is-sistema "eCall" iċċempel b'mod awtomatiku lin-numru 112, in-numru uniku Ewropew ta' emerġenza. Din tikkomunika l-pożizzjoni tal-vettura lis-servizzi ta' emerġenza, anke jekk is-sewwieq ma jkunx f'sensih jew ma jkunx jista' jagħmel telefonata. Huwa stmat li din is-sistema tista' ssalva sa 2500 persuna fis-sena (MEMO/13/547).

Dan l-abbozz leġiżlattiv se jiżgura li minn Ottubru 2015, il-mudelli l-ġodda kollha ta' vetturi tal-passiġġieri u ta' vetturi ħfief se jkunu mgħammra bis-sistema eCall li ċċempel in-numru 112 u li se tinħoloq l-infrastruttura neċessarja sabiex l-eCalls jiġu riċevuti u trattati kif suppost fiċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet ta' emerġenza b'tali mod li jiġu żgurati l-kompattibiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz eCall fl-UE kollha.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "Il-proposti tal-lum huma pass importanti biex tiżdied is-sikurezza stradali fl-UE. Is-sena l-oħra, 28 000 persuna nqatlet u 1.5 miljun oħra ndarbu fit-toroq tal-UE. Meta jseħħ aċċident, kull minuta tgħodd biex jiġu salvati l-midruba. It-teknoloġija eCall għandha potenzjal kbir biex issalva l-ħajja tan-nies billi tnaqqas b'mod drammatiku l-ħin ta' intervent tas-servizzi ta' emerġenza fl-UE kollha."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "L-implimentazzjoni ta' sistema eCall interoperabbli fl-UE kollha hija progress importanti għas-sikurezza stradali. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jserrħu rashom b'din is-sistema, li permezz tagħha s-servizzi ta' emerġenza se jkunu jistgħu jintervjenu aktar malajr u jnaqqsu l-għadd ta' mwiet u ta' midruba fit-toroq tagħna. Hija wkoll pass importanti 'l quddiem biex il-vetturi tagħna jkunu aktar intelliġenti u biex ittejjeb il-kompetittività tagħna."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes, responsabbli mill-Aġenda Diġitali, qalet: "Is-sistema eCall fl-UE kollha hija pass kbir 'il quddiem għas-sikurezza stradali. Meta jkun hemm bżonn urġenti tal-appoġġ ta' emerġenza, huwa ħafna aħjar li wieħed ikun konness ma' din is-sistema milli jkun maqtugħ għalih waħdu. Dan huwa l-vera valur tal-ICT."

Benefiċċji tal-eCall

Id-dejta riċevuta permezz tas-sistema eCall se tippermetti li s-servizzi ta' emerġenza jipprovdu għajnuna aktar malajr lis-sewwieqa tal-vetturi u lill-passiġġiera, u għalhekk tgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu kkurati l-midruba aktar malajr. L-istimi jissuġġerixxu li l-eCall tista' tħaffef il-ħinijiet ta' rispons għall-emerġenza b'40 % fiż-żoni urbani u b'50 % fil-pajżaġġ, u ssalva sa 2500 persuna fis-sena.

Barra mill-benefiċċji tas-sikurezza stradali, l-eCall se jkollha wkoll impatt konsiderevoli fuq it-tnaqqis tal-konġestjoni kkawżata minn aċċidenti tat-traffiku u fuq it-tnaqqis tal-aċċidenti sekondarji kkawżata minn siti ta' aċċidenti mhux siguri. L-industrija se tibbenefika wkoll minn din is-sistema permezz tal-ħafna kumpaniji li huma involuti fil-forniment ta' teknoloġiji, komponenti u servizzi użati f'aspetti differenti tal-eCall li jinkludu s-sistemi mmuntati fil-vettura, it-trażmissjoni ta' dejta mingħajr fili u ċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika. Barra minn hekk, huwa mistenni li t-tagħmir immuntat fil-vettura introdott bl-eCall, jista' jintuża għal servizzi oħrajn ta' valur miżjud (bħal-okalizzazzjoni ta' karozzi misruqa).

Kif taħdem l-eCall

L-eCall hija attivata awtomatikament malli s-sensuri fil-vetturi jagħrfu li tkun seħħet ħabta gravi. Ladarba tagħraf il-ħabta, is-sistema ċċempel lin-numru Ewropew ta’ emerġenza 112, tistabbilixxi kuntatt bit-telefon maċ-ċentru tas-sejħiet ta’ emerġenza u tibgħat id-dettalji tal-aċċident lis-servizzi tas-salvataġġ, li jinkludu l-ħin tal-aċċident, il-pożizzjoni eżatta tal-vettura maħbuta u d-direzzjoni tal-vjaġġ (importanti ħafna fl-awtostradi u fil-mini). L-eCall tista’ titħaddem ukoll manwalment billi tingħafas buttuna fil-karozza, pereżempju bħalma jista' jagħmel xhud ta' aċċident serju.

Proposti għal leġiżlazzjoni biex tinħoloq sistema obbligatorja ta' eCall

Il-Kummissjoni qed tipproponi żewġ dokumenti leġiżlattivi biex jgħinu fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni tas-sistema:

  • Regolament dwar ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għall-implimentazzjoni tas-sistema eCall (u li jemenda d-Direttiva 2007/46/ECrelatata) – li bih il-vettura tkun adattata għall-eCall; u

  • Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta' sistema eCall interoperabbli fl-UE kollha - li tagħmel l-infrastruttura pubblika adattata għall-eCall.

Dawn il-proposti jiffinalizzaw it-tliet stadji leġiżlattivi tal-Kummissjoni biex jagħmlu s-sistema eCall obbligatorja fl-UE kollha (ara IP/11/1010 u Regolament Delegat Nru°305/2013). Il-Kummissjoni kienet talbet minn qabel biex l-eCall titħaddem b’mod volontarju fl-Ewropa sal-2009 (IP/09/1245), iżda l-adozzjoni kienet bil-mod wisq.

Il-passi li jmiss

Hekk kif jiġu approvati l-proposti tal-lum mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni qed timmira li sal-2015 ikollha servizz eCall kompletament funzjonali fl-UE kollha (kif ukoll fl-Islanda, fin-Norveġja u fl-Isvizzera).

Proposta għal regolament dwar ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għall-implimentazzjoni tas-sistema eCall

Proposta għal deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta' sistema eCall interoperabbli fl-UE kollha

Għal aktar informazzjoni dwar eCall

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site