Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2013

Indukrar tat-tfal: Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar

Il-Kummissjoni Ewropea f’rapport ippubblikat illum qalet li l-Istati Membri se jkollhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-għoti tas-servizz tal-indukrar tat-tfal jekk l-UE għandha tilħaq il-mira tagħha ta’ rata ta’ impjiegi ta’ 75 % sal-2020. Mir-rapport ta’ progress jirriżulta li huma biss tmienja l-pajjiżi li laħqu ż-żewġ miri miftehma fil-livell tal-UE għad-disponibbiltà u l-aċċessibilità tas-servizzi tal-kura tat-tfal (ara l-Anness). L-hekk imsejħa “miri ta’ Barċellona”, li ntlaħaq qbil dwarhom mill-mexxejja tal-UE fl-2002, jgħidu li għandu jiġi pprovdut indukrar tat-tfal għal 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorjau għal 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin. Sadanittant, studju ġdid li ġie ppubblikat illum mill-Kummissjoni jitfa’ dawl fuq il-fenomenu ta' 'id-differenza fil-pensjoni bejn l-irġiel u n-nisa, li juri li bħala medja madwar l-UE, il-pensjonijiet tan-nisa huma 39 % inqas minn dawk tal-irġiel.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza qalet: "Kull ġenitur jaf tajjeb kemm l-indukrar tat-tfal li ma jkunx għali u jkun aċċessibbli hu kruċjali mhux biss għall-iżvilupp tat-tfal imma wkoll għall-ġenituri li jaħdmu. Madankollu, sa sissa, anqs minn 1 minn 3 Stati Membri irnexxielhom jilħqu l-miri tagħhom stess rigward l-indukrar tat-tfal." L-Istati Membri jridu jmiddu għonqhom għax-xogħol jekk iridu jilħqu l-mira ta' impjiegi ta' 75 % li daħlu għaliha. Is-servizz tal-indukrar tat-tfal ma għandux jitqies bħala spiża, imma bħala investiment fil-ġejjieni."

Iċ-ċifri għall-2010 juru li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE ma laħqux il-miri tagħhom stess għall-għoti tas-servizz tal-indokrar tat-tfal: tmienja biss kienu kapaċi jilħqu l-miri għaż-żewġ kategoriji tal-età (0-3 snin; 3 snin sal-età obbligatorja tal-iskola): Il-Belġju, id-Danimarka, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja, is-Slovenja u r-Renju Unit. Għaxar Stati Membri biss laħqu l-ewwel kategorija fil-mira (0-3 snin) u 11 it-tieni kategorija fil-mira (3 snin sal-età obbligatorja tal-iskola) (ara l-Anness).

Sadanittant, dejta li għadha kif ħarġet għall-2011 turi tnaqqis fil-forniment tas-servizz tal-indokrar tat-tfal għal tfal ta’ età ikbar, jiġifieri xi pajjiżi li laħqu l-mira fl-2010 issa waqgħu lura mil-limitu ta’ 90 % (Spanja, l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Irlanda).

Politiki għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata — b’mod partikolari servizzi tal-indokrar tat-tfal — huma fattur ewlieni biex jiġu promossi l-impjiegi tan-nisa. Il-miri tal-UE dwar l-impjiegi u t-titjib tal-istrateġija ekonomika ġenerali jiddependu fuq numru akbar ta' nisa li jaħdmu. Din hi r-raġuni għalies fid-29 ta' Mejju, il-Kummissjoni pproponiet rakkomandazzjoijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Kunsill skont it-tielet Semestru Ewropew għall-2013 (ara IP/13/463). Ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet lill-11-il Stat Membru1 dwar l-impjiegi tan-nisa, id-disponibbiltà/il-kwalità tas-servizzi tal-indokrar tat-tfal u/jew postijiet tal-iskola għal ġurnata sħiħa u fuq servizzi tal-indokrar.

Studju ġdid dwar id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa

Illum il-Kummissjoni ppubblikat ukoll studju ġdid tal-esperti dwar id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa fl-Ewropa — l-ewwel studju ta’ dan it-tip. L-istudju juri li l-effetti ta’ tnaqqis fir-rati tal-impjiegi fost in-nisa jinħassu wkoll fl-età tal-irtirar tagħhom: in-nisa jirċievu medja ta' pensjonijiet li huma 39 % anqas meta mqabbla mal-medja tal-irġiel. Id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa hi riżultat ta' tliet xejriet fis-suq tax-xogħol: (1) hu anqas probabbli għan-nisa li jkunu għadhom jaħdmu mill-irġiel; (2) huma jaħdmu għal numru anqas ta' sigħat u/jew snin; u (3) jirċievu pagi aktar baxxi bħala medja. Is-sistemi tal-pensjonijiet mhumiex sempliċiment riflessjonijiet newtrali tal-istejjer imgħoddija tax-xogħol: il-pensjonijiet jistgħu jitnaqqsu, jirriproduċu jew saħansitra jsaħħu l-inugwaljanzi bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u fid-diviżjoni tar-responsabbiltajiet tal-indokrar bejn l-irġiel u n-nisa.

Indikatur ġdid għall-ugwaljanza bejn is-sessi, "Id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa" jgħin biex issir stima tad-daqs tal-inugwaljanza bejn is-sessi matul ħajjet in-nies. Is-sitwazzjoni hija differenti ħafna madwar l-UE (ara l-Anness). F'numru kbir ta' Stati Membri qed jinsabu differenzi wisgħin bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa: 17 għandhom differenzi fil-pensjoni ta' 30 % jew aktar. L-akbar żewġ differenzi bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa jinsabu fil-Lussemburgu (47 %) u l-Ġermanja (44 %). Fl-estrem l-ieħor, l-Estonja għandha l-inqas differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa (4 %), segwita mis-Slovakkja (8 %).

Il-fatt li mara tkun miżżewġa jew tkun omm iżid id-differenzi bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa. Id-differenzi huma iżgħar għal nisa mhux miżżewġin, għalkemm xorta jibqgħu kbar (17 %). Id-dejta turi wkoll kemm hu ċar l-"iżvantaġġ tal-ommijiet": li jkollok it-tfal iwassal għal żvantaġġi fil-pensjoni għan-nisa fi kważi l-Istati Membri kollha. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-"iżvantaġġ li jkollok it-tfal" jiżdied man-numru tat-tfal (ara l-Anness).

Sfond

Fl-2002, il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi tal-UE, qablu fil- konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona li:

L-Istati Membri għandhom “ineħħu x-xkiel għas-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u, b’kunsiderazzjoni għat-talba u skont is-sistemi nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward, jagħmlu sforz sabiex, minn issa sal-2010 jistabbilixxu faċilitajiet ta’ kura għal mill-inqas 90 % tat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33 % tat-tfal ta’ inqas minn tliet snin”.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, dawn ġew magħrufa bħala l-“miri ta’ Barċellona” għall-faċilitajiet tal-indokrar tat-tfal u l-kisba tagħhom kienet fil-qalba tal- politiki għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, dik privata u dik tal-familja fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri.

Il-faċilitajiet għall-indokrar tat-tfal kienu wkoll prijorità fl-istrateġiji tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li l-appoġġ finanzjarju tal-UE ġie pprovdut bil-Fondi Strutturali (b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew).

Għalkemm sar xi progress mill-2002 u minkejja l-impenji tal-Istati Membri, il-forniment tas-servizzi tal-indokrar tat-tfal fl-UE fl-2010 għadu mhux konformi ma’ dawn il-miri.

Għal aktar informazzjoni:

EU Childcare report:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/documents/130531_barcelona_en.pdf

Study on the Gender Gap in Pensions:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/documents/130530_pensions_en.pdf

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Ugwaljanza bejn is-sessi:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding (EN, FR, DE)

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS :

Tabella 1 – Il-persentaġġ tat-tfal taħt it-3 snin indukrati fi strutturi formali (u, għall-informazzjoni, b’kemm iqattgħu ħin fil-ġimgħa indukrati) 2010-11

Ċifra 2 – Il-Persentaġġ tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatrorja tal-iskola indukrati fi strutturi formali (u, għall-informazzjoni, b’kemm iqattgħu ħin fil-ġimgħa indukrati) 2010-11

Ċifra 3: Differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa (%), pensjonanti ta’ ‘l fuq minn 65 sena

Ċifra 4: Id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa tan-nisa skont in-numru ta' tfal vis-à-vis l-irġiel

1 :

L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website