Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Mejju 2013

Il-Kummissarju Damanaki tilqa’ l-ftehim dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, laqgħet il-ftehim dwar politika ġdida u riformata tas-sajd għall-UE milħuq bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.

Il-ftehim huwa l-quċċata ta’ proċess wiesa’ li beda bi proċess twil ta’ konsultazzjonijiet li min-naħa tiegħu wassal għal pakkett ambizzjuż ta’ proposti ta' riforma fl-2011 mill-Kummissjoni Ewropea. Il-ftehim milħuq issa ġie wara serje ta’ taħditiet bejn il-Presidenza Irlandiża, immexxija mill-Ministru tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Affarijiet Marittimi, Simon Coveney, u l-Parlament Ewropew, bil-Kummissjoni taġixxi bħala faċilitatur. L-aħħar kwistjonijiet li baqa' x'jiġu solvuti huma marbuta mal-erba' kwistjonijiet ewlenin tal-għan tal-Rendiment Massimu Sostenibbli, il-projbizzjoni tal-ħut skartat, ir-reġjonalizzazzjoni u l-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta.

Il-Kummissarju Damanaki qalet: “Dan huwa pass storiku għal dawk kollha involuti fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura. Aħna se nbiddlu l-mod kif nistadu b'mod radilkali fil-futur.

  1. 1. Aħna qed inwittu t-triq għal futur sostenibbli għas-sajjieda u l-industrija tagħna.

Aħna se nagħmlu dan billi nġibu l-istokkijiet tal-ħut 'il fuq mil-livelli sostenibbli. Billi nalinjaw l-opportunitajiet tas-sajd tagħna mal-parir xjentifiku. Billi nwaqqfu r-rimi tal-ħut, billi nieqfu naqbdu l-ħut u narmuh mejjet lura fil-baħar u billi nwaqqfu prattiki kollha l-oħra ta' ħela.

  1. 2. Barra minn hekk, se napplikaw l-istess prinċipji meta nkun qed nistadu f'ibħra mhux tagħna. Aħna se nrrispettaw bis-sħiħ il-liġi u l-impenji tagħna internazzjonali.

  2. 3. Aħna se nieqfu nieħdu d-deċiżjonijiet kollha fi Brussell. Il-mikroġestjoni se tibqa' aktar il-mod kif noperaw. Se mmorru għar-reġjonalizzazzjoni, biex naħdmu flimkien mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati reġjonali biex insibu soluzzjonijiet speċifiċi u mfasslin għal kull problema.

  3. 4. Fl-aħħar nett, se nbiddlu l-politika tas-suq tagħna billi nipprovdu informazzjoni aħjar għall-konsumaturi tagħna sabiex is-sajjieda tagħna jistgħu jakkwistaw il-prezz li jisthoqq il-ħut li jaqbdu.

Ir-riforma fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) hija mutur b’saħħtu għat-tkabbir u l-impjiegi, fi żmien meta l-Ewropa l-aktar teħtieġu.

Ninsab grata ħafna għas-Sinjura Rodust kif ukoll għall-Ministru Coveney għall-impenn u l-isforzi ma jaqtgħux tagħhom għal dan il-ftehim. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew għall-approċċ miftuħ u bbilanċjat tagħhom matul il-proċess kollu tan-negozjar.

Għalija, il-pass li jmiss huwa li tittieħed l-istess attitudni proattiva lejn l-implimentazzjoni tar-riformi, biex ikun żgurat li dawn huma ta' suċċess għall-industrija, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija tal-Ewropa tagħna”.

Sfond

L-għan globali tal-politika riformata tas-sajd huwa li jiġi terminat is-sajd żejjed u biex is-sajd isir ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Ir-riforma tfittex li tistabbilixxi kundizzjonijiet għal futur aħjar kemm għall-ħut kif ukoll għas-sajd, kif ukoll għall-ambjent tal-baħar li jappoġġahom. Il-politika għandha l-għan li treġġa’ l-istokkijiet tal-ħut għal-livelli sostenibbli, billi jittieħed approċċ ibbażat fuq ix-xjenza għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd. Hija għandha l-għan ukoll li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli tas-settur, toħloq opportunitajiet ta’ xogħol fiż-żoni kostali u fl-aħħar mill-aħħar tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE bi provvista b'saħħitha u sostenibbli ta’ ħut.

Ir-riforma tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020 u tifforma parti kruċjali mill-ispinta biex jiġu żgurati politiki aktar koerenti għall-ibħra u ż-żoni kostali tal-UE permezz ta’ ħidma mmirata għal prestazzjoni ekonomika robusta tal-industrija u koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali.

Il-Politika Komuni tas-Sajd tnediet inizjalment fl-1970 mis-sitt membri fundaturi tal-Komunità Ewropea biex din tipprovdi suq komuni tal-ħut. Minn dak iż-żmien din għaddiet minn diversi bidliet iżda l-aħħar riforma ewlenija seħħet fl-2002.

Aktar informazzjoni

Għal dettalji kollha dwar ir-riforma:

http://ec.europa.eu/fisheries/reform/index_mt.htm

MEMO/13/482

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website