Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Ajru Uniku: il-Kummissjoni taġixxi biex tiżblokka l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru Ewropew

Commission Européenne - IP/13/523   11/06/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Ġunju 2013

L-Ajru Uniku: il-Kummissjoni taġixxi biex tiżblokka l-konġestjoni fl-ispazju tal-ajru Ewropew

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħadet miżuri biex ir-riforma tas-sistema tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa ssir b'rata iktar mgħaġġla. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tevita kriżi tal-kapaċità hekk kif l-għadd ta' titjiriet mistenni jiżdied b'50 % tul l-għaxar sal-għoxrin sena li ġejjin. L-ineffiċjenzi fl-ispazju tal-ajru fframmentat tal-Ewropa jwasslu għal spejjeż żejda ta' kważi EUR 5 biljun kull sena għal-linji tal-ajru u għall-klijenti tagħhom. Dawn l-ineffiċjenzi jtawlu d-distanza ta’ titjira medja bi 42 kilometru; dan iwassal biex l-inġenji tal-ajru jużaw aktar fjuwil u joħolqu iktar emissjonijiet, biex jiżdiedu l-ħlasijiet ta’ tariffi tal-utenti, li diġà huma għoljin, u għal aktar dewmien. L-Istati Uniti tikkontrolla l-istess ammont ta' spazju tal-ajru, b’aktar traffiku u bi kważi nofs l-ispiża.

Il-Kummissarju tal-UE għat-Trasport, Siim Kallas, qal: "Il-linji tal-ajru tagħna u l-passiġġieri tagħhom kellhom jissaportu servizzi mnaqqsa u dati ta' skadenzi maqbużin għal iktar minn għaxar snin fil-mixja tagħna lejn Ajru Uniku Ewropew. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Illum qegħdin insaħħu l-irqaqat tas-sistema biex din tkun tiflaħ għal iktar pressjoni u twassal għal riformi ambizzjużi anki fi żminijiet ekonomikament diffiċli. Għandna bżonn insaħħu l-kompetittività fil-qasam tal-avjazzjoni Ewropew u noħolqu iktar impjiegi mal-linji tal-ajru u fl-ajruporti".

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li taġġorna l-erba' regolamenti li joħolqu l-Ajru Uniku Ewropew (is-SES) u li temenda r-regoli li bihom titmexxa l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-EASA). L-elementi ewlenin tal-proposti magħrufin ukoll bħala "l-pakkett tas-SES2+" huma deskritti hawn taħt.

Iktar sikurezza u sorveljanza

Is-sikurezza tibqa' l-ewwel prijorità fil-qasam tal-avjazzjoni. Il-verifiki tal-EASA (l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni) urew li hemm nuqqasijiet kbar fis-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi s-separazzjoni sħiħa, mil-lat organizzattiv u tal-baġit, tal-awtoritajiet nazzjonali ta' superviżjoni mill-organizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru li huma jissorveljaw, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Superviżjoni jingħataw biżżejjed riżorsi biex iwettqu xogħolhom. Dan għandu jkollu effett pożittiv ħafna kemm fuq is-sorveljanza u kemm fuq is-sikurezza. Bosta awtoritajiet ta' superviżjoni bħalissa m'għandhomx biżżejjed riżorsi u jiddependu fuq l-appoġġ tal-entitajiet li huma suppost jissorveljaw.

Fil-ġejjieni l-linji tal-ajru se jkollhom rwol ġdid, dak li jiffirmaw il-pjanijiet ta' investiment tal-organizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru biex jiżguraw li dawn ikunu ffukati iktar fuq il-fatt li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi.

Prestazzjoni aħjar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru

Ir-riforma tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa hija mmexxija minn erba' miri tal-prestazzjoni ewlenin: is-sikurezza, il-kosteffiċjenza, il-kapaċità u l-ambjent. Dawn il-miri huma fil-qalba tal-proċess tar-riforma minħabba li jobbligaw lill-organizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru jinbidlu u jagħtu servizzi aħjar b'inqas spejjeż.

F'dawn l-aħħar snin, ir-riżultati miksubin b'rabta mal-miri ta' prestazzjoni kienu ferm inqas mil-livell ġenerali ta' ambizzjoni. Dan seħħ minħabba li, taħt is-sistema preżenti, huma l-Istati Membri li jieħdu d-deċiżjoni aħħarija dwar il-miri u dwar l-adozzjoni ta' miżuri korrettivi f'każ li l-miri ma jintlaħqux.

Il-proposta tal-Kummissjoni se ssaħħaħ l-iskema ta' prestazzjoni billi tagħmel l-issettjar tal-miri iktar indipendenti u trasparenti u billi tagħmlu jista' jiġi infurzat iktar. Dan se jsaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni meta din tiġi biex tissettja miri ambizzjużi. Fl-istess waqt, il-proposta se żżid l-indipendenza tal-Korp għall-Analiżi tal-Prestazzjoni - bħala l-konsulent tekniku ewlieni - u se tagħti l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet meta l-miri ma jintlaħqux.

Opportunitajiet tan-negozju ġodda fis-servizzi ta' appoġġ

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li toħloq opportunitajiet tan-negozju ġodda għall-kumpaniji biex dawn joffru servizzi ta' appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Is-servizzi ta' appoġġ, bħall-meteoroloġija, it-tagħrif ajrunawtiku, il-komunikazzjonijiet, in-navigazzjoni jew is-servizzi ta' sorveljanza, se jkollhom jiġu sseparati biex ikunu jistgħu jinħarġu sejħiet għall-offerti kompetittivi dwarhom b'mod miftuħ u trasparenti, skont ir-regoli normali tal-akkwist. Is-servizzi ewlenin tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru huma monopolji naturali u mhux se jkunu koperti mir-regoli l-ġodda.

Is-servizzi ta' appoġġ bħalissa huma l-iktar fattur li jżid l-ispejjeż fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u bħalissa jistgħu jinxtraw mingħand fornituri li għandhom monopolju fuqhom mingħajr ma ssir valutazzjoni xierqa tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Stimi konservattivi jindikaw li jista' jkun mistenni ffrankar ta' 20 % jekk jiġu introdotti r-regoli normali tal-akkwist pubbliku.

L-għoti tal-possibbiltà ta' sħubijiet industrijali

Il-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali huma maħsubin biex jibdlu l-ispazju fframmentat attwali ta' 27 blokka ta' spazju tal-ajru nazzjonali b'netwerk ta' blokok reġjonali ikbar biex tizdied l-effiċjenza u jonqsu l-ispejjeż u l-emissjonijiet. Minkejja d-data ta' għeluq vinkolanti ta' Diċembru tal-2012 biex l-Istati Membri jistabbilixxu l-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali, l-ebda waħda mid-disa' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali li ġew stabbiliti mhi kompletament operattiva. Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda teżamina l-possibbiltà li tibda proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri kollha fir-rigward tal-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali, partikolarment f'każ li ma jkun hemm l-ebda progress b'rabta mar-riformi fix-xhur li ġejjin.

Madanakollu, s'issa l-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali twaqqfu b'mod li mhuwiex flessibbli wisq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tiżgura li l-kooperazzjoni fost il-fornituri tas-servizzi fil-qafas tal-blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali tiġi stabbilita b'mod iktar flessibbli - biex tippermettilhom joħolqu sħubijiet industrijali u jaħdmu ma' firxa usa' ta' sħab biex iżidu l-prestazzjoni tagħhom.

Ir-rwol tal-Maniġer tan-Netwerk (l-Eurocontrol) se jissaħħaħ ukoll sabiex dan ikun jista' jmexxi s-servizzi ċċentralizzati fl-Ewropa b'mod iktar effiċjenti. It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Maniġer tan-Netwerk tfisser, partikolarment, li r-rotot jistgħu jitqassru. Dan iwassal biex jonqos l-użu tal-fjuwil u biex jonqos l-ammont ġenerali ta' emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja.

Xi jmiss?

Il-proposti tal-Kummissjoni jridu jiġu approvati mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ bħala liġijiet.

L-Ajru Uniku Ewropew: fatti u ċifri ewlenin

L-ajru u l-ajruporti Ewropej qegħdin f’riskju ta’ saturazzjoni. Kull sena, diġà jgħaddu madwar 800 miljun passiġġier minn iktar minn 440 ajruport Ewropew. U kuljum jiġu kkontrollati madwar 27,000 titjira. Dan ifisser li kull sena disa' miljun titjira jgħaddu mill-ispazju tal-ajru Ewropew. 80 % ta’ dawn it-titjiriet isiru fl-UE.

Il-qasam Ewropew tat-trasport bl-ajru qiegħed jamministra s-sitwazzjoni attwali b'kompetenza, iżda, b'kundizzjonijiet ekonomiċi normali, it-traffiku tal-ajru mistenni jiżdied b'sa 3 % fis-sena. In-numru ta' titjiriet mistenni jiżdied b'50 % tul l-għaxar sal-għoxrin sena li ġejjin.

Jekk mhu se nagħmlu xejn, għad tinqala' konfużjoni sħiħa. L-Ewropa mhux talli jkollha tirrifjuta parti kbira mid-domanda potenzjali, iżda ssir suxxettibbli wkoll għal ammont ta’ dewmien u tħassir ta’ titjiriet bħal qatt qabel. Jekk nibqgħu għaddejjin bl-istess mod, sal-2050 l-ispejjeż ikkawżati mill-konġestjoni se jiżdiedu b’madwar 50 %.

Il-problema ewlenija hija li s-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa huma fframmentati u ineffiċjenti.

L-ispazju tal-ajru tal-UE għadu maqsum f’27 sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, li jipprovdu servizzi minn madwar 60 ċentru tat-traffiku tal-ajru, filwaqt li l-ispazju tal-ajru huwa maqsum f’aktar minn 650 settur. Dan ifisser li, attwalment, l-istruttura tal-ispazju tal-ajru hija bbażata fuq il-fruntieri nazzjonali u għalhekk ta' spiss it-titjiriet ma jkunux jistgħu jużaw rotot diretti. Bħala medja, fl-Ewropa, l-inġenji tal-ajru jittajru 42 km aktar milli huwa strettament meħtieġ minħabba l-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru. Dan jikkawża ħinijiet itwal ta' titjir u aktar dewmien, l-użu ta' iktar fjuwil u iktar emissjonijiet tas-CO2.

Barra minn hekk, it-teknoloġiji li jintużaw attwalment għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ġew iddisinjati fil-ħamsinijiet. Issa żmienhom għadda.

Il-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew toħloq ineffiċjenzi li jwasslu għal spejjeż żejda ta' madwar EUR 5 biljun fis-sena. Dawn l-ispejjeż jispiċċaw jgħaddu għal fuq in-negozji u l-passiġġieri. Attwalment, bejn 6 % u 12 % tal-ispiża ta’ biljett huma dovuti għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

Is-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Istati Uniti hija effiċjenti d-doppju ta’ dik tal-UE. Din is-sistema tieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ għadd doppju ta’ titjiriet bi spiża simili, u tagħmel dan minn terz tat-total ta’ ċentri ta’ kontroll fl-UE.

Quddiem dawn l-isfidi, lejn l-aħħar tad-disgħinijiet, kienu tfasslu proposti għall-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew, li kellu jelimina l-fruntieri nazzjonali fl-ajru u b’hekk kellu joħloq spazju tal-ajru uniku:

a) li jżid is-sikurezza b’għaxar darbiet,

b) li jittriplika l-kapaċità tal-ispazju tal-ajru,

c) li jnaqqas l-ispejjeż tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru b’50 %, u

d) li jnaqqas l-impatt ambjentali b’10 %.

Għal aktar tagħrif ara d-dokument u s-sit tal-internet li ġejjin:

Id-dokument MEMO/13/525 u s-sit tal-internet

http://ec.europa.eu/transport/air/index_en.htm

Persuni ta' kuntatt:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site