Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013

Inneħħu l-ikel perikoluż mis-suq : Il-Kummissjoni tippubblika r-rapport annwali dwar is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf tal-UE

Rapport annwali dwar is-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), ippubblikat illum, żvela li fl-2012 ġew rifjutati kważi 50 % tan-notifiki relatati mal-ikel u l-għalf fil-fruntieri tal-UE minħabba r-riskju li ppreżentaw għas-sikurezza tal-ikel. Imnedija aktar minn 30 sena ilu, l-RASFF hija għodda tat-teknoloġija tal-informatka li tiffaċilita l-fluss transkonfinali ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sikurezza tal-ikel u għandha sehem ewlieni fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel għaċ-ċittadini Ewropej.

Tonio Borg, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, qal: "L-RASFF issa saret għodda indispensabbli għar-reazzjoni u l-mitigazzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' sikurezza tal-ikel fl-UE billi permezz tagħha ikun hemm skambju mgħaġġel tal-komunikazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej. Filwaqt li l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel li smajna dwaru fl-aħbarijiet ma jagħmilx parti minn dan il-perjodu ta' rappurtaġġ, huwa importanti li jiġi enfasizzat li grazzi għall-eżistenza tal-RASFF, l-awtoritajiet responsabbli mis-sikurezza tal-ikel fl-UE kollha setgħu malajr jagħmlu skambju tal-informazzjoni. Bis-saħħa ta' dan, il-prodotti ġew traċċati u rtirati mis-suq." Biex nikkonkludu: “Il-Kummissjoni tipprevedi li testendi l-kamp tal-applikazzjoni tal-RASFF għall-ġlieda kontra l-frodi fl-ikel”.

Riżultati: importazzjonijiet aktar sikuri

Fl-2012 l-għadd ta' notifiki tal-RASFF laħaq total ta' 8,797, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 3.9 % meta mqabbel mal-2011. Minn dawn, 3,516 kienu notifiki oriġinali (40 %) u 5,281 kienu notifiki ta’ segwitu (60 %). Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 7.8 % fin-notifiki oriġinali u tnaqqis ta’ 1.2 % fin-notifiki ta’ segwitu. Kien hemm total ta’ 526 notifika ta’ twissija li rrappurtaw riskji serji misjuba fi prodotti fis-suq, ċifra li turi tnaqqis ta' 14 % meta mqabbla mal-2011.

Meta tali prodott jiġi identifikat, l-RASFF tinforma lill-pajjiż terz inkwistjoni, sabiex jieħu azzjonijiet korrettivi u ma jħallix li l-problema terġà tirrepeti ruħha. Meta tinstab problema serja u persistenti, il-Kummissjoni tibgħat ittra lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż terz ikkonċernat, biex dan jimplimenta miżuri korrettivi urġenti bħat-tneħħija mil-lista tal-istabbilimenti, l-imblukkar tal-esportazzjonijiet jew iż-żieda tal-kontrolli.

L-oriġini tan-notifiki

Mit-3,516-il notifika oriġinali trażmessa lill-RASFF fl-2012, 332 minnhom ikkonċernaw l-għalf (9.4 %) u 299 notifika (8.5 %) kienu dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Dawn iċ-ċifri huma simili għal dawk li ġew rrappurtati fl-2011. 2,885 notifika oriġinali kellhom x'jaqsmu mal-ikel.

Kwistjonijiet straordinarji: l-eżempju tal-ivvelenar bil-metanol

F’Settembru tal-2012, l-awtorità Ċeka responsabbli mis-sikurezza tal-ikel infurmat lill-RASFF b'persuni li kienu qegħdin isofru minn ivvelenar bil-metanol wara li kienu xorbu xorb alkoħoliku "draught". F’dan il-każ, l-adulterazzjoni tax-xorb alkoħoliku kellha konsegwenzi devastanti u rriżultat fil-mewt ta' 36 persuna. L-awtorità Ċeka użat il-kanal tal-RASFF sabiex malajr tinforma u taġġorna lis-sħab tagħha tal-UE dwar l-investigazzjonijiet tagħha u dwar il-miżuri li kienet ħadet.

Passi li jmiss

Billi l-RASFF hija primarjament pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-ikel, kemm il-metanol Ċek kif ukoll l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel għamlu lin-nies aktar konxji mill-bżonn li jsir skambju tal-informazzjoni dwar każijiet ta’ frodi fl-ikel li huwa fenomenu emerġenti. Biex tindirizza dan, il-pjan ta' azzjoni ta' 5 punti tal-Kummissjoni għandu l-għan li jnaqqas il-lakuni identifikati wara l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel u jinkludi l-ħolqien ta' proċedura għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni u twissijiet f’każijiet li jistgħu jikkostitwixxu frodi fl-ikel.

Kuntest

In-netwerk tal-RASFF jippermetti l-iskambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jiġu identifikati riskji għas-saħħa tal-bniedem fil-katina tal-ikel u tal-għalf. Il-Membri kollha tal-RASFF (is-27 pajjiż tal-UE, il-Kummissjoni, l-EFSA, in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Iżlanda u l-Iżvizzera) għandhom servizz ta' 24 siegħa kuljum biex jiġi żgurat li n-notifiki urġenti jintbagħtu, jaslu u jitwieġbu b'mod kollettiv u effiċjenti. Bis-saħħa tal-RASFF, ġew evitati ħafna riskji ta' sikurezza qabel ma saret ħsara lill-konsumaturi.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/index_en.htm

MEMO/13/524

Segwina fuq Twitter: @EU_Consumer

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site