Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE u l-KOI jwiegħdu li se jkomplu “r-relazzjoni speċjali” ta’ bejniethom sabiex jippromwovu d-djalogu fl-isport

European Commission - IP/13/526   10/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013

L-UE u l-KOI jwiegħdu li se jkomplu “r-relazzjoni speċjali” ta’ bejniethom sabiex jippromwovu d-djalogu fl-isport

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-isport, u Jacques Rogge, il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (il-KOI), illum iltaqgħu bħala parti mid-“djalogu strutturat” tal-Kummissjoni mal-moviment sportiv. It-tnejn li huma enfasizzaw il-benefiċċji tal-kooperazzjoni eċċellenti ta’ bejniethom u qablu dwar il-ħtieġa li dawn l-iskambji jitkomplew fuq bażi annwali fil-futur. Il-President tal-KOI, li kien akkumpanjat minn Claudia Bokel, il-President tal-Kummissjoni tal-Atleti tal-KOI, u minn Patrick Hickey, il-President tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (il-KOE), iddeskriva l-laqgħa mal-Kummissarju Vassiliou bħala “utli ħafna” u laqa’ bil-ferħ il-proposti għal aktar forom konkreti ta’ kooperazzjoni. Huwa qal li jinsab ċert li s-suċċessur tiegħu se jkompli jfittex jibni relazzjoni mill-qrib mal-UE bl-istess mod li għamel hu, u li l-Kummissjoni dejjem tista' tiddependi fuq l-appoġġ tal-KOI.

Il-Kummissarju Vassiliou qalet: “Ninsab grata ħafna għall-appoġġ li Jacques Rogge u r-rappreżentanti mill-moviment Olimpiku internazzjonali u Ewropew tawna matul is-snin. Il-KOI huwa sieħeb importanti ħafna għall-UE u t-twaqqif ta' djalogu annwali se jippermettilna nibnu fuq din ir-relazzjoni speċjali. Il-fatt li niltaqgħu fuq din il-bażi annwali ser jiżgura l-kontinwità għall-benefiċċju tal-isport.”

Il-Kummissarju u l-President tal-KOI iddiskutew l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma attwali tal-UE għall-Isport (għall-2011 sal-2014) u l-prijoritajiet tal-pjan ta’ ħidma tal-ġejjieni. Patrick Hickey laqa’ bil-ferħ il-kooperazzjoni mal-UE li qed tagħti l-frott tagħha, inklużi l-Gruppi ta’ Esperti mwaqqfin bħala parti mill-ewwel Pjan ta’ Ħidma.

Il-programm tal-UE l-ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport propost mill-Kummissjoni, imsejjaħ “Erasmus għal Kulħadd”, se jiffinanzja inizjattivi sportivi fil-livell lokali. Il-President tal-KOE, is-Sur Hickey, qal li dan il-programm ta' finanzjament kien wieħed “storiku”.

Il-President tal-KOI, is-Sur Rogge, u l-Kummissarju Vassiliou skambjaw ukoll l-opinjonijiet tagħhom dwar l-organizzazzjoni ta’ Ġimgħa Ewropea tal-Isport, skedata għall-2015, biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fl-isport fil-livelli kollha u tinkoraġġixxi lin-nies isiru iktar attivi. Is-Sur Rogge ssuġġerixxa li l-avveniment għandu jibni fuq inizjattivi eżistenti, bħall-Jum Olimpiku, li jiġi ċċelebrat kull sena mill-Moviment Olimpiku fit-23 ta’ Ġunju. Huwa qal li “Dak kollu li jgħin lin-nies jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku għandu jiġi appoġġjat.”. It-tnejn li huma qablu li jaħdmu flimkien mill-qrib fuq l-inizjattiva u biex jiksbu l-appoġġ u l-impenn tal-partijiet interessati rilevanti kollha.

Suġġetti oħra diskussi waqt il-laqgħa kienu jinkludu r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni tal-atleti fid-djalogu strutturat tal-UE dwar l-isport, u Claudia Bokel ħadet l-opportunità biex tispjega r-rwol u l-attivitajiet tal-Kummissjoni tal-Atleti tal-KOI u ta’ Kummissjonijiet tal-Atleti tal-Moviment Olimpiku oħrajn. Il-finanzjament tal-Festivals Olimpiċi għaż-Żgħażagħ Ewropej min-naħa tal-UE, il-ġlieda kontra d-doping u t-tbagħbis tal-logħob, u l-“karrieri doppji” li jimmiraw li jinkuraġġixxu lill-atleti jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fl-istess ħin li jmexxu ’l quddiem il-karrieri sportivi tagħhom, kienu wkoll fuq l-aġenda.

Il-Kummissarju infurmat ukoll lill-President dwar proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA), li se titħabbar aktar tard din is-sena, u stiednet lill-KOI għall-Konferenza tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Isport, li se sseħħ f’Vilnius fit-3 u l-4 ta’ Diċembru.

Sfond

Din hija t-tieni darba li l-Kummissarju Vassiliou u l-President tal-KOI, is-Sur Rogge, iltaqgħu fil-qafas tad-djalogu strutturat dwar l-isport. Jacques Rogge ilu President tal-KOI mill-2001. Is-suċċessur tiegħu se jiġi elett fil-125 laqgħa tal-KOI f’Buenos Aires f'Settembru li ġej.

Id-djalogu strutturat tal-Kummissjoni mal-moviment sportiv twaqqaf fl-2007 biex iħejji t-triq għar-responsabbiltà l-ġdida tal-UE fil-qasam tal-isport taħt it-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 165). Kull sena l-Kummissjoni torganizza Forum tal-UE dwar l-Isport li jipprovdi opportunità għar-rappreżentanti tal-korpi sportivi biex jaqsmu l-opinjonijiet taghhom dwar kwistjonijiet attwali. Il-Forum li jmiss se jsir f’Vilnius bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru. Id-djalogu tal-Kummissjoni mal-moviment sportiv iseħħ ukoll permezz ta' laqgħat bilaterali, konferenzi u seminars. Iseħħu wkoll skambji regolari mal-moviment Olimpiku permezz ta’ laqgħat mar-rappreżentanti tal-KOI u tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej, b’mod partikolari permezz tar-rappreżentanzi tagħhom fi Brussell.

L-ewwel Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għall-2011 sal-2014 qed jiġi implimentat bl-appoġġ ta’ sitt Gruppi ta’ Esperti li l-Kunsill waqqaf fl-oqsma tal-ġlieda kontra d-doping, tal-governanza t-tajba fl-isport, tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tal-isport, is-saħħa u l-parteċipazzjoni, tal-istatistika dwar l-isport u tal-finanzjament sostenibbli tal-isport. Il-partijiet interessati li huma involuti fl-isport jistgħu jitolbu status ta’ osservatur f’dawn il-gruppi. Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għall-prijoritajiet tal-ġejjieni għall-Pjan ta’ Ħidma l-ġdid li għandu jiġi adottat taħt il-Presidenza Griega f’Mejju tal-2014.

In-negozjati dwar il-programm “Erasmus għal Kulħadd” għadhom għaddejjin: il-Kummissjoni pproponiet finanzjament għall-isport ta’ kważi EUR 240 miljun bejn l-2014 u l-2020. L-ammont finali se jkun jiddependi fuq ir-riżultati tan-negozjati dwar il-baġit ġenerali tal-UE li mistenni jkun hemm. F’dawn l-aħħar erba’ snin, l-UE allokat aktar minn EUR 30 miljun għall-proġetti transnazzjonali tal-isport u għal avvenimenti annwali speċjali.

Għal aktar informazzjoni:

Il-Kummissjoni Ewropea: L-isport

Is-sit tal-internet ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter: @VassiliouEU

Persuni ta’ kuntatt:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website