Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-saħħa tan-naħal: Mill-1 ta’ Diċembru għandhom jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet mal-UE kollha dwar l-użu tal-pestiċidi

Commission Européenne - IP/13/457   24/05/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, l-24 ta' Mejju 2013

Is-saħħa tan-naħal: Mill-1 ta’ Diċembru għandhom jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet mal-UE kollha dwar l-użu tal-pestiċidi

Illum il-Kummissjoni adottat restrizzjoni rigward l-użu ta’ tliet pestiċidi li jagħmlu parti mill-familja tan-neonikotinojdi. Dawn il-pestiċidi (clothianidin, imidacloprid u thiametoxam) ġew identifikati bħala ta’ dannu għall-populazzjoni tan-naħal tal-għasel tal-Ewropa. Din ir-restrizzjoni se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2013 u mhux se tiġi riveduta qabel sentejn oħra. Fil-mira tagħha għandha pestiċidi użati fit-trattament ta’ pjanti u ċereali li huma attraenti għan-naħal u għal dawk li jdakkru l-pjanti bil-polline.

"Ix-xahar li għadda wegħedt li abbażi tan-numru ta' riskji identifikati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, nagħmel ħilti biex niżgura li l-popolazzjoni tan-naħal tal-għasel tagħna tiġi mħarsa. L-adozzjoni tal-lum twettaq dik il-wegħda u timmarka avvanz ieħor biex ikun żgurat futur aktar san għan-naħal tal-għasel tagħna, minħabba li n-naħal għandhom żewġ rwolijiet importanti: mhux biss dak li jipproduċu l-għasel, iżda primarjament dak li jdakkru l-pjanti bil-polline. Madwar 80 % tad-dakkir kollu jirriżulta mill-attività tan-naħal, li hija naturali u ma tinvolvix spejjeż." qal Tonio Borg, il-Kummissarju għall-Politika tas-Saħħa u l-Konsumatur.

Il-miżura tal-lum tifforma parti mill-istrateġija globali tal-Kummissjoni1 biex tindirizza t-tnaqqis fil-popolazzjoni tan-naħal tal-Ewropa. Sa mill-pubblikazzjoni tal-istrateġija tas-saħħa tan-naħal tal-Kummissjoni fl-2010, ittieħdu diversi azzjonijiet, jew qegħdin fil-proċess li jitwettqu. Dawn jinkludu: It-twaqqif ta' Laboratorju ta' Referenza tal-UE għas-saħħa tan-naħal; żieda fil-kofinanzjament tal-UE għal programmi tal-apikultura nazzjonali, kofinanzjament biex jitwettqu studji ta’ sorveljanza fi 17-il Stat Membru volontarju (EUR 3.3 miljun ġew allokati fl-2012) u programmi tar-riċerka tal-UE bħall-BeeDoc u STEP li jistudjaw l-aspetti multifattorjali li jistgħu jiġu attribwiti għat-tnaqqis tan-naħal fl-Ewropa.

Il-passi li jmiss

l-Istati Membri jridu jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti biex jikkonformaw mar-restrizzjonijiet tal-UE sat-30 ta’ Settembru 2013. Jistgħu jippermettu l-użu ta’ ħażniet eżistenti sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli li jiżguraw li r-restrizzjonijiet jiġu applikati b’mod korrett.

Malli jkun hemm informazzjoni ġdida, u l-aktar tard, fi żmien sentejn, il-Kummissjoni se tirrevedi din ir-restrizzjoni biex tqis l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi rilevanti.

Sfond

Wara n-nuqqas ta’ ftehim (maġġoranza kkwalifikata) bejn l-Istati Membri matul il-kumitat tal-appell tad-29 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ħabbret li se tipproċedi bir-restrizzjoni kif previst.

Ir-restrizzjoni tapplika għall-użu ta’ tliet neonikotinojdi (clothianidin, imidacloprid u thiametoxam) għat-trattament taż-żrieragħ, għall-applikazzjoni tal-ħamrija (granuli) u għat-trattament tal-weraq fuq il-pjanti u ċ-ċereali (bl-eċċezzjoni taċ-ċereali tax-xitwa) li huma attraenti għan-naħal. Kull użu ieħor se jkun awtorizzat biss għall-professjonisti. L-eċċezzjonijiet se jkunu limitati għall-possibbiltà li l-għelejjel attraenti għan-naħal jiġu ttrattati fis-serer, u f'għelieqi fil-beraħ, biss wara l-fjoritura.

Il-pestiċidi ġew identifikati bħala wieħed minn ħafna fatturi li jistgħu jkunu responsabbli għat-tnaqqis fin-numru ta’ naħal. Fatturi oħra jinkludu wkoll il-parassiti, patoġeni oħra, nuqqas ta’ mediċini veterinarji, jew xi kultant l-użu ħażin tagħhom, il-ġestjoni tal-apikoltura u fatturi ambjentali bħan-nuqqas ta’ ħabitat u ta' għalf, u t-tibdil fil-klima.

Għal aktar tagħrif:
http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/bees/neonicotinoids_en.htm

Il-websajt tal-EFSA:
http://www.efsa.europa.eu/en/topics/topic/beehealth.htm?wtrl=01

Segwina fuq Twitter:
@EU_consumer

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tan-naħal tal-għasel COM (2010) 714 finali


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site