Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-elezzjonijiet Ewropej: tnejn minn kull tliet żgħażagħ għandhom l-intenzjoni li jivvutaw

European Commission - IP/13/462   24/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Mejju 2013

L-elezzjonijiet Ewropej: tnejn minn kull tliet żgħażagħ għandhom l-intenzjoni li jivvutaw

Skont stħarriġ tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, kważi żewġ terzi (64%) taż-żgħażagħ Ewropej għandhom l-intenzjoni li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 filwaqt li terz (35%) qalu li probabbilment ma jivvutawx. Iż-żgħażagħ għandhom it-tendenza li jivvutaw anqas mill-ġenituri tagħhom u juru li mhumiex sodisfatti bil-mod kif titħaddem il-politika. Madankollu, iż-żgħażagħ iridu jipparteċipaw fil-politika u jitolbu għal aktar opportunitajiet biex isemmgħu leħinhom. Iż-żgħażagħ juru identità Ewropea qawwija u aktar apprezzament tal-integrazzjoni Ewropea minn gruppi ta' etajiet oħra.

"Irrid noħloq kuxjenza dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u ninforma liż-żgħażagħ għala huwa importanti li jivvutaw. Il-Ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ hija opportunità biex tiżdied il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà u biex jintwera xi nkiseb f'dawn l-aħħar 25 sena ta' appoġġ għaż-żgħażagħ fl-Ewropa," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Il-Ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ (mis-26 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju) se tiffoka fuq il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ attivi fis-soċjetà. Se jiġu organizzati mijiet ta' attivitajiet fis-27 pajjiż tal-UE, fil-Kroazja, fl-Islanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja, fl-Isvizzera u fit-Turkija. Il-Ġimgħa taż-Żgħażagħ se tiċċelebra wkoll l-anniversarju tal-fidda tal-appoġġ tal-UE liż-żgħażagħ li għen biex 2.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa kif ukoll ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ jipparteċipaw fi skambji transkonfinali, f'Servizzi Volontarji Ewropej u f'attivitajiet oħrajn ta' tagħlim nonformali.

Fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Isvezja, fl-Italja, fl-Irlanda, fil-Lussemburgu u f'Malta 75% jew aktar taż-żgħażagħ għandhom l-intenzjoni li jivvutaw filwaqt li f'Ċipru, fil-Greċja, fl-Estonja fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovenja, 55% jew anqas għandhom dan il-ħsieb. L-istħarriġ juri wkoll li fost dawk li jaħsbu li se jivvutaw, madwar terz (28%) huma ċerti li se jagħmlu dan, filwaqt li 11% jgħidu li żgur li mhumiex se jivvutaw. Fost dawk li aktarx li jivvutaw, disgħa minn għaxra se jagħmlu dan għax jemmnu li d-demokrazija, l-Ewropa u l-elezzjonijiet Ewropej huma importanti. Fost dawk li aktarx ma jivvutawx tnejn minn kull tlieta jemmnu li l-vot tagħhom mhu se jibdel xejn.

L-istħarriġ sar f'April 2013 fost 13,000 żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-etajiet ta' 15 u 30 fis-27 Stat Membru tal-UE u 500 żgħażugħ u żagħżugħa fil-Kroazja. L-għan kien li jiġu studjati l-atitudnijiet taż-żgħażagħ lejn il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u lejn l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014.

Sfond

Fost iż-żgħażagħ Ewropej, 35% jgħidu li f'din l-aħħar sena kienu attivi fi klabb sportiv, f'organizzazzjoni taż-żgħażagħ (22%), f'organizzazzjoni lokali (15%) u f'organizzazzjoni kulturali (14%). Madankollu, 44% taż-żgħażagħ Ewropej ma huma involuti fl-ebda organizzazzjoni. Fost dawk li pparteċipaw f'tal-anqas attività jew organizzazzjoni waħda hemm aktar possibbiltà li f'xi żmien f'ħajjithom jikkunsidraw jikkontestaw elezzjoni politika bħala kandidati (23% meta mqabbla mal-14% li ma pparteċipawx) filwaqt li l-probabbiltà li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewrpej hija akbar. Dawk li wieġbu li ma pparteċipaw fl-ebda attività x'aktarx li ma humiex interessati fil-politika jew fl-elezzjonijiet (53% meta mqabbla mal-41% li pparteċipaw).

Skont l-istudju tal-Kummissjoni dwar "Il-Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja Demokratika", li sar mill-London School of Economics, hemm nuqqas ta' sodisfazzjon li dejjem jikber fost iż-żgħażagħ fir-rigward ta' kif titħaddem il-politika. Iż-żgħażagħ jixtiequ jipparteċipaw fil-politika billi jinstemgħu u jiġu involuti f'diversi modi. L-internet u t-teknoloġiji ġodda huma meqjusa bħala modi aħjar ta' parteċipazzjoni. Iż-żgħażagħ jitolbu wkoll aktar tagħrif dwar il-politika u l-elezzjonijiet u jikkunsidraw xi oqfsa istituzzjonali speċifiċi li jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tagħhom. Organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ b'parteċipazzjoni fuq livell lokali u abbażi tal-komunità jirnexxielhom jimmotivaw liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom.

Skont ir-rapport dwar "Iċ-Ċittadinanza tal-UE u l-parteċipazzjoni politika fost iż-żgħażagħ", iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea jqisu ruħhom bħala ċittadini aktar min-nies ta' etajiet oħra. Fost iż-żgħażagħ li wieġbu, 69% (meta mqabbla ma' madwar 60% minn dawk ta' etajiet akbar) jemmnu li ċ-ċittadinanza tagħhom tinkorpora l-fatt li huma parti mill-Unjoni Ewropea. Fost iż-żgħażagħ Ewropej, 30% biss qalu li jħossuhom esklussivament ċittadini ta' pajjiżhom (meta mqabbla ma' madwar 38% minn dawk ta' etajiet akbar).

Il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għandu l-għan li jispira sens ta' ċittadinanza attiva, solidarjetà u tolleranza fost iż-żgħażagħ Ewropej u jinvolvihom fil-formazzjoni tal-futur tal-Unjoni. Il-programm il-ġdid għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport Erasmus għal Kulħadd, se jkompli jappoġġja l-proġetti taż-żgħażagħ bejn l-2014 u l-2020.

Il-Ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ

Il-25 anniversarju tal-programmi taż-żgħażagħ tal-UE se jkun iċċelebrat f'avveniment li se jsir fi Brussell fil-31 ta' Mejju. Dan se jinkludi dibattitu politiku dwar il-valur tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u se jippremja proġetti taħt il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni li spikkaw. Bejn it-30 u l-31 ta' Mejju 2013 se jintrama padiljun fuq l-Esplanade tal-Parlament Ewropew fejn se jintwerew xi proġetti.

Bejn is-27 u d-29 ta' Mejju se ssir konferenza maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ dwar id-Djalogu Strutturat tal-UE. Din se tiġbor rappreżentanti minn Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali mill-Istati Membri. Il-parteċipanti tal-konferenza se jaqsmu l-aħjar prattiċi dwar kif jista' jsir Djalogu Strutturat u se jagħmlu konklużjonijiet dwar l-iżvilupp futur tiegħu.

Għal aktar informazzjoni:

Ir-rapport tal-Eurobarometer, taqsira u skedi informattivi skont il-pajjiż

Studju dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Demokratika

Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE u l-parteċipazzjoni politika fost iż-żgħażagħ

European Youth Portal

Il-Ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ

Programmi taż-Żgħażagħ tal-UE, 1988-2013

Il-Kummissjoni Ewropea:Youth

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website