Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri biex ikollhom fis-seħħ mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv biex jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja

Commission Européenne - IP/13/524   11/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Strasburgu, il-11 ta' Ġunju 2013

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri biex ikollhom fis-seħħ mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv biex jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja

Illum il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet serje ta' prinċipji komuni u li ma jorbtux għall-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fl-Istati Membri biex iċ-ċittadini u l-kumpaniji jistgħu jinfurzaw id-drittijiet mogħtija lilhom skont il-liġi tal-UE fejn dawn ikunu ġew miksura. Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tiżgura approċċ orizzontali koerenti għal rimedju kollettiv fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun hemm armonizzazzjoni tas-sistemi tal-Istati Membri. Il-mekkaniżmi ta' rimedju nazzjonali għandhom ikunu disponibbli f'oqsma differenti fejn il-liġi tal-UE tagħti drittijiet liċ-ċittadini u lill-kumpaniji, speċjalment fil-protezzjoni tal-konsumatur, fil-kompetizzjoni, fil-protezzjoni ambjentali u fis-servizzi finanzjarji. Billi tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv nazzjonali l-Kummissjoni trid ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li tiżgura garanziji proċedurali xierqa biex jiġi evitat tilwim abbużiv. Ir-Rakkomandazzjoni tikkomplimenta l-proposta għal Direttiva dwar azzjonijiet għad-danni dwar l-antitrust li se tgħin lill-vittmi tal-ksur tar-regoli tal-antitrust jiksbu kumpens permezz tal-azzjonijiet legali disponibbli fl-Istati Membri (ara IP/13/525, MEMO/13/531). Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv, id-Direttiva tħalliha f'idejn l-Istati Membri biex jintroduċu jew le azzjonijiet ta' rimedju kollettiv fil-kuntest tal-infurzar privat tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

L-Istati Membri għandhom tradizzjonijiet legali differenti ħafna rigward ir-rimedju kollettiv u l-Kummissjoni tixtieq tirrispettahom. L-inizjattiva tagħna għandha l-għan li ġġib aktar koerenza meta tkun involuta l-liġi tal-UE,” qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. “Din ir-Rakkomandazzjoni hija approċċ ibbilanċjat biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini filwaqt li tiġi evitata sistema fuq stil Amerikan ta' azzjonijiet kollettivi u r-riskju ta' pretenzjonijiet frivoli u tilwim abbużiv.

Il-Viċi President Joaquín Almunia, inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni, qal: “Meta jkunu vittmi ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iċ-ċittadini u n-negozji – partikolarment l-SMEs – bosta drabi jaffaċċaw ostakli diffiċli ħafna biex jiksbu kumpens effettiv. Biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet ipproponejna Direttiva dwar Azzjonijiet għad-Danni dwar l-Antitrust. Peress li d-dannu jista' jiġi kondiviż minn ħafna partijiet milquta, il-mekkaniżmi ta' azzjonijiet kollettivi għandhom ikunu fis-seħħ ukoll. Din ir-Rakkomandazzjoni hija għalhekk komplement utli, li tibgħat messaġġ ċar lill-Istati Membri.”

Il-Kummissarju Borg għall-Politika tal-Konsumatur: "Illum qed nagħmlu pass importanti 'l quddiem lejn qafas tal-UE għal rimedju kollettiv. Qed nistiednu lill-Istati Membri tal-UE biex jattrezzaw lill-konsumaturi tal-UE bl-għodda biex isaħħu d-drittijiet tagħhom u jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tal-liġi tal-UE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta' rimedju kollettiv ikunu ġusti, xierqa, f'waqthom u mhux għalja ħafna."

Il-Prinċipji Ewlenin tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha biex ikollhom sistemi ta' rimedju kollettiv nazzjonali u jistabbilixxu għadd ta' prinċipji Ewropej komuni li tali sistemi għandhom jirrispettaw:

  • L-Istati Membri għandu jkollhom sistema ta' rimedju kollettiv li tippermetti lill-individwi u lill-entitajiet privati biex ifittxu inġunzjoni li jwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tagħhom mogħtija mil-liġi tal-UE (l-hekk imsejjaħ "rimedju b'mandat ta' inibizzjoni") u biex jitolbu kumpens għad-danni kkawżati minn tali ksur (l-hekk imsejjħa "rimedju permezz ta' rikors għal kumpens") f'sitwazzjoni fejn għadd kbir ta' persuni jiġu danneġġati mill-istess prassi illegali.

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta' rimedju kollettiv ikunu ġusti, xierqa, f'waqthom u mhux għalja ħafna.

  • Is-sistemi ta' rimedju kollettiv għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' "inklużjoni fakultattiva", li skont dan partijiet pretendenti jiġu infurmati permezz ta' kunsens espress direttament mill-membri tagħhom. Kwalunkwe eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, bil-liġi jew b'inġunzjoni, għandha tiġu ġustifikata kif dovut b'raġunijiet ta' amministrazzjoni soda ta' ġustizzja. B'mod parallel, ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni lil pretendenti potenzjali li jixtiequ li jingħaqdu mal-azzjoni kollettiva.

  • Il-Kummissjoni tirrakkomanda salvagwardi proċedurali importanti biex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda abbuż lis-sistemi ta' rimedju kollettiv. Pereżempju, l-Istati Membri ma għandhomx jippermettu ħlas ta' kontinġenza li jirriskja li joħolq inċentiv għal abbużi. Barra minn hekk, l-entitajiet li qed jirrappreżentaw lill-pretendenti għandhom ikunu ta' entitajiet bla skop ta' qligħ, biex jiġi żgurat li jiġu gwidati mill-interessi ta' dawk affettwati f'sitwazzjonijiet ta' danni fil-massa. Mezz ieħor biex jiġi evitat tilwim abbużiv huwa l-projbizzjoni ta' danni punittivi li normalment iżid l-interess ekonomiku involut f'tali azzjonijiet. Minflok, kumpens sħiħ għandu jasal għand l-individwi ladarba l-qorti tikkonferma li l-pretensjonijiet tagħhom huma ġusti.

  • Ir-rwol ċentrali fit-tilwim kollettiv għandu jingħata lill-imħallef, li għandu jamministra effettivament il-każ u jkun viġilanti għal kwalunkwe abbuż possibbli. Il-Kummissjoni ma eskludietx parti terza li tiffinanzja għal rimedju kollettiv Ewropew, iżda tipproponi kundizzjonijiet, relatati partikolarment mat-trasparenza, biex tiżgura li ma jkunx hemm kunflitt ta' interess.

  • Ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi wkoll Riżoluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim, li tirrikjedi li din il-possibbiltà tiġi offruta lill-partijiet fuq bażi konsenswali.

Il-passi li jmiss: Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ miżuri xierqa l-aktar tard fi żmien sentejn. Sentejn wara l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, l-aktar tard, il-Kummissjoni se tivvaluta l-istat tal-proċedimenti, fuq il-bażi ta' rapporti annwali tal-Istati Membri biex tevalwa jekk hemmx bżonn ta' aktar miżuri biex jissaħħaħ l-approċċ orizzontali rifless fir-Rakkomandazzjoni.

Kuntest

X'inhuwa r-rimedju kollettiv u għaliex huwa meħtieġ

Ir-rimedju kollettiv huwa mekkaniżmu li jippermetti għal raġunijiet ta' ekonomija proċedurali u/jew effiċjenza tal-infurzar, ħafna pretensjonijiet singoli (relatati mal-istess każ) biex jinġabru f’azzjoni waħda tal-qorti. Huwa kunċett wiesa' li jinkludi rimedju b'mandat ta' inibizzjoni (kawżi li qed ifittxu biex iwaqqfu mġieba illegali) u rikors għal kumpens (kawżi li jfittxu kumpens għad-dannu li jkun sar). Għandu jkun hemm distinzjoni ċara mill-hekk imsejjħa "azzjonijiet kollettivi" li huma komuni skont is-sistema legali tal-Istati Uniti. Fl-Ewropa, il-proċeduri ta' rimedju kollettiv ġie introdott fi ftit Stati Membri. Madankollu, fejn dawn ġew introdotti jvarja ħafna.

Il-Kummissjoni, bħala awtorità pubblika u għassiesa tat-Trattati tal-UE, tinforza l-liġi tal-UE. B'mod parallel, individwi, negozji u entitajiet li jirrappreżentaw interess ta' gruppi differenti tas-soċjetà jistgħu jfittxu infurzar tad-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE fil-qrati nazzjonali. F'ċerti każijiet, il-ksur tal-liġi tal-UE jista' jagħti bidu għal kawżi individwali multipli. F'dawn il-każijiet rimedju kollettiv jista' jinkludi wkoll infurzar pubbliku. Il-liġi tal-UE bħalissa diġà tipprovdi għall-possibbiltà li jiġu segwiti azzjonijiet kollettivi għall-inġunzjonijiet fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur, imma s-sistemi legali nazzjonali jvarjaw ħafna rigward is-swieq finanzjarji, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni ambjentali, u oqsma oħrajn tal-liġi. Is-sitwazzjoni hija ħafna aktar differenti fost l-Istati Membri meta bosta konsumaturi jew negozji jridu jfittxu kumpens fl-istess każ. Fit-tħejjija tar-Rakkomandazzjoni tagħha, fl-2011 il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex tivvaluta jekk u skont liema kundizzjonijiet approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv jista' jġib valur miżjud liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej (IP/11/132). Qieset ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew "Lejn Approċċ Koerenti għal Rimedju Kollettiv" li titlob għal qafas orizzontali għal rimedju kollettiv.

L-Azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tar-Rimedju Kollettiv

Il-Kummissjoni ħadmet għal bosta snin biex tiżviluppa standards Ewropej tar-rimedju kollettiv fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur u tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar l-azzjonijiet għad-danni dwar l-antitrust fl-2005 u White Paper fl-2008, it-tnejn li huma jinkludu kapitolu dwar r-rimedju kollettiv. Fl-2011, il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika, li fiha madwar 300 istituzzjoni u esperti u kif ukoll 10,000 ċittadin esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar il-qafas Ewropew għar-rimedju kollettiv. Il-konsultazzjoni pubblika turi diskrepanza fl-opinjonijiet fost il-partijiet interessati u ħtieġa għal soluzzjonijiet bilanċjati.

Għal aktar informazzjoni:

Rakkomandazzjoni:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/news/130611_en.htm

MEMO/13/530

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Tonio Borg, responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/borg/

Il-sit elettroniku tal-Viċi President Joaquín Almunia, responsabbli għall-Kompetizzjoni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/almunia/

Kuntatti

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site