Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-13 ta’ Ġunju 2013

Testijiet tal-Istress Nukleari tal-UE: Analiżijiet legalment vinkolanti ta' kull sitt snin

Is-sikurezza tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari hija vitali għall-Ewropej kollha. Dispożizzjonijiet tas-sikurezza rigorużi jgħinu jiżguraw li aċċidenti bħal dak ta' Fukushima ma jseħħux fl-Ewropa. Jekk qatt isseħħ emerġenza nukleari, dawn jiggarantixxu wkoll li r-rispons ikun mill-aktar effikaċi. Bil-proposta tal-lum, li temenda d-Direttiva dwar is-sikurezza nukleari mill-2009, il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi l-għanijiet tas-sikurezza għall-UE kollha sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji u jiġu mħarsa l-persuni u l-ambjent. L-għan tad-Direttiva huwa t-titjib kontwinwu tas-sikurezza nukleari madwar l-UE, bl-introduzzjoni ta' sistema Ewropea ta’ evalwazzjonijiet regolari bejn il-pari li żżid it-trasparenza dwar il-kwistjonijiet tas-sikurezza nukleari u ssaħħaħ is-setgħat tar-regolaturi nazzjonali.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: "L-għażla qiegħda f'idejn l-Istati Membri jekk huma jixtiequ jipproduċu l-enerġija nukleari jew le. Jibqa’ l-fatt li llum hemm 132 reattur nukleari li huma operattivi fl-Ewropa. Ix-xogħol tagħna fil-Kummissjoni huwa li jiġi żgurat li s-sikurezza tingħata l-prijorità assoluta f’kull wieħed minnhom.”

Din id-Direttiva l-ġdida tistabbilixxi:

  • Għanijiet tas-sikurezza: L-Istati Membriu se jiżguraw li - fil-każ ta' aċċidenti - r-rilaxx ta' radjoattività fl-ambjent huwa prattikament eliminat.

  • Madwar l-UE kollha, analiżijiet legalment vinkolanti ta' kull sitt snin: L-Istati Membri se jaqblu b'mod konġunt dwar is-suġġett(i) speċifiku u l-metodoloġija komuni tal-analiżijiet li se jitwettqu mit-timijiet multinazzjonali. L-Istati Membri huma wkoll responsabbli għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Fil-każ li jkun hemm dewmien jew rakkomandazzjonijiet li ma ġewx implementati, il-Kummissjoni Ewropea tista' torganizza missjoni ta' verifikazzjoni lill-Istat Membru.

  • Analiżijiet nazzjonali: Kull impjant tal-enerġija nukleari ssirlu analiżi perjodiku tas-sikurezza, għall-inqas darba kull 10 snin u analiżi speċifika fil-każ ta' estensjoni possibbli tat-tul tal-ħajja;

  • Impjanti tal-Enerġija Nukleari Ġodda: Kull impjant nukleari huwa mfassal b’tali mod li jiżgura li jekk il-qalba tar-reattur tispiċċa bil-ħsara, din ma jkollhiex konsegwenzi barra l-impjant;

  • Preparazzjoni u rispons għall-emerġenza ta' fuq il-post: Kull impjant tal-enerġija nukleari jrid ikollu ċ-ċentri tar-rispons għall-emerġenzi li huma protetti kontra r-radjuattività u kontra t-terremoti jew l-għargħar u li jimplementaw linji gwida stretti għall-ġestjoni tal-aċċidenti;

Fir-rigward tat-trasparenza, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tal-impjanti se jkollhom jiżviluppaw strateġija li se tiddefinixxi kif il-pubbliku se jkun infurmat f’każ ta’ inċident, u wkoll fiż-żminijiet tal-operat normali tal-impjant. Din l-istrateġija għandha tiġi ppubblikata. Barra minn hekk, iċ-ċittadini se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet meta l-liċenzjar tal-impjant tal-enerġija nukleari l-ġdid ikun qed jintagħżel.

Fl-aħħar nett, id-Direttiva tiżgura li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma indipendenti fit-teħid tad-deċiżjonjiet tagħhom u li l-interessi politiċi, ekonomiċi jew tas-soċjetà ma jissuperawx l-għanijiet ta’ sikurezza. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġu allokati fondi u persunal espert suffiċjenti li jippermettu t-tħaddim effettiv tagħhom.

Sfond

Wara l-aċċident nukleari f’Fukushima f’Marzu 2011, il-kapijiet tal-istati u l-gvernijiet tal-UE talbu lill-Kummissjoni, flimkien mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), biex twettaq testijiet tal-istress u biex tanalizza l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza nukleari.

Flimkien mat-tagħlimiet minn Fukushima u t-testijiet tal-istress, il-proposta hija bbażata fuq sorsi varji ta’ kompetenzi, notevolment l-ENSREG, il-grupp ta’ esperti xjentifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), l-Assoċjazzjoni tar-Regolaturi Nukleari tal-Ewropa tal-Punent (WENRA), ir-rapporti minn pajjiżi barra mill-UE bħall-Ġappun jew l-Istati Uniti, eċċ. Din tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet espressi mill-partijiet interessati, inklużi r-regolaturi nazzjonali, l-industrija u s-soċjetà ċivili.

Aktar informazzjoni

Abbozz ta’ proposta għal Direttiva dwar is-sikurezza nukleari

Paġna web tal-Grupp Ewropew tar-Regolaturi tas-Sikurezza Nukleari

Il-paġna tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-enerġija nukleari

Filmat dwar is-sikurezza nukleari

Memo/13/539

Kuntatti :

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website