Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Latvja hija lesta biex tadotta l-euro fl-2014

European Commission - IP/13/500   05/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2013

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Latvja hija lesta biex tadotta l-euro fl-2014

Illum, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika ir-Rapport tagħha ta' Konverġenza tal-2013 dwar il-Latvja, flimkien ma' sommarju taċ-ċittadini li jispjega fil-qasir ir-rapport u r-raġunament warajh. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Latvja kisbet livell għoli ta' konverġenza ekonomika sostenibbli maż-żona tal-euro u tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi dwar l-adozzjoni tal-euro mil-Latvja mill-1 ta' Jannar 2014.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro qal, “L-esperjenza tal-Latvja turi li pajjiż jista' jelgħeb b'suċċess l-iżbilanċi makroekonomiċi, minkejja li huma severi, u joħroġ aktar b'saħħitu. Wara r-reċessjoni qawwija ta' bejn l-2008 u l-2009, il-Latvja ħadet azzjoni politika deċiżiva, appoġġata mill-programm ta' għajnuna finanzjarja mmexxi mill-UE u mill-FMI, li tejbet il-kapaċità ta' flessibbiltà u aġġustament tal-ekonomija fil-qafas ġenerali tal-UE għal tkabbir sostenibbli u bbilanċjat. U dan kien ta' suċċess: Huwa mbassar li l-Latvja se tkun l-ekonomija li qed tikber bir-rata l-aktar magħġġla din is-sena fl-UE."

Huwa żied jgħid: "Ix-xewqa tal-Latvja li tadotta l-euro huwa sinjal ta' fiduċja fil-munita komuni tagħna u prova oħra li dawk li ħabbru d-diżentegrazzjoni taż-żona tal-euro kienu żbaljati.”

Ir-Rapport ta' Konverġenza jikkonkludi valutazzjoni pożittiva tar-rendiment ekonomiku tal-Latvja meta mqabbla mal-kriterju ta' konverġenza stabbilit fit-Trattat tal-UE kif ġej:

L-inflazzjoni

Ir-rata tal-inflazzjoni medja fil-Latvja fuq it-12-il xahar sa April 2013 kienet 1.3%, taħt il-valur ta' referenza ta' 2.7%, u x'aktarx għandha tibqa' taħt il-valur ta' referenza tul ix-xhur li ġejjin. Filwaqt li fatturi fuq perjodu qasir (speċjalment it-tnaqqis tal-VAT f'Lulju li għadda) ikkontribwixxew għal-livell tal-inflazzjoni, li bħalissa huwa partikolarment baxx, l-analiżi ta' fatturi bażiċi u l-fatt li l-valur ta' referenza ġie ssodisfat b'marġini wiesgħa jsosstnu valutazzjoni pożittiva li l-Latvja ssodisfat il-kriterju ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Il-Latvja teħtieġ li tibqa' viġilanti biex iżżomm l-inflazzjoni f'livell baxx, inkluż billi żżomm politika fiskali prudenti u żżomm id-domanda domestika fuq linja sostenibbli.

Finanzi pubbliċi (defiċit u dejn)

Id-defiċit tal-gvern ġenerali meta mqabbel mal-proporzjon tal-PDG laħaq 8.1% fl-2010, iżda naqas għal 1.2% fl-2012 u huwa mbassar li jibqa' 1.2% fl-2013 skont l-aħħar Tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni. Id-dejn tal-gvern ġenerali baqa' 40.7 % tal-PDG fl-2012. Il-Kummissjoni tqis li d-defiċit eċċessiv ġie kkoreġut b'mod kredibbli u sostenibbli u rrakkomandat li l-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-UE (ECOFIN) jagħlaq il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għal-Latvja (ara MEMO/13/463). Jekk dan isir, il-Latvja tissodisfa l-kriterju dwar is-sitwazzjoni baġitarja tal-Gvern.

Rati ta' interess

Ir-rata medja tal-imgħax tal-Latvja għal perjodu twil fis-sena sa April 2013 kienet ta' 3.8%, taħt il-valur ta' referenza ta' 5.5%. Il-firxiet meta mqabbla mal-bonds ta' punt ta' referenza għal perjodu twil taż-żona tal-euro kienu qed jonqsu b'mod sinifikanti sa mill-2010, li jirrifletti il-fiduċja tas-suq fil-Latvja.

Rata tal-kambju

Il-lats Latvjan pparteċipa fil-Mekkaniżmu tar-Rati tal-Kambju (ERM II) sa mit-2 ta' Mejju 2005, li huwa konsiderabbilment aktar mill-minimu ta' sentejn. Meta daħal fl-ERM II, l-awtoritajiet Latvjani impenjaw ruħhom biex iżommu l-lats f'marġni ta' varjazzjoni ta' ± 1% madwar ir-rata ċentrali. Matul is-sentejn ta' qabel din il-valutazzjoni, ir-rata tal-kambju tal-lats ma ċċaqalqitx mir-rata ċentrali tagħha b’aktar minn ± 1 % u l-lats ma esperjenzax tensjonijiet.

Ġew eżaminati wkoll fatturi oħrajn, inklużi l-iżviluppi fil-bilanċ tal-pagamenti u l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u dak finanzjarju. Il-bilanċ estern tal-Latvja aġġusta b'mod sinifikanti matul il-kriżi, sostnut ukoll mit-titjib fil-kompettittività esterna tiegħu. L-ekonomija tal-Latvja hija integrata tajjeb ħafna fl-ekonomija tal-UE permezz ta' rabtiet bejn is-suq kummerċjali u tax-xogħol, u tattira livelli mdaqqsa ta' investiment dirett barrani. L-integrazzjoni tas-settur finanzjarju domestiku fis-sistema finanzjarja tal-UE hija sostanzjali, prinċipalment bis-saħħa tal-livell għoli ta' sidien barranin tas-sistema bankarja.

Fl-aħħar, il-leġiżlazzjoni tal-Latvja fil-qasam monetarju hija kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-EU.

Din il-valutazzjoni hija finalizzata mir-rapport ta' konvenġernza proprju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li ġie ppubblikat illum ukoll.

Kuntest

Matul il-kriżi kollha, il-Latvja rnexxielha tamministra proċess diffiċli ta' aġġustament makro ekonomiku. L-implimentazzjoni ddeterminata tal-programm ta' għajnuna finanzjarja mmexxi mill-UE u mill-FMI għen lill-pajjiż biex joħroġ mir-reċessjoni qawwija u biex jirritorna għal tkabbir ekonomiku.

Skont it-Trattat tal-UE, il-Kummissjoni u l-BĊE jirrapportaw kull sentejn jew wara talba mill-Istat Membru b'deroga dwar is-suġġett. Fil-5 ta' Marzu ta' din is-sena, il-Latvja saqsiet formalment lill-Kummissjoni biex twettaq rapport ta' konverġenza straordinarju bil-għan li tingħaqad mal-euro mill-1 ta' Frar 2014.

Il-kundizzjonijiet tal-adozzjoni tal-euro jikkonsistu minn erba' kriterji ekonomiċi orjentati dwar l-istabbiltà rigward il-pożizzjoni baġittarja tal-gvern, l-istabbiltà tal-prezz, l-istabbiltà tar-rata tal-kambju u l-konverġenza ta' rati ta' mgħax għal perjodu twil li jeħtieġu li jiġu sodisfatti b'mod sostenibbli. Il-leġislazzjoni nazzjonali dwar l-affarijiet monetarji għandha tkun ukoll skont it-Trattat tal-UE.

Skont it-Trattat, għandhom jitqiesu wkoll fatturi addizzjonali fil-valutazzjoni (bilanċ tal-pagamenti, integrazzjoni tas-suq) bħala indikaturi li l-integrazzjoni tal-Istat Membru fiż-żona tal-euro se tibqa' għaddejja 'l quddiem mingħajr problemi u biex twessa' l-viżjoni fuq is-sostennibbiltà tal-konverġenza.

F'Lulju l-Kunsill tal-ECOFIN jieħu d-deċiżjoni aħħarija dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja, wara li l-Parlament Ewropew ikun ta l-opinjoni tiegħu, il-Ministri tal-Finanzi jkunu taw rakkomandazzjoni u l-mexxejja tal-UE jkunu ddiskutew is-suġġett fil-laqgħa tas-27-28 ta' Ġunju tal-Kunsill Ewropew.

Il-proċedura se titlesta kollha ladarba l-Kunsill tal-Ministri, li jaġixxu b'unaminità tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u tal-Latvja, ikun stabbilixxa irrevokabbilment ir-rata tal-kambju tal-lats għall-euro.

Għal aktar tagħrif:

Il-valutazzjoni tista' tiġi kkonsultata fid-dokument "Rapport ta' Konverġenza tal-2013 dwar il-Latvja", li jinsab fuq l-internet hawn:

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/convergence_reports/index_en.htm

Is-sommarju taċ-ċittadini jinsab f':

http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2013/ee3_en.htm

MEMO 13/495

Ir-Rapport ta' Konverġenza tal-BĊE:

www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2013/html/pr130605.en.html

Kuntatti :

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website