Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT PT EL

il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Mejju 2013

L-istaġun tas-sajd għat-tonnu fl-2013: L-UE kkommettiet ruħha li timplimenta bis-sħiħ pjan ta' rkupru multiannwali msaħħaħ

Il-Kummissjoni Ewropea affermat mill-ġdid l-impenn tagħha għall-immaniġġjar sostenibbli tat-tonnu matul l-istaġun prinċipali tas-sajd fl-2013 fil-Mediterran u fil-Lvant tal-Atlantiku. Il-perjodu bejn is-26 ta’ Mejju u l-24 ta’ Ġunju huwa l-istaġun meta bastimenti kbar u bastimenti tas-sajd bi xbieki purse seine jistgħu jistadu għat-tonnu. Il-kwoti tal-bastimenti tas-sajd bi xbieki purse seine, impoġġija flimkien mal-ħut li jinqabdu fin-nases, jammontaw għal 83 % tal-kwota globali tal-UE għall-2013, ta' 7,548.1 tunnellata. Huma attivi fis-sajd bastimenti minn seba’ Stati Membri tal-UE (Spanja, Franza, l-Italja, il-Greċja, il-Portugall, Malta, Ċipru).

Is-sajd għat-tonnu huwa rregolat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) li fiha l-UE u l-Istati Membri huma membri. Fl-aħħar laqgħa tagħha f'Novembru 2012, l-ICCAT adottat pjan ta’ rkupru multiannwali msaħħaħ għat-tonnu. Il-pjan itejjeb l-immaniġġjar sostenibbli tal-istokk u jintroduċi għadd ta’ miżuri ta’ kontroll ġodda.

Abbażi tal-esperjenzi tas-snin preċedenti u minħabba l-partikularitajiet tal-kampanja ta’ din is-sena, ġie stabbilit programm ta' kontroll u ta’ spezzjoni stretti. Dan jeħtieġ għadd sinifikanti ta' spetturi, u l-użu ta' bastimenti u inġenji tal-ajru għas-sorveljanza kkoordinati mill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u l-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni Ewropea tissorvelja wkoll il-qabdiet u tanalizza d-dejta tas-Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (sistema ta' kontroll ibbażata fuq is-satellita) fuq bażi kostanti biex tiżgura li r-regoli kollha, u partikolarment il-kwoti tal-bastimenti individwali, jiġu rrispettati bis-sħiħ.

F’kollaborazzjoni mill-qrib mal-EFCA, mal-Istati Membri u ma' Partijiet Kontraenti oħra għall-ICCAT, qegħdin jitwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet il-ġodda u fl-aħħar mill-aħħar, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjan ta’ rkupru u s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokk.

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website