Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni għas-settur tal-azzar

Commission Européenne - IP/13/527   11/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2013

Il-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni għas-settur tal-azzar

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ressqet pjan ta' azzjoni għall-Industrija Ewropea tal-Azzar, biex dan is-settur ikun jista' jaffaċċa l-isfidi tal-lum tiegħu u biex ipoġġi l-pedamenti għall-kompetittività futura billi jrawwem l-innovazzjoni, joħloq it-tkabbir u l-impjiegi. Għall-ewwel darba, mill-Pjan Davignon tal-1977, il-Kummissjoni qed tipproponi Pjan ta' Azzjoni għall-azzar. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tappoġġa d-domanda tal-azzar prodott fl-UE kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż, billi taġixxi biex tiżgura li l-produtturi Ewropej tal-azzar ikollhom aċċess għas-swieq tal-pajjiżi terzi permezz ta' prattiki kummerċjali mhux ġusti. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata wkoll biex tnaqqas l-ispejjeż għall-industrija, inklużi dawk li joriġinaw minn regolamenti tal-UE. L-innovazzjoni, l-effiċjenza fl-enerġija u l-proċessi ta' produzzjoni sostenibbli huma vitali għall-prodotti tal-azzar tal-ġenerazzjoni li jmiss, li huma essenzjali għal industriji oħra ewlenin tal-Ewropa. Il-Pjan ta' Azzjoni jipprevedi wkoll miżuri mmirati li jappoġġaw l-impjiegi fis-settur u li jakkumpanjaw ir-ristrutturar biex jiżguraw li l-ħaddiema bi kwalifiki għolja jibqgħu fl-Ewropa(MEMO/13/523).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "L-industrija tal-azzar għandha futur promettenti fl-Ewropa. Jekk tkompli tkun minn ta' quddiem fil-produzzjoni ta' prodotti innovattivi, din tista' tikseb vantaġġ globali kompetittiv. Bil-pjan ta' azzjoni tal-lum għar-rivitalizzazzjoni tas-settur tal-azzar, qed ngħaddu messaġġ ċar lill-industrija, li hija settur strateġikament importanti għall-Ewropa u mutur għat-tkabbir. Aktar minn qatt qabel, l-UE għandha bżonn tal-ekonomija reali tagħha biex tappoġġa l-irkupru ekonomiku, u qed nimmiraw li sal-2020, l-industrija tirriżulta f'20 % tal-PDG. Dan huwa l-bidu ta' proċess. Qed nimpenja ruħi li nsegwi bir-reqqa s-sitwazzjoni biex b'hekk inkunu nistgħu nadattaw l-isforzi tagħna skont kif ikun hemm bżonn. Fi żmien sena, naraw jekk l-azzjonijiet proposti ħallewx l-effett mixtieq."

Aktar informazzjoni

Sfidi importanti għall-industrija tal-azzar

L-industrija Ewropea tal-azzar qed tiġi affettwata mill-effetti simultanji ta' domanda baxxa u ta' kapaċità żejda dinjija, filwaqt li fl-istess ħin tiġi kkonfrontata bi prezzijiet għoljin tal-enerġija u bi bżonnijiet ta' investiment fl-ekonomija ekoloġika billi tipproduċi prodotti innovattivi b'mod sostenibbli.

... iżda se tiżdied id-domanda globali tal-azzar

Bħalissa, id-domanda tal-azzar fl-Ewropa hija 27 % inqas mil-livell ta' qabel il-kriżi. L-impjiegi f'dan is-settur naqsu b'10 % bejn l-2007 u l-2011. Minkejja dan, l-UE xorta għadha t-tieni l-akbar produttur ta' azzar fid-dinja, bi produzzjoni ta' aktar minn 177 miljun tunnellata ta' azzar fis-sena, li tammonta għal 11 % tal-produzzjoni globali u timpjiega aktar minn 360 000 persuna.

Skont l-OECD (l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi), id-domanda globali tal-azzar hija mistennija li tiżdied bi 2.3 biljun tunnellata sal-2025, prinċipalment fis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-trasport u tal-inġinerija mekkanika, b'mod partikolari fl-eknomiji emerġenti. Huwa vitali li l-industrija Ewropea tal-azzar tkun kapaċi tieħu vantaġġ sħiħ minn dan is-suq kompetittiv.

Is-sitwazzjoni attwali teħtieġ strateġija politika ġdida għas-settur tal-azzar. Għalhekk, il-Kummissjoni qed:

  • Tiżgura li jidħol fis-seħħ il-qafas regolatorju xieraq: Il-miżuri jinkludu li, sal-aħħar tal-2013 jiġi vvalutat il-piż regolatorju ġenerali għall-industrija tal-azzar minn politiki differenti u l-impatt tiegħu fuq il-kompetittività.

  • Tindirizza l-ħiliet meħtieġa u tiffaċilita r-ristrutturar: Jiġu promossi miżuri li jiżviluppaw il-ħiliet u miżuri li jimmiraw għall-impjiegi taż-żgħażagħ fis-settur biex jagħtu spinta lill-kompetittività tas-settur kif ukoll biex jesploraw il-possibbiltà li jintużaw fondi tal-UE biex jgħinu lill-ħaddiema jsibu impjieg ieħor f'każijiet ta' għeluq ta' siti ta' produzzjoni. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni se jkomplu jikkontribwixxu għal dan l-isforz. Il-fondi kollha tal-UE se jsegwu l-prinċipju ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali, billi jqisu t-tul tal-investiment għall-ħolqien u ż-żamma ta' impjiegi f'reġjun partikolari.

  • Tagħti spinta lid-domanda tal-Azzar: Il-miżuri jinkludu l-implimentazzjoni ta' azzjoni mmirata biex tistimola d-domanda fis-setturi tal-vetturi u tal-kostruzzjoni sostenibbli.

  • Ittejjeb l-aċċess għas-swieq barranin u tiżgura kundizzjonijiet ekwi biex tappoġġa l-esportazzjonijiet tal-azzar tal-UE, tiġġieled il-prattiki mhux ġusti u tiżgura l-aċċess għall-materja prima essenzjali. Is-swieq tar-ruttam se jiġu mmonitorjati biex isaħħu s-sigurtà tal-provvista għall-produtturi Ewropej tal-azzar li jużaw ir-ruttam bħala materja prima.

  • Tiżgura li l-ispejjeż tal-enerġija jkunu għall-but ta' kulħadd: It-tlestija tas-suq intern tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista u ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija se jikkontribwixxu biex inaqqsu l-ispejjeż. Il-Kummissjoni hija lesta li tipprovdi gwida dwar kuntratti fit-tul tal-elettriku bejn il-fornituri u l-klijenti biex iżżid il-prevedibbiltà ta' dawn l-ispejjeż. It-tnaqqis fi żmien qasir tal-ispejjeż tal-enerġija għall-Industrija Intensiva fl-Enerġija se jiddependi mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li taħdem għal dan il-għan.

  • Politika dwar il-klima: Il-qafas politiku Ewropew dwar il-klima tal-2030 se jkun fundamentali biex jiżgura l-kompetittività tal-industrija, bħal ma se jkunu wkoll in-negozjati għal ftehim internazzjonali vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima. Il-manifattura ta' ċerti prodotti ifforġati tal-ħadid se jiżdiedu mal-lista tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju u l-Istati Membri huma mistiedna li jwarrbu d-dħul mill-irkant tal-ETS għal proġetti ta' riċerka u żvilupp għall-Industrija Intensiva fl-Enerġija.

  • Tagħti spinta lill-innovazzjoni: Promozzjoni ta' teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent permezz tal-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' azzar, u stimulazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp innovattiv, b'mod partikolari għall-fażijiet pilota u ta' dimostrazzjoni li jkunu għoljin ħafna. Għall-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020, ir-riċerka u l-innovazzjoni jridu ju ffinanzjati l-aktar permezz tal-programm Orrizzont 2020 li jenfasizza ħafna fuq it-tmexxija industrijali fl-innovazzjoni. Is-settur tal-azzar jibbenifika wkoll mis-Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima u minn EUR 280 miljun matul l-istess perjodu mill-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar.

Il-Kummissjoni tipproponi li toħloq formalment Grupp ta' Livell Għoli, li se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan. Il-Kummissjoni se tieħu kont tal-progress li jkun sar fi tnax il-xahar.

Sfond

B'forza tax-xogħol ta' 360 000 persuna, bi dħul ta' madwar EUR 170 biljun u bi preżenza fil-katina tal-valur tal-manifattura ta' ħafna setturi downstream, l-industrija tal-azzar għandha post strateġiku fl-ekonomija.

L-azzar huwa marbut mill-qrib ma' ħafna setturi oħra industrijali downstream bħall-awtomobilistika, il-kostruzzjoni, l-elettronika, l-inġinerija mekkanika u elettrika. Għandu dimensjoni transfruntiera sinifikanti ħafna: fl-UE, 500 sit ta' produzzjoni huma mifruxa madwar 23 Stat Membru, li jagħmluha industrija verament Ewropea kemm storikament kif ukoll illum il-ġurnata. L-azzar kien fil-bidu tal-proġett Ewropew bil-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

L-Ewropa għandha bżonn l-industriji bażiċi tagħha, biex jgħinu industriji oħra bil-proċess ta' industrijalizzazzjoni mill-ġdid. Il-materjali bħall-azzar, il-kimiċi, il-ħġieġ u s-siment huma elementi essenzjli fil-katina tal-valur industrijali biex l-ekonomija ssir ekoloġika. L-azzar huwa riċiklabbli 100 % u huwa l-aktar materjal bażiku fil-katina tal-valur tal-manifattura ta' prodott.

Kuntatti :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Twitter: @ECspokesCorazza

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site