Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-31 ta' Mejju 2013

Il-Kummissjoni tniedi Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bniedem

L-Ewropa teħtieġ li taħdem aktar mill-qrib flimkien biex tgħin lill-vittmi tal-jasar tal-lum. Illum, madwar 100 organizzazzjoni Ewropea tas-soċjetà ċivili qed jingħaqdu fil-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bniedem. Il-Pjattaforma Ewropea, stabbilità mill-Kummissjoni Ewropea, se sservi bħala forum għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jaħdmu fil-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali, fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet tat-tfal, tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tad-drittijiet tal-migranti u tax-shelters. Dawk li jieħdu sehem se jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi u ideat konkreti dwar kif huwa l-aħjar li jgħinu lill-vittmi, jespandu in-netwerks tagħhom, u jipprevjenu lil oħrajn milli jispiċċaw vittmi ta' dan ir-reat.

"Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa importanti għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bniedem u għall-ħarsien tal-vittmi tagħha. Professjonisti u volontiera li qed jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' kontra t-traffikar, u direttament mal-vittmi, jistgħu jitgħallmu ħafna minn xulxin u jistgħu jgħinuna niddefinixxu politiċi konkreti biex niġġieldu dan ir-reat ikrah. Il-Pjattaforma se tiżgura li jirċievu l-appoġġ meħtieġ, mill-UE u minn xulxin, u li l-għarfien tagħhom jinfirex madwar l-Ewropa. Nittamaw ukoll li nibbenefikaw mill-għarfien tagħhom biex niżviluppaw aktar politiċi tal-UE," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-Pjattaforma billi torganizza laqgħat regolari għall-parteċipanti, biex jiġbru informazzjoni kruċjali u aġġornata u jieħdu opinjoni dwar l-isfidi ewlenin li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jaffaċċaw fil-post. Laqgħa oħra tal-Pjattaforma hija skedata provviżorjament għall-ħarifa. Il-Kummissjoni qed tara wkoll biex tiffaċilita il-komunikazzjoni permezz tal-internet fi ħdan il-Pjattaforma.

Il-Kummissarju Malmström nediet il-Pjattaforma llum, il-31 ta' Mejju fi Brussell. It-tnedija tal-avveniment, li għandu jitmexxa mill-Koordinatur tal-UE għal Kontra t-Traffikar Myria Vassiliadou, se tinkludi għadd ta' kelliema minn bosta Istituzzjonijiet u Aġenziji tal-UE.

Matul din l-ewwel laqgħa, il-parteċipanti se jirriflettu dwar il-prijorità tal-politika u l-attivitajiet tal-ġejjieni tal-Pjattaforma, fosthom attivitajiet possibbli ta' sensibilizzazzjoni, u mezzi biex jiġu involuti organizzazzjonijiet ibbażati fil-pajjiżi fuq barra l-UE. Se jikkondividu u jiddiskutu wkoll prattiċi tajbin fl-ittrattar tar-reklutaġġ ta' vittmi tat-traffikar u l-indirizzar tal-mistoqsija permezz tal-internet.

Għal-lista sħiħa tal-organizzazzjonijiet li qed jieħdu sehem minn kull pajjiż tal-UE, ara hawn.

Kuntest

Il-ħidma lejn il-qerda tat-traffikar tal-bniedem ma tistax tinkiseb mingħajr kooperazzjoni b'saħħitha madwar l-UE u lil hinn minnha.

Fil-livell tal-UE, id-direttiva tal-UE għal Kontra t-Traffikar tiffoka fuq il-prevenzjoni tar-reat, il-ħarsien tal-vittmi u l-prosekuzzjoni tat-traffikanti. Tkopri azzjonijiet f'oqsma bħad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali, il-prosekuzzjoni tat-trasgressur, l-apppoġġ tal-vittmi, id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-istabbiliment ta' sħubijiet, partikolarment mas-soċjetà ċivili. Id-Direttiva tal-UE tieħu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li huwa speċifiku fuq is-sess u jiffoka fuq il-vittmi u l-aħjar interess tat-tfal. Sa issa, disa' pajjiżi biss trasponew fi sħiħ id-direttiva (ir-Repubblika Ċeka, l-Isvevja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Finlandja) u erba' pajjiżi trasponewha parzjalment (il-Belġju, il-Bulgarija, is-Slovenja u r-Renju Unit).

Meta numru dejjem jikber ta' vittmi qed jiġu identifikati fl-UE (IP/13/322 u MEMO/13/331), l-Istrateġija tal-UE għall-2012(IP/12/619 u MEMO/12/455) tistabbilixxi 40 inizjattiva konkreta, fosthom it-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili. L-istabbiliment ta' Pjattaforma ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE fl-Istati Membri huwa wieħed minn dawn l-azzjonijiet konkreti.

F'Marzu 2013, Il-Kummissjoni stiednet lill-organizzazzjonijiet biex japplikaw għall-parteċipazzjoni fil-Pjattaforma. L-għażla aħħarija indirizzat il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u d-diversità tal-oqsma ta' kompetenza, u l-involviment ta' bħalissa fil-livell tal-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tibqa' taħdem biex twettaq l-istrateġija għal kontra t-traffikar, bl-għajnuna tal-Istati Membri, tal-NGOs u tal-entitajiet interessati oħrajn.

Links Utli

Il-websajt ta' Cecilia Malmström's

Segwi l-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ tal-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ tal-Affarijiet Interni fuq Twitter

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea Kontra t-Traffikar

Aġenda għat-tnedija tal-Pjattaforma:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/news/news/2013/docs/20130531_agenda_civil_society_platform_en.pdf

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn kull pajjiż tal-UE li qed jipparteċipa fil-Pjattaforma:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/news/news/2013/docs/20130531_participating_civil_society_organisations_en.pdf

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar it-traffikar tal-bniedem u l-UE: MEMO/13/331

L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012 - 2016 websajt

Infografika: It-traffikar tal-bniedem fl-UE

Dejta dwar it-traffikar tal-bniedem (li tkopri bejn l-2008 u l-2010): rapport statistiku għall-2013

Ħarsa ġenerali tad-drittijiet fuq il-bażi tal-leġilazzjoni tal-UE: Id-drittijiet tal-vittmi

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website