Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2013

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol: Il-Kummissjoni tvara konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas politiku tal-UE tal-futur

Il-Kummissjoni Ewropea varat konsultazzjoni pubblika biex tiġbor ideat u suġġerimenti mill-pubbliku wara r-riżultati tal-Evalwazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2007-2012. Din għandha tgħin tidentifika sfidi ta' issa u tal-futur fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jkunu identifikati soluzzjonijiet li jindirizzaw dawn l-isfidi. Iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet kollha huma mistiedna jikkontribwixxu għal din il-konsultazzjoni, li se tkun miftuħa mill-31 ta’ Mejju sas-26 ta’ Awwissu 2013. Il-kontribuzzjonijiet minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-impjegati u dawk li jħaddmu u partijiet interessati u esperti li għandhom interess fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol huma partikolarment mistennija.

László Andor, il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: “L-aċċidenti fuq ix-xogħol huma storikament f’livell baxx u l-istandards ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea huma referenza għall-bqija tad-dinja. L-investiment fis-sigurtà okkupazzjonali jagħti l-frott f’termini ta’ produttività u benessri tal-istaff aħjar, anqas assenteiżmu u riżenji tal-istaff u sodisfazzjon akbar tax-xogħol, speċjalment fiż-żmien tal-kriżi. Madankollu, dan il-qasam ta’ politika wkoll qed jiffaċċja sfidi u għandna bżonn li flimkien insibu soluzzjonijiet li jindirizzaw dawn l-isfidi”.

Bħala bażi għall-konsultazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol tal-2007-2012.

Il-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni jikkonfermaw l-importanza tad-dimensjoni Ewropea tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tax-xejra pożittiva ta’ tnaqqis ta’ aċċidenti okkupazzjonali u tar-rwol tal-istrateġija tal-UE fil-koordinament tal-isforzi u l-ħolqien ta' qafas komuni għall-azzjoni.

Għad hemm aktar xi jrid isir fil-futur, b’mod partikolari, biex tittejjeb l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol fl-SMEs u l-mikrointrapriżi, biex ikunu żviluppati monitoraġġ u mezzi ta' ġbir ta' evidenza aktar preċiżi, biex isir fokus aħjar fuq ir-riskji u l-mard li jitfaċċaw fuq il-post tax-xogħol u biex jiġu ttrattati b’mod effettiv il-problemi tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol marbuta mal-anzjanità ta' dawk li jaħdmu.

Kuntest

Mill-2002, l-UE wettqet ir-rwol politiku tagħha fil-qasam tas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol permezz ta’ strateġiji multiannwali, formalment approvati mill-Kummissjoni wara konsultazzjonijiet, u implimentati b'mod volontarju mill-Istati Membri u l-partijiet interessati.

S’issa ġew adottati żewġ strateġiji dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ewwel waħda fl-2002, li kopriet il-perjodu sal-2006 u t-tieni waħda fl-2007 li kopriet il-perjodu sal-2012.

L-Istrateġija tal-2007-2012 iffissat mira ambizzjuża għall-Istati Membri kollha: li jnaqqsu l-aċċidenti fuq ix-xogħol b’25 %. Barra minn hekk, ġew identifikati għadd ta’ għanijiet speċifiċi, bħal:

  • titjib u implimentazzjoni aħjar tal-qafas regolatorju tal-UE dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol

  • l-addattament tal-qafas għall-bidliet fil-post tax-xogħol

  • l-iżvilupp ta' strateġiji nazzjonali koerenti aġġustati skont il-kuntest speċifiku ta' kull Stat Membru u

    it-tħeġġiġ ta' bidla fl-imġiba u l-promozzjoni ta’ mentalità ta’ prevenzjoni li jindirizzaw il-partijiet kollha tas-soċjetà.

F'April 2011, il-Kummissjoni ppubbikat ħarsa ġenerali ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija tal-2007-2012. L-evalwazzjoni finali issa tinsab onlajn. Din kienet ibbażata fuq proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mwettqa fost il-partijiet ewlenin kollha interessati f'dan il-qasam: l-awtoritajiet pubbliċi dwar is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali fl-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-impjegati u lil dawk li jħaddmu fil-livelli tal-UE u nazzjonali, esperti u partijiet interessati oħra f’dan il-qasam.

Aktar informazzjoni

Konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas politiku ġdid tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Evalwazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2007-2012

Is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol

Il-websajt ta' László Andor

Segwi lil László Andor fuq Twitter Twitter

Abbona mingħajr ħlas fil-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet socjali u l-inkluzjoni bil-posta elettronika tal-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Cécile Dubois (+32 2 295 18 83)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website