Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Davos, il-25 ta’ Jannar 2013

Il-pressjoni regolatorja tħaffef l-affarijiet: Is-sehem ta’ nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji laħaq il-15.8% fl-Ewropa

Illum, il-Kummissjoni ħarġet iċ-ċifri ta’ nofs it-term dwar is-sehem ta’ nisa fil-bordijiet ta’ kumpaniji li huma elenkati pubblikament. Iċ-ċifri l-ġodda juru żieda fl-għadd ta’ nisa fil-bordijiet minn 13.7% f’Jannar 2012 sa 15.8%. Dan jinqasam f’medja ta’ 17% ta’ membri mhux eżekuttivi tal-bord (minn 15% f’Jannar 2012) u 10% ta’ membri eżekuttivi tal-bord (minn 8.9%). Ġiet irreġistrata żieda fis-sehem ta’ nisa fil-bordijiet fil-pajjiżi kollha tal-UE għajr tlieta (il-Bulgarija, il-Polonja u l-Irlanda).

Iċ-ċifra l-ġdida tirrappreżenta żieda ta’ 2.2 punt perċentwali meta mqabbel ma’ Ottubru 2011 u hija l-ogħla bidla minn sena għall-oħra li qatt ġiet irreġistrata. Din iż-żieda seħħet wara l-proposta dwar in-nisa fil-bordijiet li adottat il-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Novembru 2012 (IP/12/1205 u MEMO/12/860) biex ikun hemm objettiv ta’ 40% għan-nisa fil-bordijiet fuq il-bażi tal-mertu. Tirrifletti wkoll l-impatt tad-diskussjonijiet tal-UE fuq livell ogħli dwar il-ħtieġa li jkun hemm leġiżlazzjoni li tirregola l-għadd ta’ nisa fil-bordijiet.

Il-Viċi President Viviane Reding illum ippreżentat iċ-ċifri l-ġodda fil-Forum Dinji dwar l-Ekonomija f’Davos meta tkellmet f’sessjoni pubblika dwar in-Nisa fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet Ekonomiċi flimkien ma’ Christine Lagarde, id-Direttur Amministrattiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali.

"Il-provi huma ċari: il-pressjoni regolatorja taħdem. Il-kumpaniji fl-aħħar qed jibdew jifhmu li jekk iridu jibqgħu kompetittivi f’soċjetà li qed tixjiħ ma jistgħux jinjoraw it-talent tan-nisa: 60% tal-persuni li jiggradwaw mill-università huma nisa,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "L-eżempju stabbilit minn pajjiżi bħall-Belġju, Franza u l-Italja li riċentement adottaw leġiżlazzjoni u bdew jaraw progress, juri biċ-ċar li intervent regolatorju b’terminu ta’ żmien jista’ jagħmel id-differenza kollha. Il-liġi valida fl-Ewropa kollha li ppreżentajna se tiżgura li jintuża t-talent eżistenti u b’hekk il-bilanċ bejn is-sessi jissaħħaħ b’mod indaqs fil-bordijiet tal-kumpaniji kollha fis-suq intern tagħna kollu."

Il-pajjiżi b’leġiżlazzjoni dwar il-kwoti jibqgħu dawk li jmexxu l-bidla. L-akbar żidiet f’punti perċentwali ġew irreġistrati fl-Italja (żieda ta’ 4.9 punti perċentwali biex laħqet 11%), li reċentement adottat liġi dwar il-kwoti li titlob li l-kumpaniji elenkati u dawk li huma proprjetà tal-istat jaħtru mara waħda għal kull tliet persuni fil-bordijiet amministrattivi u superviżorji tagħhom sal-2015. Franza, li introduċiet liġi dwar il-kwoti fl-2011, saret l-ewwel pajjiż tal-UE li għandu aktar minn mara waħda fil-bord superjuri tal-akbar kumpaniji elenkati kollha tiegħu. In-nisa issa jirrappreżentaw 25% tal-bordijiet tal-kumpaniji tal-CAC 40 fi Franza - żieda ta’ 2.8 punt perċentwali fi żmien 10 xhur biss (minn Jannar sa Ottubru 2012). Il-kwota ta’ Franza hija ta’ 40% sal-2017 li tapplika għall-membri eżekuttivi u mhux eżekuttivi tal-bordijiet fil-kumpaniji kbar elenkati u mhux elenkati (li jimpjegaw mill-inqas 500 ħaddiem u bi dħul ta’ aktar minn EUR 50 miljun), b’mira intermedja ta’ 20% sal-2014.

Sadanittant, il-Bulgarija hija l-uniku pajjiż fejn kien hemm tnaqqis notevoli (tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali), filwaqt li l-Polonja u l-Irlanda ma rreġistraw l-ebda bidla fl-għadd ta’ nisa fil-bordijiet tagħhom, u baqgħu b’perċentwal ta’ 12% u 9% rispettivament.

Iċ-ċifri tal-lum huma inkoraġġanti iżda għad hemm ħafna progress xi jsir. Kwart tal-akbar kumpaniji tal-UE (25%) għad m’għandhomx nisa fil-bordijiet superjuri tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblika l-aħħar rapport annwali tagħha dwar in-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi f’Marzu 2012. Ir-rapport sħiħ li jmiss se joħriġ f’April 2013. Iċ-ċifri ta’ nofs it-term li ħarġu llum inġabru f’Ottubru 2012 u qed jitqabblu mal-ġabra tad-dejta minn ta’ Jannar 2012. Id-dejta sħiħa hija aċċessibbli onlajn.

Kuntest

Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat liġi li tistabbilixxi objettiv minimu ta’ 40% tas-sess l-inqas rappreżentat fil-postijiet ta’ membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet f’kumpaniji elenkati fl-Ewropa sal-2020, jew sal-2018 għall-impriżi pubbliċi elenkati (ara IP/12/1205 u MEMO/12/860).

L-elementi ewlenin tal-abbozz tal-liġi:

  1. Jekk kumpanija elenkata pubblikament fl-Ewropa ma jkollhiex 40% ta’ nisa fil-bord superviżorju tagħha, il-liġi titlobhom li jintroduċu proċedura ta’ għażla ġdida għall-membri tal-bord li tagħti prijorità lill-kandidati nisa kkwalifikati.

  2. Il-liġi tagħmel enfasi b’mod qawwi fuq il-kwalifiki. Ħadd mhuwa se jikseb impjieg fuq il-bord biss minħabba li huma nisa. Iżda l-ebda mara mhija se titlef l-opportunità ta’ impjieg minħabba s-sess tagħha lanqas.

  3. Il-liġi tapplika biss għall-bordijiet superviżorji jew għad-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati pubblikament, minħabba l-importanza ekonomika u l-viżibbiltà għolja tagħhom. L-impriżi ta’ daqs żgħir u medju huma esklużi.

  4. L-Istati Membri individwali tal-UE se jkunu meħtieġa li jistabbilixxu sanzjonijiet xierqa u dissważivi għall-kumpaniji li jiksru d-Direttiva.

  5. Il-liġi hija miżura temporanja. Din tiskadi awtomatikament fl-2028.

  6. Il-liġi tinkludi wkoll, bħala miżura komplementari, “kwota flexi”: obbligu għall-kumpaniji elenkati fil-Borża li jistabbilixxu miri individwali, awtoregolatorji għalihom rigward ir-rappreżentanza taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi li jridu jinkisbu sal-2020 (jew l-2018 fil-każ ta’ impriżi pubbliċi). Il-kumpaniji se jkollhom jirrappurtaw kull sena dwar il-progress li jkun sar.

Il-passi li jmiss: Sabiex issir liġi, il-proposta tal-Kummissjoni issa trid tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill. Il-Parlament Ewropew ħatar il-Membru tal-Parlament Ewropew (MEP) Rodi Kratsa-Tsagaropoulou (Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa) u l-MEP Evelyn Regner (Kumitat għall-Affarijiet Legali) bħala korelaturi (rapporteurs għal opinjoni) għall-proposta. Il-Kunsill kellu l-ewwel diskussjoni dwar il-proposta f’Diċembru (MEMO/12/940) u l-Presidenza Irlandiża tal-UE hija mistennija li tippjana diskussjoni oħra fil-laqgħa tal-ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (il-Kunsill EPSCO) fl-20 ta’ Ġunju 2013. Sadanittant, fil-15 ta’ Jannar, l-abbozz tal-liġi għaddiet b’suċċess mill-Analiżi tas-Sussidjarjetà (b’riżultat ta’ 43:11) - fejn il-parlamenti nazzjonali (li kull wieħed minnhom għandu żewġ voti, b’total ta’ 54 vot) jagħtu opinjonijiet dwar jekk huwiex xieraq li tiġi indirizzata kwistjoni fil-livell tal-UE jew jekk huwiex aħjar li jindirizzawha l-Istati Membri.

Għal aktar tagħrif

  1. Il-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet:

    http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/index_en.htm

  2. Il-pakkett għall-ġurnalisti – Nisa fil-bordijiet: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/news/121114_en.htm

  3. Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi: http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_376_en.pdf

  4. Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding, fuq l-internet: http://ec.europa.eu/reding

  5. Segwi lill-Viċi President fuq Twitter @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNEX

Figure 1 – Gender balance on the boards of the largest companies around the EU, Oct-2012

Source: European Commission, Database on women and men in decision-making

Figure 2 - Change in the share of women board members, January-October 2012 (percentage points)

Source: European Commission, Database on women and men in decision-making

Figure 3 - Share of women amongst board-level non-executives and top-level executives, Oct-2012

Source: European Commission, Database on women and men in decision-making


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site