Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE timponi tariffi provviżorji anti-dumping fuq pannelli solari miċ-Ċina

European Commission - IP/13/501   04/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Ġunju, 2013

L-UE timponi tariffi provviżorji anti-dumping fuq pannelli solari miċ-Ċina

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet l-istqarrija li ġejja:


"Il-Kummissjoni Ewropea llum iddeċidiet li timponi dazji provviżorji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' pannelli solari, ċelloli u wejfers miċ-Ċina.

Din id-deċiżjoni ssegwi investigazzjoni bir-reqqa u serja kif ukoll kuntatti estiżi ma' operaturi fis-suq. Peress li s-suq tal-pannelli solari, u l-importazzjonijiet tagħhom, fl-UE huwa kbira ħafna, huwa importanti li dan id-dazju ma jħarbtux. Għalhekk, se jkun hemm approċċ maqsum f'fażijiet, u se jkun hemm dazju stabbilit ta' 11.8% sas-6 ta' Awwissu 2013. Minn Awwissu 'l quddiem, id-dazju jiġi ffissat fil-livell ta' 47.6%, li huwa l-livell meħtieġ biex jitneħħa d-dannu kkawżat lill-industrija Ewropea mid-dumping.

Il-Kummissjoni Ewropea tisħaq li hija dejjem lesta tkompli diskussjonijiet ma' esportaturi Ċiniżi u mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża sabiex tinstab soluzzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku dwar l-anti-dumping sabiex id-dazji proviżorji jkunu jistgħu jiġu sospiżi u tinkiseb soluzzjoni negozjata.

Il-Kummissjoni Ewropea terġa' tisħaq li hija dejjem lesta li fil-ġimgħat li ġejjin issib data miftehma mal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u ċ-Ċina biex jiġi diskuss f'atmosfera kostruttiva dak kollu li jolqot ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħna f'konformità mal-impenji komuni tagħna fid-WTO u fl-ispirtu tat-tisħib strateġiku tagħna."

L-Isfond

Id-deċiżjoni saret wara investigazzjoni ta' disa' xhur, imnedija f'Settembru 2012 (MEMO/12/647), li matulha l-Kummissjoni sabet li kumpaniji Ċiniżi qed ibiegħu pannelli solari lill-Ewropa b'valur ferm anqas minn dak normali tas-suq, ħaġa li tikkawża dannu sinifikanti għall-produtturi Ewropew tal-pannelli solari. Il-valur ġust ta' pannell solari Ċiniż mibjugħ lejn l-Ewropa għandu jkun 88% ogħla mill-prezz li bih jinbiegħ. Il-prodotti Ċiniżi li jiġu esportati bid-dumping jeżerċitaw pressjoni mhux mistħoqqha fuq il-prezz fis-suq tal-UE, ħaġa li kellha effett negattiv sinifikanti fuq il-prestazzjoni finanzjarja u operattiva tal-produtturi Ewropej.

Id-dazji se jiġu imposti f'żewġ stadji, li jibdew minn 11.8% fl-ewwel xahrejn u wara segwiti minn 47.6% għall-erba' xhur li jiġu wara biex tittaffa l-ħsara li qed issir lill-industrija Ewropea minn din il-prassi kummerċjali inġusta, id-dumping. B'kollox, dan id-dazju provviżorju se jdum fis-seħħ mhux aktar minn sitt xhur. Id-dazji provviżorji huma ferm anqas mir-rata ta' 88% li biha qed isir id-dumping tal-pannelli, peress li l-UE tapplika l-hekk insejħa "regola tal-anqas dazju", u timponi biss il-livell tad-dazju li jkun suffiċjenti biex terġa' tiġi stabbilita sitwazzjoni ekwa għal kulħadd. Id-dazju provviżorju, barra milli jerġa' joħloq sitwazzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, se jiżgura li jkompli l-iżvilupp ta' settur innovattiv fl-enerġija ekoloġika fl-UE.

Il-Kummissjoni sejra issa tkompli bl-investigazzjoni tagħha u tisma' l-veduti tal-partijiet kollha interessati. Hija għadha lesta biex tintensifika t-taħdidiet maċ-Ċina biex issib soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti permezz ta' negozjati. Mhux aktar tard mill-5 ta' Diċermbru, l-UE se jkollha tiddeċiedi jekk għandhomx jiġu imposti dazji anti-dumping definittivi għal perjodu ta' ħames snin.

Dwar is-suq tal-pannelli solari

Bħalissa, kumpaniji tal-UE innovattivi ħafna jinsabu qed iħabbtu wiċċhom mal-periklu imminenti li jfallu minħabba kompetizzjoni inġusta minn esportaturi Ċiniżi, li akkwistaw aktar minn 80% tas-suq tal-UE u li l-kapaċità ta' produzzjoni tagħhom bħalissa tammonta għal 150% tal-konsum globali. Fl-2012, il-kapaċità eċċessiva taċ-Ċina kienet ta' kważi d-doppju tad-domanda totali tal-UE. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tindika li l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji mhux biss tħares il-25,000 impjieg fil-produzzjoni solari fl-UE, iżda wkoll toħloq impjiegi ġodda fis-settur.

F'perjodu qasir, xi impiegi jistgħu jintilfu fost kumpaniji li jistallaw il-pannelli solari. Madankollu, hekk kif titjieb is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-UE, u hekk kif tiżdied l-importazzjoni minn pajjiżi oħra, dawn l-impjiegi jerġgħu jinħolqu. Kwalunkwe telf ta' impjiegi li jista' jkun hemm ikun sostanzjalment anqas mill-25,000 impjieg fl-industrija tal-produzzjoni solari fl-UE li jista' jkun jintilfu għal dejjem jekk ma jiġux imposti l-miżuri.

Id-deċiżjoni tal-lum għandha wkoll tikkontribwixxi biex tinħoloq sitwazzjoni ekwa għall-industrija tal-enerġija rinnovabbli Ewropea, li hija essenzjali biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-UE fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli. Il-kummerċ inġust fil-pannelli solari ma jgħinx l-ambjent u mhux kumpatibbli ma' industrija solari globali b'saħħitha. Il-Kummissjoni temmen li suq li jaffaċċa importazzjoni bid-dumping se jwassal biex il-produtturi lokali jħallu s-suq u jiskuraġġixxi lill-produtturi tal-UE milli jiżviluppaw teknoloġiji tal-aqwa kwalità fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

Dwar l-investigazzjoni

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni evalwat il-livell ta' dazju meħtieġ biex jiġu bbilanċjati l-effetti dannużi tad-dumping. Dan ifisser li l-livell tad-dazju qatt ma hu punittiv min-natura tiegħu: ġie ffissat fl-aktar livell baxx strettament neċessarju sabiex tinkiseb mill-ġdid sitwazzjoni ekwa għall-industrija tal-UE kkonċernata. Permezz ta' applikazzjoni sistematika tar-"regola ta' anqas dazju", l-UE qed tmur lil hinn mill-obbligi tagħha tad-WTO. Dan hu f'kuntrast ma' dak li jagħmlu membri oħra tad-WTO, bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti, li dejjem japplikaw id-dumping kollu li jiskopru.

L-interess tal-partijiet ikkonċernati ġie evalwat bir-reqqa fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil diversi partijiet interessati, bħalma huma l-produtturi li jesportaw, lill-produtturi tal-Unjoni, lill-importaturi, lill-operaturi upstream u downstream, u lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom.

Bħalma għamlet f'kull investigazzjoni, il-Kummissjoni għamlet dak li jissejjaħ "it-test fl-interess tal-Unjoni". L-UE huwa l-uniku membru tad-WTO li sistematikament jagħmel dawn it-testijiet. Il-Kummissjoni b'mod provviżorju kkunsidrat li kwalunkwe effetti negattivi potenzjali tal-miżuri jkunu kontrabilanċjati mill-kisbiet ekonomiċi għall-produtturi tal-Unjoni.

L-investigazzjoni se titkompla u fi żmien 15-il xahar wara l-inizjazzjoni jkunu jridu jiġu imposti miżuri definittivi, jekk ikun il-każ, jiġifieri sal-5 ta' Diċembru 2013. B'mod parallel, il-Kummissjoni hija miftuħa għal diskussjoni dwar forom alternattivi ta' miżuri li jkunu ekwivalenti għas-47% tad-dazju. Kemm il-liġi tad-WTO kif ukoll dik tal-UE joffru din il-possibilità fil-forma ta' garanzija fuq il-prezz - impenn biex ma jbigħux b'orħos minn prezz miftiehem.

Bħalissa għaddejja investigazzjoni parallela dwar is-sussidju fuq l-istess prodott, wara lment li għamel l-istess ilmentatur. Din ġiet inizjalata fit-8 ta' Novembru 2012. Jekk ikun il-każ, għandhom jiġu imposti miżuri kontra s-sussidji sas-7 ta' Awwissu 2013. Id-deċiżjoni dwar miżuri definittivi ta' kontra s-sussidji tkun trid tittieħed sa Diċembru 2013 (MEMO/12/844).

Għal aktar tagħrif

MEMO/13/499: Rimarki mill-Kummissarju tal-Kummerċ tal-UE Karek De Gucht dwar id-deċiżjoni

MEMO/13/497: Memo

MEMO/13/498: Mistoqsijiet u tweġibiet dwar id-deċiżjoni tal-UE li timponi tariffi provviżorji ta' anti-dumping fuq pannelli solari Ċiniżi

Pubblikazzjoni tar-Regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:152:0005:0047:mt:PDF

MEMO/12/647: L-UE tinizjala investigazzjoni ta' anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' pannelli solari miċ-Ċina, is-6 ta' Settembru 2012.

Aktar dokumenti dwar l-investigazzjoni tal-UE dwar anti-dumping fuq l-importazzjoni ta' pannelli solari miċ-Ċina.

http://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?ref=ong&id=1895&sta=21&en=31&page=2&c_order=date&c_order_dir=Down

Aktar dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/countries/china/

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-proċedura tal-anti-dumping

http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/anti-dumping/

Kuntatti:

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Helene Banner (+32 2 295 24 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website