Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Pariġi, l-10 ta' Ġunju 2013

Ir-Riċerka: Sħubija ġdida għall-ġlieda kontra l-mard relatat mal-faqar

Illum, l-UE u l-Fondazzjoni ta' Bill u Melinda Gates wegħdu li se jaħdmu flimkien għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkolożi, il-malarja u mard ieħor relatat mal-faqar li flimkien jaffettwa aktar minn biljun ruħ madwar id-dinja kollha. Il-ftehim, li ġie ffirmat illum f'Pariġi minn Bill Gates, il-kopresident tal-fundazzjoni u minn Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, joħloq sħubija strateġika ġdida għar-riċerka f'dan il-qasam. Bejn l-2007 u l-2011, il-fondazzjoni u l-Kummissjoni Ewropea kkontribwew madwar EUR 2.4 biljun (USD 3.1 biljun) għar-riċerka u l-iżvilupp, b'attenzjoni partikolari għall-mard infettiv relatat mal-faqar, u b'appoġġ għall-iżvilupp ta' aktar minn 20 prodott ġdid u imtejjeb.

L-isħubija se tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp ta' interventi li jsalvaw il-ħajja biex itejbu s-saħħa u l-benesseri tan-nies li jgħixu f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Barra minn hekk, biex jiżdied l-iżvilupp tal-mediċini, tat-tilqim u tad-dijanjostiċi li huma tant meħtieġa, iż-żewġ organizzazzjonijiet se jfittxu wkoll li jtejbu r-rotot sostenibbli u li jilħqu l-but ta' kulħadd biex jiżguraw li dawn il-prodotti jaslu malajr għand dawk li għandhom l-aktar bżonnhom.

Il-Kummissarju Geoghegan-Quinn qalet, "L-għan tagħna f'din is-sħubija l-ġdida huwa li naħdmu flimkien biex tal-inqas niżviluppaw prodott wieħed ġdid u aħjar fis-sena. Dan se jirrappreżenta pass kbir 'il quddiem għall-miljuni li jsofru minn mard relatat mal-faqar."

"B'biżżejjed riżorsi u impenn politiku, flimkien nistgħu ntejbu l-ħajjiet ta' miljuni qabel it-tmiem ta' dawn l-għaxar snin," qal is-Sur Gates. "Il-fondazzjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tappoġġa l-isforzi għall-iżvilupp ta' prodotti li jsalvaw il-ħajja biex isolvu wħud mill-problemi l-aktar diffiċli tad-dinja. L-isħubija mal-Kummissjoni u ma' finanzjaturi oħra hija fundamentali għas-suċċess tal-missjoni komuni tagħna."

Il-fondazzjoni u l-KE qed jippjanaw li jniedu premju konġunt għall-innovazzjoni waqt il-Konvenzjoni dwar l-Innovazzjoni tal-2014, biex jirrikonoxxi u jippremja l-innovazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi li jinsabu fl-approċċi attwali għas-saħħa globali.

Il-Kummissjoni u l-fondazzjoni se jiffinanzjaw ukoll, b'mod konġunt, l-iżvilupp kliniku ta' għodod ġodda biex jittrattaw u jipprevjenu l-HIV, it-tuberkolożi, il-malarja u mard infettiv ieħor li ġie ttraskurat bħall-mard tad-dijarea, l-ulċera Buruli, it-trakoma, il-filarjażi limfatika u l-marda tal-irqad. Il-biċċa l-kbira ta' dan ix-xogħol se jitwettaq permezz tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP), inizjattiva ewlenija tal-Unjoni Ewropea, li attwalment tinvolvi 16-il pajjiż Ewropew u 30 pajjiż tal-Afrika SubSaħara.

Sfond

L-EDCTP dalwaqt se tidħol fit-tieni fażi tagħha, biex tkopri aktar fażijiet ta' provi kliniċi u aktar oqsma ta' mard. L-EDCTP mistennija tagħti appoġġ kbir għall-iżvilupp tal-prodott u l-bini ta' kapaċità f'pajjiżi b'mard endemiku. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet finanzjament sa biljun euro mill-baġit tal-UE, biex il-kontributi jilħqu dawk tal-pajjiżi sħab Ewropej. Is-sħubija jista' jkollha rwol importanti fil-forniment ta' finanzjament katalitiku għal provi kliniċi fi stadju aħħari biex jipprovdu s-sikurezza u l-effikaċja tal-mediċini u t-tilqim ġodda. Prova tipika fi stadju aħħari ta' intervent ġdid tista' tieħu sa 15-il sena bi spiża tal-iżvilupp ta' bejn EUR 500 sa 800 miljun għal kull kanditat ġdid ta' mediċina jew tilqima.

Madankollu, għadhom neqsin il-mediċini sikuri, effettivi u li jilħqu l-but ta' kulħadd għal ħafna mard relatat mal-faqar, u l-ispejjeż soċjoekonomiċi ta' dawn il-mard jillimitaw il-potenzjal għall-iżvilupp, b'mod partikolari fl-Afrika SubSaħara.

Bħalissa, iż-żewġ naħat qegħdin jidentifikaw opportunitajiet ta' investiment fi prodotti promettenti u f'approċċi xjentifiċi ġodda, flimkien mal-użu ta' strateġiji effiċjenti ta' investiment u mekkaniżmi flessibbli ta' finanzjament. Qasam ewlieni fil-mira se jkun dak tat-tuberkolożi fejn hemm bżonn ta' mediċini, tilqim u approċċi ġodda biex jittrattaw din l-epidemija u jopponu l-bidu ta' razza ta' TB reżistenti għall-mediċina.

Il-mard relatat mal-faqar għandu impatti negattivi kbar fuq is-saħħa, is-soċjetà u t-tkabbir ekonomiku f'ħafna pajjiżi. Dan jaffettwa partikolarment l-ifqar komunitajiet u l-aktar emarġinalizzati tad-dinja. Aktar minn biljun ruħ, inklużi 400 miljun tifel u tifla, isofru minn marda waħda jew aktar, minn fost it-tliet mardiet ewlenin relatati mal-faqar - l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi - jew minn mard ieħor li ġie ttraskurat, bħall-ulċera Buruli, it-trakoma, il-filarjażi limfatika u l-marda tal-irqad. Il-marda tal-HIV/AIDS biss toqtol madwar 2 miljun ruħ fis-sena, filwaqt li l-malarja u t-tuberkulożi flimkien joqtlu madwar 2.2 miljun ruħ.

Il-ġlieda kontra l-mard prinċipali relatat mal-faqar qiegħdha dejjem aktar ssir problema globali tas-saħħa. Il-mobilità globali dejjem tikber, inklużi t-turiżmu u l-migrazzjoni, dan ifisser li kwalunkwe pajjiż fid-dinja jista' jaffaċċa sfidi ġodda, jew li jerġgħu jitfaċċaw, minn mard infettiv. It-tisħin globali u l-bidu ta' mard reżistenti għall-mediċina qegħdin ikomplu jbiddlu l-prevalenza u d-distribuzzjoni ta' dan il-mard madwar id-dinja.

Ħoloq

Ħolqa għall-MtF:

http://ec.europa.eu/research/press/2013/pdf/Gates_Foundation_MoU.pdf

Is-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP):

http://www.edctp.org/

http://www.gatesfoundation.org/What-We-Do

Il-Kummissjoni Ewropea – Ir-Riċerka dwar is-Saħħa:

http://ec.europa.eu/research/health/index_en.html

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)

media@gatesfoundation.org (+1 206 709-3400)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website