Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, it-12 ta' Ġunju 2013

Valutazzjoni tal-UE: Klassifiki annwali tal-progress diġitali

Skont il-Valutazzjoni Annwali tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni li ġiet ippubblikata llum, l-Ewropej għandhom netwerks u servizzi diġitali bażiċi iżda neqsin mill-benefiċċji ewlenin attwali u futuri li toffri r-rivoluzzjoni diġitali minħabba problemi fit-telekomunikazzjoni Ewropea u fis-swieq diġitali usa'. Aktar tard dis-sena, il-Kummissjoni se tadotta proposti għal miżuri konkreti li jwieġbu t-talba tal-Kunsill Ewropew biex jinħoloq Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni, biex jiġu indirizzati l-problemi li tikkonferma d-dejta ta' żmienna.

Neelie Kroes qalet: "Ninsab kuntenta li issa l-internet bażiku jinsab virtwalment kullimkien fl-UE, iżda ma nistgħux ninħlew fil-logħba tal-passat. Id-dejta turi li dis-sena l-akbar problema hija n-nuqqas ta’ investiment f’netwerks veloċi ħafna, u jibqa' n-nuqqas ta’ suq uniku reali għat-telekomunikazzjoni. Il-problema hija ċara u tonda u daqstant ieħor se jkun ir-rispons tagħna permezz ta' pakkett tas-suq uniku għat-telekomunikazzjoni."

Fost is-sejbiet ewlenin tal-Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali Ewropea (DAE) tal-Kummissjoni hemm:

Il-progress tal-internet:

  1. Issa l-broadband bażiku jinsab virtwalment kullimkien fl-Ewropa – tjiebet il-prestazzjoni bis-satellita u din tgħin biex ikunu koperti l-4.5% tal-popolazzjoni li ma jkoprix il-broadband bażiku fiss. Issa l-Kummissjoni qed tiffoka biex jinfirxu aħjar is-satelliti kull fejn dawn jistgħu jgħinu biex jissewwa fejn għadu nieqes.

  2. Issa l-broadband veloċi jilħaq nofs il-popolazzjoni – 54% taċ-ċittadini tal-UE jistgħu jużaw il-broadband b'veloċità akbar minn 30 Mbps.

  3. Kulma jmur l-aċċess għall-internet qed isir dejjem aktar mobbli – 36% taċ-ċittadini tal-UE jaċċessaw l-internet minn kompjuter portabbli jew apparat mobbli ieħor (l-aċċess bil-mowbajl żdied minn 7% fl-2008 għal 27% fl-2012). F'sena, il-kopertura mobbli tar-raba' ġenerazzjoni (LTE) tripplat għal 26%.

Oqsma problematiċi:

  1. 2% tad-djar biss għandhom abbonamenti ta' broadband ultraveloċi (aktar minn 100 Mbps), l-UE għadha lura milli tilħaq il-mira ta' 50% li għamlet sal-2020.

  2. Nofs iċ-ċittadini tal-UE m'għandhomx ħiliet fil-kompjuter jew għandhom ftit – la l-ammont ta' ħiliet li l-utenti għandhom fl-ICT u lanqas il-livell tagħhom ma tjieb tul l-aħħar sena. 40% tal-kumpaniji li jsibu impjieg jew jippruvaw isibu impjieg lill-ispeċjalisti fl-IT qed isibuha bi tqila jagħmlu dan u tbassar li l-għadd attwali ta' postijiet battala għall-ispeċjalisti fl-ICT se jiżdied għal 900,000 sal-2015. Il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali li għadha kif tnediet se timmira azzjonijiet biex tingħeleb did-diskrepanza.

Sejbiet oħrajn:

  1. Ħafna persuni aktar ippruvaw l-internet – il-proporzjon taċ-ċittadini tal-UE li qatt m'użaw l-internet qed jibqa' jonqos b'mod kostanti (naqas b'2 punti perċentwali għal 22%). Iżda madwar 100 miljun ċittadin tal-UE xorta għadhom qatt ma daħlu fl-internet, skonthom minħabba spejjeż għoljin wisq, nuqqas ta' interess jew nuqqas ta' ħiliet bħala l-ostakli ewlenin.

  2. Issa 70% jużaw l-internet sikwit, għallinqas darba fil-ġimgħa, meta mqabbla ma' 67% is-sena l-oħra; 54% ta’ persuni żvantaġġati jużaw l-internet sikwit, meta mqabbla ma' 51% is-sena l-oħra.

  3. Fl-2012 naqsu l-prezzijiet tar-roaming – bi kważi EUR 0.05 l-aktar wara r-Regolament dwar ir-Roaming tal-1 ta' Lulju 2012.

  4. Il-Kummerċ elettroniku qed jiżdied b'pass stabbli, iżda mhux bejn il-fruntieri – 45% jużaw l-internet biex jixtru prodotti u servizzi, meta mqabbla ma' 43% s-sena l-oħra; ftit li xejn jixtru bejn il-fruntieri.

  5. Issa s-servizzi tal-eGov qed jintużaw mill-biċċa l-kbira tal-kumpaniji u ċ-ċittadini – 87% tal-intrapriżi jużaw is-servizzi tal-eGov u l-proporzjon ta' ċittadini li jużawh żdied ukoll tul l-aħħar sena għal 44% (it-tnejn li huma żiedu bi 3 punti perċentwali).

  6. Minkejja r-restrizzjonijiet baġitarji, l-infiq għar-riċerka żdied daqsxejn. L-investiment pubbliku fl-R&D tal-ICT żdied b'1.8% jew b'EUR 122 miljun għal EUR 6.9 biljun; u l-investiment privat fl-R&D tal-ICT żdied ukoll, iżda t-tkabbir ta' 2.7% ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis tas-sena l-oħra.

Kuntest

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li toħloq ambjent regolatorju u kummerċjali li jrawwem il-kompetizzjoni u l-investiment fi swieq tat-teknoloġija diġitali tal-Ewropa.

Il-Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-2013 tivvaluta l-progress fil-livell tal-UE u nazzjonali biex jintlaħaq dan l-għan, u jitkejjel skont it-78 azzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Kummissjoni u t-23 azzjoni għall-Istati Membri. Ir-rapport jissejjes fuq id-dejta tal-2012.

Fl-2012-13 saru proposti sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda Diġitali, fosthom:

  1. Fid-19 ta' Diċembru 2012 il-Kummissjoni Ewropea adottat linji gwida riveduti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna statali lis-settur tal-broadband, li b'mod partikolari jsaħħu l-obbligi tal-aċċess miftuħ u jtejbu r-regoli trasparenti.

  2. Fis-7 ta' Frar 2013 il-Kummissjoni adottat l-istrateġija tagħha għaċ-ċibersigurtà "Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur", li tirrappreżenta viżjoni komprensiva tal-UE dwar l-aħjar mod kif nistgħu nipprevenu u negħlbu t-tfixkil u l-attakki ċibernetiċi.

  3. Fl-istess waqt il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, element importanti fl-istrateġija ġenerali biex teżiġi li l-Istati Membri kollha, l-instigaturi ewlenin tal-internet u l-operaturi tal-infrastruttura kritika jiżguraw ambjent diġitali sigur u affidabbli mal-UE kollha.

  4. Fl-4 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni nediet il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, sħubija ta’ bosta partijiet interessati biex jiġu indirizzati l-għadd kbir ta' postijiet li qed jibqgħu battala għall-ispeċjalisti fl-ICT.

  5. Fis-26 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż għal xogħlijiet tal-inġinerija ċivili, li jammontaw sa 80% tal-ispejjeż biex jiġu installati. Billi jkun evitat it-tħaffir żejjed, l-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni jaf jiffranka EUR 40-60 biljun jew sa 30% tal-ispejjeż kollha tal-investiment.

S'issa l-Kummissjoni lestiet 55 azzjoni mill-Aġenda Diġitali, filwaqt li 10 ddewmu jew qegħdin fir-riskju li jiddewmu. Is-36 azzjoni l-oħra li huma responsabbli minnhom il-Kummissjoni jew l-Istati Membri għaddejjin kif skedat biex jitlestew sal-iskadenzi rispettivi tagħhom.

Ħoloq utli

It-tabella tal-Valutazzjoni tal-Agenda Digitali

It-tabella tal-Valutazzjoni bil-profili tal-pajjiżi: ara x-xejriet tal-broadband, l-użu tal-internet u s-servizzi tal-eGov, kif ukoll ix-xejriet regolatorji u ta' riċerka fil-qasam tat-telekomunikazzjoni għal kull pajjiż tal-UE.

Il-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali

L-Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website