Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE tippremja 9 inizjattivi pubbliċi innovattivi fl-Ewropa

European Commission - IP/13/505   06/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2013

L-UE tippremja 9 inizjattivi pubbliċi innovattivi fl-Ewropa

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ir-rebbieħa tal-Premju Ewropew għall-Innovazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika. Dan il-premju jiċċelebra l-aktar inizjattivi pubbliċi innovattivi u promettenti li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini, l-impriżi, jew is-settur tal-edukazzjoni u s-settur tar-riċerka. Disa’ inizjattivi mill-Kroazja, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja (żewġ rebbieħa), l-Isvezja u r-Renju Unit ġew ippremjati EUR 100 000 kull wieħed (MEMO/13/503). L-inizjattivi rebbieħa kienu jinkludu tagħrif dwar il-kura tas-saħħa integrata aċċessibbli fuq il-mowbajl, pjattaforma bbażata fuq l-internet għal opportunitajiet ta’ finanzjament għall-intrapriżi, u sistema ta' individwazzjoni tal-plaġjariżmu għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Il-premijiet ingħataw mill-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn matul il-Konferenza għall-Ġimgħa tar-Reġjuni Innovattivi IV (WIRE IV) f’Cork, l-Irlanda.

Il-Kummisarju Geoghegan-Quinn qalet: "L-Innovazzjoni mhix qiegħda biss għan-negozju. Is-settur pubbliku jinkludi nofs il-prodott domestiku gross tal-UE, għalhekk irid jilqa' wkoll il-bidla. Ir-rebbieħa llum juru li bl-użu ta' ideat u teknoloġiji ġodda nistgħu ntejbu l-ħajja tan-nies u ngħinu sabiex nimmodernizzaw l-ekonomiji tagħna. Neħtieġu aktar inizjattivi bħal dawn.”

Kien hemm 203 entrati għall-kompetizzjoni li waslu minn kull rokna tal-Unjoni Ewropea. Id-disa’ rebbieħa ntgħażlu minn ġurija indipendenti abbażi ta’ erba’ kriterji: l-impatt ekonomiku tal-inizjattiva tagħhom; ir-rilevanza tiegħu fl-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà; kemm hija oriġinali din l-idea u kemm hu faċli li ssir; u kif dawn qed jippjanaw li jużaw il-flus tal-premju.

Il-Ġurija Esperta kienet magħmula minn Ann Mettler, mill-Kunsill ta’ Lisbona; Carlos Brazao, Cisco; Margot Pröhl, l-Istitut Ewropew għall-Amministrazzjoni Pubblika; Sasha Bezuhanova, l-HP; u Andreas Schleicher, l-OECD.

Il-flus tal-premju se jservu biex l-inizjattivi jitkabbru. Ir-rebbieħa se jippreżentaw l-azzjonijiet tagħhom biex jirreplikaw u jkabbru l-inizjattivi tagħhom fil-Konvenzjoni dwar l-Innovazzjoni li jmiss fl-2014 fi Brussell.

Ir-rebbieħa tal-premijiet tal-2013

Il-kategorija “Ċittadini”:

  1. Iż-żona Metropolitana ta' Helsinki fil-Finlandja — li toffri dejta miftuħa biex tinvolvi liċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet

  2. L-inizjattiva nazzjonali Svediża tas-saħħa elettronika — li tippermetti lill-pazjenti u lil dawk li jipprovdu l-kura li jsegwu t-tagħrif tal-kura tas-saħħa tagħhom fuq l-internet

  3. The London Borough of Islington fir-Renju Unit — pakkett integrat ta’ interventi għat-tnaqqis tal-faqar tal-fjuwil, l-eċċess ta' mwiet fix-xitwa u l-ammissjonijiet fl-isptarijiet

Il-kategorija “Impriżi”:

  1. Il-hub Spanjol għad-dejta miftuħa — inizjattiva nazzjonali ambizzjuża għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku li tiftaħ opportunitajiet ekonomiċi ġodda

  2. L-amministrazzjoni reġjonali tal-provinċji tat-Tramuntana tal-Pajjiżi l-Baxxi — pjattaforma bbażata fuq l-internet li tipprovdi aċċess veloċi għall-opportunitajiet ta' finanzjament għall-impriżi

  3. L-aġenzija ta’ riforma pubblika Portugiża — twaqqif sempliċi ta’ negozji b'ħin ta’ stennija limitat ħafna jew mingħajr ħin ta' stennija

Il-kategorija “L-edukazzjoni u r-riċerka”

  1. Ir-reġjun Spanjol ta’ Murcia — timijiet ta’ studenti jsiru intraprendituri u jikkompetu f’tellieqa għal vetturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija

  2. In-Netwerk Akkademiku u ta' Riċerka Kroat — skejjel primarji f'żoni remoti jiġu mgħammra bl-ICT bil-għan ta' promozzjoni għall-aċċess ugwali għal edukazzjoni għolja ta' kwalità

  3. L-inizjattiva nazzjonali Slovakka — sistema ta' skoperta ta' plaġjariżmu li tgħaqqad it-teżijiet u d-dissertazzjonijiet tal-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni ogħla

Aktar tagħrif

Il-kompetizzjoni tnediet f’Settembru 2012 u kienet miftuħa għall-awtoritajiet pubbliċi stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew Pajjiż assoċjat mal-programm ta’ qafas għar-riċerka tal-UE. L-inizjattivi mressqa kellhom jibqgħu għaddejjin għal bejn sena u erba’ snin. Għal iktar tagħrif ara: www.ec.europa.eu/admin-innovators

Il-konferenza WIRE IV qed tlaqqa' flimkien partijiet interessati reġjonali, nazzjonali u Ewropej biex jindirizzaw, jiżviluppaw u jesploraw suġġetti ewlenin ta’ innovazzjoni reġjonali rilevanti għal Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea mifrux fuq seba' snin, li hu mistenni li jibda fl-2014.

http://wire2013.eu/

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website