Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Tibda l-Ġimgħa favur l-Ambjent fi Brussell

European Commission - IP/13/498   04/06/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2013

L-Ambjent: Tibda l-Ġimgħa favur l-Ambjent fi Brussell

Illum tibda l-akbar konferenza ambjentali fl-Ewropa bit-tema “Arja iktar nadifa għal kulħadd”. L-edizzjoni tal-Ġimgħa favur l-Ambjent ta' din is-sena hija ddedikata lill-arja. Madwar 3000 parteċipant huma mistennija li jiltaqgħu għal tliet ijiem biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-arja. Il-partijiet interessati, l-NGOs, ir-rappreżentanti tal-gvern u l-uffiċjali tal-UE se jippruvaw isibu soluzzjonijiet għat-tniġġis tal-arja, bħal kif jistgħu jħarsu l-kwalità tal-arja fi sfond ta’ żieda fil-produzzjoni industrijali u tal-enerġija, iż-żieda fit-traffiku tat-triq u l-urbanizzazzjoni, il-ħruq ta' fjuwils fossili, u t-tibdil fil-klima. Is-sessjonijiet kollha huma strijmjati lajv fuq l-internet.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “It-tniġġis tal-arja huwa spiss inviżibbli, iżda l-effetti tiegħu huma reali ħafna. Meta l-kwalità tal-arja tkun batuta npattu għaliha qares: ċittadini jitilfu ħajjithom, l-ispejjeż mediċi jkunu għoljin, u ħafna ġranet tax-xogħol jintilfu minħabba mard. Il-Ġimgħa favur l-Ambjent tipprovdi pjattaforma importanti fejn min ifassal il-politika, rappreżentanti minn komunitajiet lokali u NGOs, awtoritajiet pubbliċi u negozji jistgħu jiskambjaw ideat dwar kif l-arja li nibilgħu tista' tittejjeb. Qegħdin b’mod kontinwu nilqgħu suġġerimenti dwar kif il-leġiżlazzjoni attwali tagħna tista' tittejjeb.”

L-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji se juru l-aqwa prassi f’esebizzjoni b'40 stand, u bosta avvenimenti sekondarji jinkludu wirja fuq barra ta’ vetturi li jieħdu fjuwils alternattivi u provi tas-sewqan ta’ karozzi elettriċi. Il-ġimgħa tinkludi wkoll iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni għall-Best LIFE Nature u l-Best LIFE Environment.

Il-Kummissarju ddikjara l-2013 bħala s-Sena tal-Arja, u matul is-sena l-politika attwali tal-Kummissjoni dwar l-arja qed tiġi riveduta, b'enfasi biex jinsabu modi ġodda biex il-kwalità tal-arja li nibilgħu tittejjeb. Minkejja l-progress tajjeb li sar fl-aħħar snin, diversi standards marbutin mal-kwalità tal-arja fl-aktar żoni popolati tal-UE għadhom jinqabżu bil-kbir, speċjalment minħabba sustanzi niġġiesa bħall-materja partikulata, l-ożonu troposferiku u d-diossidu tan-nitroġenu.

Fil-ħarifa, ir-reviżjoni se twassal għal strateġija riveduta għall-politika tal-UE dwar l-arja, inklużi għanijiet ġodda jew ikkonfermati għall-2020 u lil hinn minnha, flimkien ma’ lista ta’ inizjattivi ewlenin u l-istrumenti biex jintlaħqu.

Sfond

It-13-il edizzjoni tal-Ġimgħa favur l-Ambjent, l-akbar konferenza annwali dwar il-politika ambjentali Ewropea, se ssir mill-4 sas-7 ta’ Ġunju 2013 f'The Egg, 175, Triq Bara, Brussell. Fost il-kelliema ewlenin hemm:

• Janez Potočnik, il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent

• Marcin Korolec, il-Ministru tal-Ambjent, ir-Repubblika tal-Polonja

• Satu Hassi, MEP (Membru tal-Parlament Ewropew)

• Sirpa Pietikäinen, MEP u l-President ta' GLOBE.EU

• Catherine Stihler, MEP & Membru tal-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO)

• BAS Eickhout, MEP

• Cor Lamers, is-Sindku ta’ Schiedam (NL) u Membru tal-KtR

• Maurizio Conte, il-Ministru Reġjonali għall-Ambjent, ir-Reġjun ta' Veneto (IT)

• Assumpta Ferran i Poca, id-Direttur Ġenerali għall-Kwalità Ambjentali, il-Ministeru għat-Territorju u s-Sostenibbiltà, il-Katalunja (ES)

• Per Ankersjo, il-Viċi Sindku għall-Ambjent Urban, il-Belt ta’ Stokkolma

• Martha Delgado Peralta, il-Viċi President tal-ICLEI u l-Ex-Segretarju tal-ambjent għall-Belt tal-Messiku

• Ugo Cappellacci, il-President tar-Reġjun ta’ Sardinja

• Giuseppe Bortone, id-Direttur Ġenerali għall-Ambjent u l-Ħarsien tal-Ħamrija, ir-Reġjun Emilia-Romagna (IT)

• Claudia Terzi, il-Ministru Reġjonali għall-Ambjent, l-Enerġija & l-Iżvilupp Sostenibbli, il-Lombardija (IT)

• Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

• Simon Upton, id-Direttur tal-Ambjent, l-OECD

• Arab Hoballah, il-Kap, Konsum u Produzzjoni Sostenibbli, l-UNEP

• Johan Kuylenstierna, id-Direttur Eżekuttiv, l-Istitut għall-Ambent ta' Stokkolma

Għal aktar tagħrif:

Biex tara l-programm tal-Ġimgħa favur l-Ambjent 2013 u ssegwi t-trażmissjoni diretta tal-attivitajiet, żur: http://greenweek2013.eu

Għal aktar tagħrif dwar il-politika Ewropea dwar l-arja ara:

http://ec.europa.eu/environment/consultations_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website