Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Il-Lussemburgu, is-6 ta' Ġunju 2013

Protezzjoni aħjar għall-vittmi tal-vjolenza domestika permezz ta' liġi ġdida tal-UE adottata llum

Il-vittmi tal-vjolenza, b'mod partikolari tal-vjolenza domestika, dalwaqt se jkunu jistgħu jserrħu fuq protezzjoni fl-UE kollha, wara li llum il-Ministri tal-Ġustizzja mill-Istati Membri tal-UE, adottaw proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-regolament il-ġdid għall-protezzjoni fl-UE kollha, ifisser li n-nies li sfaw vittmi tal-vjolenza, jistgħu jserrħu fuq ordni ta' restrizzjoni miksuba f’pajjiżhom ikunu fejn ikunu fl-UE. Prattikament dan ifisser li l-ordnijiet ta' restrizzjoni maħruġa f'pajjiż wieħed tal-UE se jkollhom jiġu rikonoxxuti fl-UE kollha. B’dan il-mod, il-protezzjoni se tkun qed tivvjaġġa mal-individwu. Il-liġi tal-UE se jkunu qed jibbenefikaw minnha b’mod partikolari n-nisa: madwar waħda minn kull ħames nisa fl-Ewropa sofrew vjolenza fiżika mill-inqas darba tul ħajjithom, skont stħarriġ.

L-Ordni Ewropea ta’ Protezzjoni li ġiet adottata llum se tkun qed tgħin lill-vittimi tal-kriminalità u l-vittmi tal-vjolenza, imorru fejn imorru fl-Ewropa: il-protezzjoni se tkun qiegħda tivvjaġġa maċ-ċittadini. Dan huwa eżempju eċċellenti ta' kif l-Ewropa qiegħda taħdem għaċ-ċittadini tagħha," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. "Nixtieq nirringrazzja lill-Ministri tal-Ġustizzja u l-Parlament Ewropew tal-appoġġ li taw biex il-proposta tal-Kummissjoni setgħet issir realtà malajr. Il-vittmi ma jistħoqqilhom xejn inqas milli jkunu trattati b'rispett u jirċievu l-protezzjoni li jeħtieġu. Se nħalli f'idejn l-Istati Membri biex jittraduċu malajr l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni u d-Direttiva tad-drittijiet tal-vittmi adottata s-sena l-oħra f'realtà għaċ-ċittadini tagħna."

L-adozzjoni formali tal-lum tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili mill-Kunsill issegwi vot fil-Parlament Ewropew fit-22 ta’ Mejju (MEMO/13/449). Il-Kummissjoni pproponiet ir-Regolament bħala parti mill-pakkett ta' miżuri għat-titjib tad-drittijiet tal-vittmi (ara IP/11/585 u MEMO/11/310). Id-Direttiva tal-Vittmi – li tistabbilixxi d-drittijiet minimi għall-vittmi tal-kriminalità jkunu fejn ikunu fl-UE – hija diġà parti mil-liġijiet Ewropej (IP/12/1200). Iż-żewġ strumenti se jikkumplementaw ukoll l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011, li tiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-liġi kriminali madwar l-Ewropa kollha. Il-vot tal-lum huwa pass importanti ħafna fl-għeluq tal-lakuni fil-protezzjoni għall-vittmi ta’ vjolenza domestika li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles fl-UE.

Il-passi li jmiss: Ir-Regolament issa se jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (il-liġijiet tal-UE) u se jibda japplika mill-11 ta' Jannar 2015. Id-Danimarka mhix se tkun qiegħda tieħu sehem.

Il-kuntest

Fit-18 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett ta’ miżuri biex tiżgura livell minimu ta’ drittijiet, appoġġ u protezzjoni għall-vittmi madwar l-UE kollha, irrispettivament minn fejn huma jew fejn jgħixu.

Din kienet tinkludi proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-liġi ċivili. Dan se jiżgura li l-vittmi tal-vjolenza (bħal pereżempju l-vjolenza domestika) jkunu jistgħu jserrħu fuq ordnijiet ta’ restrizzjoni jew ta’ protezzjoni maħruġa kontra l-persuna li tkun wettqet ir-reat jekk jivvjaġġaw jew imorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE u se tikkumplimenta l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, adottata fit-13 ta’ Diċembru 2011 u li tittratta l-ordnijiet ta' protezzjoni tal-liġi kriminali.

It-tieni proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi ġiet adottata fl-4 ta' Ottubru 2012 mill-Kunsill tal-Ministri (IP/12/1066), wara li l-Parlament Ewropew approvaha b'maġġoranza kbira ħafna fit-12 ta' Settembru 2012 (MEMO/12/659). Id-direttiva tistabbilixxi d-drittijiet minimi għall-vittmi, ikunu fejn ikunu fl-UE. Din se tiżgura li:

  • il-vittmi jintwerew rispett, filwaqt li l-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin jiġu mħarrġa biex jittrattawhom kif inhu xieraq;

  • il-vittmi jiksbu l-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u l-każ tagħhom b'mod li jistgħu jifhmu;

  • f'kull Stat Membru jeżisti appoġġ għall-vittmi;

  • il-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċedimenti, jekk ikunu jridu, filwaqt li tingħatalhom għajnuna biex jattendu għall-proċess;

  • il-vittmi vulnerabbli - bħat-tfal, il-vittmi ta' stupru, jew dawk li jbatu minn diżabilitajiet - jiġu identifikati u tingħatalhom protezzjoni xierqa;

  • il-vittmi jiġu protetti waqt li l-pulizija jkunu għaddejjin bl-investigazzjoni tar-reat u matul il-proċeduri tal-qorti.

L-Istati Membri issa għandhom tliet snin biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Sa madwar 15% tal-popolazzjoni tal-UE tista’ tisfa vittma tal-kriminalità x’imkien fl-UE kull sena. Ir-riskju li wieħed jisfa vittma meta wieħed ikun qed jivvjaġġa huwa kbir daqs kemm meta wieħed ikun f’pajjiżu. L-Ewropej jagħmlu 1.25 biljun safra bħala turisti fl-UE kull sena, u dan ifisser li huwa inevitabbli li xi wħud minnhom jisfaw vittmi tal-kriminalità f’pajjiż ieħor.

Ir-regoli minimi għall-vittmi huma parti mill-għanijiet akbar tal-UE li tibni żona Ewropea ta’ ġustizzja, sabiex in-nies ikunu jistgħu jiddependu fuq l-istess livell ta’ drittijiet bażiċi u jkollhom fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-UE.

Għal aktar informazzjoni:

Il-Kummissjoni Ewropea - id-drittijiet tal-vittmi

http://ec.europa.eu/justice/criminal/victims/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website