Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2013

L-ambjent: L-opinjoni tiegħek tista' tgħin lill-Ewropa ssir soċjetà li tirriċikla

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tkun taf jekk taħsibx li l-miri tar-riċiklaġġ fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għandhomx bżonn jiġu riveduti, u kif. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jintużaw biex jgħinu fl-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni potenzjali ġdida sabiex jiġi evitat l-iskart u tingħata spinta lill-idea ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ, bħala parti minn reviżjoni iktar wiesgħa ta’ politiki dwar l-iskart fl-2014. Ċittadini, negozji, NGOs, awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra huma mistiedna jwasslu l-opinjonijiet tagħhom sa nofs Settembru 2013.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-iskart tistabbilixxi miri ċari għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart kif ukoll għat-tnaqqis tal-miżbliet. Pereżempju, sal-2020, 50 % tal-iskart muniċipali/tad-djar u 70 % tal-iskart mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini għandu jiġi rriċiklat jew użat mill-ġdid. Dawn il-miri diġà wasslu għal titjib kbir, b'bosta Stati Membri juru x’jista’ jsir malajr, bi ftit spejjeż u bil-ħolqien ta' ħafna impjiegi. Iżda, fl-immaniġġar tal-iskart, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, ħolqot urġenza ekonomika importanti biex is-settur ambjentali jitjieb. Dokumenti tal-politika ġodda bħall-Pjan Direzzjonali dwar l-Effiċjenza u l-proposta għas-Seba' Programm ta' Azzjoni għall-Ambjentspjegaw il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali fl-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi, li tkun titlob:

  • aktar prevenzjoni tal-iskart,

  • aktar riċiklaġġ u użu mill-ġdid għall-ogħla livelli fattibbli,

  • limitazzjoni fl-inċinerazzjoni ta' materjali mhux riċiklabbli, u

  • l-eliminazzjoni gradwali tal-miżbliet sal-2020.

Il-Kummissjoni qed teżamina jekk, u kif il-miri tal-UE dwar l-iskart għandhomx jiġu adattati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, u l-konsultazzjoni se tiġbor ideat dwar il-ħtieġa tat-tisħiħ tal-miri eżistenti jew l-introduzzjoni ta' oħrajn ġodda. Il-possibbiltajiet jinkludu miri ta’ prevenzjoni tal-iskart u miri differenzjati għal flussi tal-iskart, materjali u prodotti. Qed isiru wkoll mistoqsijiet dwar jekk għandhomx jinħolqu miri aktar stretti dwar l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u l-miri ta’ tnaqqis fil-miżbliet jew il-miri ta' devjazzjoni, u jekk dawn għandhomx ikunu adattati għas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru. L-implimentazzjoni tal-miri attwali, it-titjib tal-istatistika tal-iskart u l-effettività tal-monitoraġġ tal-miżuri implimentati fl-Istati Membri huma wkoll indirizzati.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tidentifika l-alternattivi ewlenin għall-iżvilupp tal-miri billi tibni fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Il-valur miżjud potenzjali u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ dawn l-għażliet imbagħad se jiġu analizzati. Fl-2014 tista' tiġi żviluppata proposta leġiżlattiva, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-politika dwar l-iskart. Barra minn hekk, ir-reviżjoni se tħares ukoll lejn il-possibbiltà ta' dupplikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni eżistenti u lejn il-potenzjal ta’ simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex issir aktar ċara u konsistenti.

Sfond

Ir-reviżjoni ta' diversi miri dwar l-immaniġġar tal-iskart fl-2014 hija prevista fil-leġiżlazzjoni nnifisha, fosthom fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, fid-Direttiva dwar il-Miżbliet (it-tnaqqis gradwali tal-iskart bijodegradabbli li jmur fil-miżbliet) u fid-Direttiva dwar l-Ippakkettar u l-Iskart Ippakkjat. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex sal-2014 tikkunsidra, “fejn hu xieraq”, l-iffissar tal-għanijiet tal-prevenzjoni tal-iskart u tad-diżakkoppjament mit-tkabbir ekonomiku għall-2020. Ir-reviżjoni tal-Politika u l-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Iskart, li għandha titlesta fl-2014, tinkludi żewġ komponenti oħra b'żieda mal-konsultazzjoni: il-verifika tal-adegwatezza ta’ ħames direttivi dwar il-fluss tal-iskart u l-Green Paper dwar l-iskart tal-plastik.

Ara wkoll:

Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit tal-internet dwar il-konsultazzjoni:

www.wastetargetsreview.eu

Il-konsultazzjoni onlajn hija disponibbli minn din il-weblink:

http://ec.europa.eu/environment/consultations/waste_targets_en.htm

Il-paġna web dwar ir-reviżjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart:

http://ec.europa.eu/environment/waste/target_review.htm

Il-paġna web dwar l-iskart:

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm

Tabella ta' valutazzjoni:

- dwar l-immaniġġar tal-iskart: IP/12/888

- analiżi miksuba miż-ŻEE għal kull pajji:

http://www.eea.europa.eu/publications/managing-municipal-solid-waste

Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Istati Membri anqas avvanzati:

http://ec.europa.eu/environment/waste/framework/support_implementation.htm

L-użu ta’ strumenti ekonomiċi:

http://ec.europa.eu/environment/waste/use.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website