Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Mejju 2013

L-UE, l-Istati Uniti u l-Kanada jniedu l-alleanza għar-riċerka dwar l-Oċean Atlantiku

L-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u l-Kanada llum qablu li jingħaqdu flimkien għar-riċerka dwar l-Oċean Atlantiku. Il-ftehim jiffoka fuq l-allinjament tal-isforzi ta' osservazzjoni tal-oċean tat-tliet sħab. L-għanijiet huma li jiġi mifhum aħjar l-Oċean Atlantiku u li jiġi promoss l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tiegħu. Ix-xogħol se jistudja wkoll l-interazzjoni tal-Oċean Atlantiku mal-Oċean Artiku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tibdil fil-klima. L-UE u l-Istati Membri tagħha waħidhom jinvestu kważi żewġ biljun euro fir-riċerka tal-baħar u dik marittima kull sena. Id-“Dikjarazzjoni Galway dwar il-Kooperazzjoni tal-Oċean Atlantiku” kienet iffirmata llum f’konferenza ta’ livell għoli fl-Istitut tal-Baħar Irlandiż f’Galway. Taoiseach Enda Kenny, il-Prim Ministru tal-Irlanda, attenda dan l-avveniment (MEMO/13/455).

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “Il-potenzjal ekonomiku enormi tal-Atlantiku mhuwiex qed jintuża bis-sħiħ. Probabbilment nafu aktar dwar wiċċ il-Qamar u Mars milli nafu dwar il-qigħan fondi tal-oċeani. Din l-alleanza tista' tagħti kontribuzzjoni kbira biex jintlaħqu l-isfidi bħat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-ikel.”

Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd qalet: "Il-ftehim tal-lum ikompli jibni fuq il-Pjan ta' Azzjoni għall-Atlantiku li ressaqna dan ix-xahar. Filwaqt li l-inizjattiva hija ta’ interess partikolari għall-ħames stati tal-Atlantiku tal-UE, hija miftuħa għar-riċerkaturi minn madwar l-Ewropa kollha u lil hinn minnha. L-għarfien miksub se jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.”

Il-ftehim jirrikonoxxi li r-riċerka tal-Atlantiku f’ħafna oqsma ser tkun aktar effettiva jekk tkun ikkoordinata fuq bażi transatlantiku. L-oqsma identifikati għall-kooperazzjoni potenzjali skont il-Ftehim jinkludu:

  1. L-osservazzjoni tal-oċean

  2. Il-qsim tad-dejta, bħal dwar it-temperatura, is-salinità u l-aċidità

  3. L-interoprabbiltà u l-koordinazzjoni ta' infrastrutturi ta' osservazzjoni, bħal bagi tal-kejl u bastimenti tar-riċerka

  4. L-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-oċean

  5. L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar u l-ħabitats tal-qiegħ

  6. Il-promozzjoni tal-mobilità tar-riċerkaturi

  7. L-identifikazzjoni u r-rakkomandazzjoni ta' prijoritajiet futuri ta’ riċerka

Sfond

Flimkien ma' Taoiseach Enda Kenny, għall-avveniment ta' tnedija attendew ukoll Simon Coveney, il-Ministru Irlandiż għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Baħar; il-Kummissarji Damanaki u Geoghegan-Quinn; rappreżentanti mill-Istati Uniti, mill-Kanada u mill-Istati tal-Kosta tal-Atlantiku tal-UE; u rappreżentanti tar-riċerka u l-industrija.

Mill-2002, l-Unjoni Ewropea investiet aktar minn żewġ biljun euro f’aktar minn elf proġett dwar ir-riċerka tal-baħar. Dawn jinkludu:

  1. il-proġett ta' EUR 10 miljun, ta' erba’ snin, ice2sea li jbassar l-impatt li jista’ jkollu s-silġ li qiegħed idub fuq il-livelli tal-baħar tul il-kosta tal-Ewropa,

  2. il-proġetti ta' monitoraġġ u prevenzjoni MyOcean ta' EUR 62 miljun, u

  3. il-proġett ta' EUR 7 miljun, ta' erba’ snin Euro-Basin sabiex nifhmu aħjar il-proċessi fuq skala tal-baċir li għandhom impatt fuq l-ekosistemi fit-Tramuntana tal-Atlantiku mit-tibdil fil-klima naturali għall-pressjonijiet magħmula mill-bniedem.

Permezz tal-proġetti EuroFleets, l-UE qiegħda wkoll taħdem fuq alleanza ta' flotot Ewropej li se jintużaw għar-riċerka.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Atlantiku (IP/13/420) mressaq mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Mejju 2013 għandu l-għan li jagħti nifs ġdid lill-ekonomija tal-baħar u dik marittima fiż-żona tal-Oċean Atlantiku. Dan juri kif l-Istati Membri tal-Atlantiku tal-UE, ir-reġjuni tagħhom u l-Kummissjoni jistgħu jgħinu biex jinħoloq tkabbir sostenibbli fir-reġjuni kostali u jmexxu ‘l quddiem l-“ekonomija blu”, filwaqt li jħarsu l-istabbiltà ambjentali u ekoloġika tal-Oċean Atlantiku.

L-istrateġija għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima attwali tal-UE kienet stabbilita fl-2008. Hija msejsa fuq il-premessa li x-xjenza u t-teknoloġija jipprovdu waħda mis-soluzzjonijiet għar-rikonċiljazzjoni tal-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli f’attivitajiet ibbażati fuq il-baħar mal-preservazzjoni ambjentali.

Ħoloq

Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Atlantiku

Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropej

Il-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka tal-UE

Marine Institute Galway – Il-paġna tal-avveniment

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo(+32 2 295 56 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site