Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tagħmel sejħa għal azzjoni f'Davos – mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjonijiet u tas-settur tal-IT – biex jixxejjen id-distakk bejn il-ħiliet u l-impjiegi fl-Ewropa

Commission Européenne - IP/13/52   25/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Jannar 2013

Il-Kummissjoni tagħmel sejħa għal azzjoni f'Davos – mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjonijiet u tas-settur tal-IT – biex jixxejjen id-distakk bejn il-ħiliet u l-impjiegi fl-Ewropa

L-Ewropa qed taffaċċja sa 700,000 post tax-xogħol battal fl-ICT u tnaqqis fil-kompetittività. L-għadd ta' impjiegi diġitali qed jiżdied – bi 3% kull sena matul il-kriżi – iżda l-għadd ta' gradwati ġodda fl-ICT u ta' ħaddiema oħra mħarrġa fl-ICT qed jonqos. Iż-żgħażagħ tagħna jeħtieġu azzjonijiet mhux paroli, u l-kumpaniji li joperaw fl-Ewropa jeħtieġu l-aqwa nies inkella jmorru jiftħu band'oħra.

Illum, il-Kummissjoni qed tagħmel sejħa għal azzjoni lil kumpaniji, gvernijiet, edukaturi, sħab soċjali, fornituri tas-servizzi tal-impjieg u s-soċjetà ċivili biex jingħaqdu magħha fi sforz kbir biex tinbidel id-direzzjoni. Iż-żgħażagħ Ewropej għandu jkollhom l-għodod biex jiksbu karrieri diġitali jew biex joħolqu impjiegi bħala intraprendituri.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, qalet: "Id-distakk fil-ħiliet diġitali qed jikber, bħalma qed jiżdied il-qgħad. Għalhekk neħtieġu azzjoni konġunta bejn il-gvernijiet u l-kumpaniji sabiex jixxejjen dan id-distakk. Is-settur tal-ICT huwa s-sinsla l-ġdida tal-ekonomija Ewropea, u lkoll flimkien nistgħu nevitaw li tintilef ġenerazzjoni u li l-Ewropa ma tibqax kompetittiva aktar. Għalhekk qed nistenna li l-kumpaniji jagħmlu wegħdiet konkreti, u dan qed nitolbu lil kull min niltaqa' miegħu. Il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha iżda waħedna ma naslux – il-kumpaniji, is-sħab soċjali u dawk involuti fl-edukazzjoni – inkluż fil-livell nazzjonali u reġjonali – iridu jingħaqdu magħna."

Il-Kummissjoni se tiġbor għadd ta' wegħdiet għal impjiegi ġodda, apprendistati, esperjenzi ta' taħriġ, finanzjamenti inizjali, korsijiet universitarji onlajn bla ħlas u aktar. Kumpaniji bħal Nokia, Telefónica, SAP, Cisco, HP, Alcatel-Lucent, Randstad, ENI, Telenor Group, ARM, kif ukoll il-komunità tas-CIO, CEPIS (il-Kunsill tas-Soċjetajiet Professjonali Ewropej tal-Informatika) u Ewropa Diġitali huma fost l-ewwel li impenjaw ruħhom li jaġixxu. Fl-4 u l-5 ta' Marzu, il-Kummissjoni se tgħaqqad il-wegħdiet li jkunu waslulha mingħand is-sħab u ssarrafhom fit-tnedija ta' Koalizzjoni Kbira għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali f'konferenza kbira dwar il-wegħdiet. Il-konferenza hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem b'mod attiv f'din il-kawża komuni.

Qed infittxu kollaborazzjoni attiva f'oqsma bħal dak tat-taħriġ immexxi mill-industrija; l-assistenza għall-mobbiltà tax-xogħol; iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet; it-titjib tal-kurrikuli tal-iskejjel u l-universitajiet; is-sensibilizzazzjoni; u l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għal min ikun qed jibda negozju.

Wieħed mill-oqsma konkreti għal azzjoni jaf ikun il-vawċers tat-taħriġ. Il-mudelli tat-taħriġ b'sistema ta' vawċers li rnexxew fil-Ġermanja u fi Spanja ħolqu impjiegi għal 60-70% tal-20,000 parteċipant. Aħna rridu li dawn il-mudelli nħaddmuhom u nwessgħuhom mal-Ewropa kollha.

Elementi ewlenin oħra tal-Koalizzjoni se jkunu jinkludu l-assistenza għall-mobbiltà. X'aktarx assistenza bħal din tvarja minn appoġġ fit-tagħlim tal-Ingliż sa tħaffif tal-mobbiltà għal persuni qiegħda u ċ-ċertifikazzjoni standard tal-ħiliet, permezz ta' Qafas ta' Kompetenza Elettronika mibdul u li jkun disponibbli fit-23 lingwa uffiċjali tal-UE.

Billi tagħraf il-potenzjal li għandhom negozji ġodda fuq l-internet biex jinħolqu l-impjiegi, il-Kummissjoni qed tniedi Startup Europe. Din se tkun pjattaforma unika fl-Ewropa għall-għodod u l-programmi biex jgħinu lil kull min irid joħloq jew ikabbar negozju ġdid fuq l-internet.

Għal aktar tagħrif

Hashtag: #digitalskills

Is-sit ta' Aġenda Diġitali

Is-sit ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site