Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija konġunta għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2013

Ningħaqdu biex negħlbu l-kriżi

Illum, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, u l-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, Ramón Luis Valcárcel, iddiskutew l-isfidi prinċipali ekonomiċi, soċjali u politiċi tal-Unjoni Ewropea. Fil-qalba tad-diskussjoni kien hemm azzjoni determinata biex jiġu implimentati miżuri miftiehma sabiex tingħeleb il-kriżi, billi jiżdiedu l-isforzi għat-tkabbir u l-impjiegi, u mixja ‘l quddiem lejn unjoni monetarja u ekonomika iktar integrata.

Il-laqgħa bilaterali bejn iż-żewġ Presidenti ġiet segwita minn working lunch ospitat mill-President Barroso ma seba’ Assoċjazzjonijiet Lokali u Reġjonali kbar u l-President u l-ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), Mercedes Bresso. Iż-żewġ laqgħat saru fil-qafas ta’ “djalogu strutturat” bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-KtR u l-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, li jifittex li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-President Barroso qal: “Waqt li qed nagħmlu l-almu kollu tagħna biex noħorġu lill-Ewropa mill-kriżi, l-akbar kompitu tagħna hu li nagħtu t-tama lin-nies. Hemm bżonn li nkomplu bl-isforzi kollha tagħna biex noħolqu tkabbir sostenibbli u impjiegi fl-Ewropa, filwaqt li nimplimentaw il-miżuri li ddeċidejna li nieħdu. U jeħtieġ li nuru li l-azzjoni qed tagħmel differenza għaż-żgħażagħ tagħna li huma bla xogħol u għall-impriżi żgħar u medji mingħajr flus. F'dan il-kuntest il-baġit futur tal-UE għall-2014-2020 u l-programmi tiegħu ta' finanzjament huma importanti b'mod kruċjali. Nappellaw il-Kunsill u l-Parlament biex jaqblu malajr dwar il-baġit futur sabiex l-investiment vitali jkun jista' jibda jingħata lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom mill-2014. Se nirnexxu biss jekk nikkooperaw fil-livelli kollha. Ir-rwol tar-reġjuni u l-ibliet huwa kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet komuni tagħna.”

Il-President Valcárcel enfasizza li: “Wasal iż-żmien biex jingħata bidu għal riflessjoni serja dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ verament issaħħaħ is-setgħa tal-bliet u r-reġjuni, l-awtoritajiet li huma l-eqreb għaċ-ċittadini. Ninsab konvint bis-sħiħ li biex ngħinu lin-negozji lokali tagħna biex jinħolqu l-impjiegi u biex iż-żgħażagħ tagħna jerġgħu jiksbu fiduċja fil-kapaċitajiet tagħhom; irridu nkomplu l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u nestendu r-rwol tar-reġjuni tal-Ewropa. “Nemmen li l-unika tweġiba għal din il-kriżi hija”Aktar Ewropa"", żied jgħid Valcárcel.

Il-President Barroso u l-President Valcárcel rrimarkaw li l-ġimgħat, ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu kruċjali biex tintwera l-effettività tar-reazzjoni tal-UE għall-kriżi, mibnija fuq konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir, riformi strutturali u investiment immirat u ssostanzjat permezz ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-politika ekonomika u baġitarja fil-kuntest tas-semestru Ewropew.

Iż-żewġ Presidenti ddiskutew ukoll l-istrateġija Ewropa 2020 li se tkompli tiggwida l-azzjoni tal-UE. F’dan il-kuntest, il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra tħejji White Paper dwar il-koeżjoni territorjali biex tanalizza aħjar ir-relazzjoni bejn l-Aġenda Territorjali 2020 u l-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-President tal-KtR min-naħa tiegħu enfasizza wkoll li minbarra l-immonitorjar kostanti tal-progress li sar mill-Inizjattivi kollha Ewlenin tal-Ewropa 2020, il-KtR qed jaħdem diġà fuq valutazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija minn perspettiva lokali u reġjonali. Il-kontribuzzjoni tal-KtR għal din ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu se tiġi ppreżentata fis-Summit li jmiss tal-Ibliet u r-Reġjuni Ewropej — li se jsir f’Ateni fis-6 u s-7 ta’ Marzu 2014.

Il-President Valcárcel kien ħerqan ukoll li jenfasizza li l-2014 se tiċċelebra l-20 anniversarju tal-Kumitat tar-Reġjuni. Dan se joffri opportunità tajba għall-istituzzjoni biex “tħares lura, tara x'sar u tħares 'il quddiem”. Fis-sessjoni plenarja li tfakkar l-20 sena (f'April 2014), se jitressqu u jiġu ppreżentati proposti dwar kif jissaħħaħ ir-rwol istituzzjonali u politiku tal-KtR lil hinn mill-2015.

Is-seba’ Assoċjazzjonijiet Lokali u Reġjonali kienu rappreżentati minn:

– Giorgio Orsoni, l-ewwel Viċi President tal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) u Sindku ta’ Venezja (l-Italja),

– Karl-Heinz Lambertz, il-President tal-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni Konfinali Ewropej u l-Leader tal-Gvern tal-Komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju,

– Jean-Yves Le Drian, il-President tal-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferali (CPMR), il-Ministru Franċiż tad-Difiża u l-Affarijiet tal-Veterani u President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Brittanja (PSE/FR),

– Hande Özsan Bozatli, il-President tal-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER) u l-President tal-Kumitat tal-UE u tar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Kunsill Provinċjali ta' Istanbul,

– Daniël Termont, EUROCITIES, Membru tal-Kumitat Eżekuttiv u Sindku ta’ Gent (il-Belġju),

– Françoise Dupuis, il-President tal-Konferenza tal-Assemblej Leġiżlattivi Reġjonali Ewropej (CALRE) u l-President tal-Parlament tal-Brussels-Capital-Region,

– Franco Iacop, il-President tal-Konferenza tar-Reġjuni Ewropej li Għandhom Setgħat Leġiżlattivi (REGLEG).

Kuntatti:

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Nathalie Vandelle (Kumitat tar-Reġjuni) (+32 2 282 24 99)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website