Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tilqa’ ftehim “storiku” dwar netwerk trans-Ewropew ġdid tat-trasport

Commission Européenne - IP/13/478   30/05/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta’ Mejju 2013

Il-Kummissjoni tilqa’ ftehim “storiku” dwar netwerk trans-Ewropew ġdid tat-trasport

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, illum laqa’ bil-ferħ il-ftehim bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament dwar proposti biex is-sistema fframmentata eżistenti ta’ toroq, ferroviji, ajruporti u kanali Ewropej tinbidel f’netwerk magħqud tat-trasport (TEN-T).

Il-Viċi President Kallas qal: “Dan huwa ftehim storiku li joħloq netwerk b’saħħtu tat-trasport Ewropew mifrux fuq 28 Stat Membru. It-trasport huwa essenzjali għall-ekonomija Ewropea - mingħajr konnessjonijiet tajbin, l-Ewropa la hi se tikber u lanqas m’hi se tistagħna. Dan il-ftehim se jgħaqqad il-Lvant tal-Ewropa mal-Punent u se jibdel is-sistema fframmentata tat-trasport li għandna llum il-ġurnata b’netwerk li huwa ġenwinament Ewropew. Dan huwa pass importanti lejn il-bini ta’ netwerk ġdid tat-trasport li se jipprovdi s-sisien biex jiġu xprunati t-tkabbir u l-kompetittività fis-suq uniku Ewropew.”

Il-ftehim tal-lum jistabbilixxi netwerk ewlieni tat-trasport li għandu jitwaqqaf sal-2030 biex jipprovdi s-sisien għat-trasport fi ħdan is-Suq Uniku. Il-fondi għat-trasport fil-kuntest tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020) se jiffukaw ukoll fuq dan in-netwerk ewlieni tat-trasport, u se jgħaqqdu l-konnessjonijiet transkonfinali neqsin, ineħħu l-konġestjonijiet u jagħmlu n-netwerk aktar “intelliġenti”.

In-netwerk ewlieni l-ġdid tat-TEN-T se jissejjes fuq netwerk komprensiv ta’ rotot reġjonali u nazzjonali, kollha mqabbdin man-netwerk ewlieni. Dan se jiġi ffinanzjat l-aktar mill-Istati Membri, b’xi possibbiltajiet ta’ finanzjament tat-trasport u tal-iżvilupp reġjonali min-naħa tal-UE, fosthom permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament ġodda u innovattivi. L-għan huwa li jiġi żgurat li, b’mod progressiv u sal-2050, il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini u tan-negozji Ewropej ikunu jinsabu inqas minn nofs siegħa ’l bogħod minn dan in-netwerk komprensiv.

Meta jitqies kollu kemm hu, in-netwerk il-ġdid tat-trasport se jwassal:

  • għal ivvjaġġar iktar sikur u b’inqas konġestjoni tat-traffiku; u

  • għal vjaġġi li jieħdu inqas ħin u li jsiru b’inqas intoppi.

Dan il-ftehim, li ntlaħaq wara negozjati bejn tliet partijiet li saru bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, irid jiġi approvat b’mod formali mill-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja tiegħu, u mill-Kunsill.

Il-ftehim:

Il-politika l-ġdida tal-UE b’rabta mal-infrastruttura għandha l-għan li toħloq netwerk reali u m’għadhiex tiffoka fuq proġetti iżolati. Il-linji gwida fihom mapep preċiżi tan-netwerk, li ġie identifikat abbażi ta’ metodoloġija oġġettiva.

Ir-Regolament il-ġdid jipprevedi dati ta’ skadenza biex ikun żgurat li l-proġetti kollha li jikkontribwixxu għan-netwerk ewlieni tat-trasport jiġu implimentati bi prijorità. Huwa jistabbilixxi standards biex jiżgura li l-ferroviji, il-vapuri, l-ajruplani, it-trakkijiet u l-karozzi jkunu jistgħu jużaw l-infrastruttura tat-trasport b’mod sikur u mingħajr problemi tekniċi. In-netwerk ewlieni għandu jitlesta sal-2030.

Pereżempju, sal-2030, in-netwerk ewlieni tal-ferroviji se jkun mgħammar bis-sistema Ewropea tas-sinjalar imsejħa “ERTMS” (is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju), li tippermetti li jsiru operazzjonijiet ferrovjarji transkonfinali faċli u sikuri. L-Istati Membri se jkollhom jipprovdu spazju biżżejjed għall-parkeġġ għall-utenti kummerċjali tul it-toroq tan-netwerk ewlieni. Fin-nodi ewlenin tan-netwerk irid ikun hemm fjuwils alternattivi nodfa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Se jinħolqu kurituri tan-netwerk ewlieni sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ikkoordinat tal-infrastruttura u biex jiġu promossi modi ta’ użu tagħha li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Il-politika l-ġdida tiffoka fuq l-aktar elementi kritiċi, jiġifieri fuq il-proġetti transkonfinali, fuq l-interoperabbiltà u fuq l-intermodalità bejn il-mezzi tat-trasport differenti. Il-koordinaturi Ewropej se jappoġġaw lill-Istati Membri u lill-promoturi tal-proġetti sabiex jinkisbu l-aqwa benefiċċji possibbli mill-investimenti kollha.

Għal iktar tagħrif ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/transport/themes/infrastructure/index_en.htm.

Persuni ta’ kuntatt:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site