Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, it-23 ta' Mejju 2013

Il-Kummissjoni tipproponi Strateġija Ewropea Industrijali Ġdida għall-Elettronika – sostenn immirat aħjar għall-mobilizzar ta' EUR 100 biljun f'investimenti privati ġodda

Illum il-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja għall investimenti pubbliċi kkoordinati fil-mikro u n-nanoelettronika (bħas-semikondutturi u ċ-ċipep tal-kompjuter), imfassla biex iwessgħu l-bażi tal-manifattura avvanzata tal-Ewropa.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes tgħid "Ħaddieħor qed jinvesti ħafna fiċ-ċipep tal-kompjuter u aħna ma nistgħux nibqgħu l-art. Irridu nsaħħu u nikkonnettjaw il-fortizzi eżistenti tagħna u niżviluppaw saħħiet ġodda. Hija meħtieġa koordinazzjoni rapida u b'saħħitha tal-investiment pubbliku fil-livell tal-UE, tal-Istat membru u dak reġjonali biex dik it-trasformazzjoni tkun żgurata."

Is-settur Ewropew tal-elettronika jirfed il-kompetittività industrijali aktar wiesgħa tal-Ewropa għax huwa Teknoloġija Abilitanti Essenzjali (KET) għal setturi oħra, mis-settur tal-enerġija, għas-settur tal-vetturi u s-settur tas-saħħa. Li jikber is-settur tal-elettronika huwa essenzjali għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-Ewropa.

Neelie Kroes qalet: "Irrid nirdoppja l-produzzjoni taċ-ċipep tagħna għal madwar 20 % tal-produzzjoni globali. Irrid li l-Ewropa tipproduċi aktar ċipep fl-Ewropa stess milli l-Istati Uniti jipproduċu fit-territorju tagħhom. Dan huwa għan realistiku jekk aħna nużaw l-investimenti tagħna bil-għaqal."

L-elementi ewlenin ta' din l-istrateġija industrijali jinkludu:

  1. Li jkun hemm investimenti akbar u aktar ikkoordinati fir-R&D&I - li jqawwu l-impatt tal-investimenti tal-UE u tal-Istati Membri permezz ta' aktar kollaborazzjoni transfruniera (70 % tal-investiment pubbliku huwa mistenni mill-Istati Membri, 30 % mill-UE)

  2. li jissaħħu t-tliet gruppi tal-elettronika Ewropej ta' livell dinji: Dresden (DE), Eindhoven (NL) /Leuven (BE), u Grenoble (FR); u li jikkollegaw ma' gruppi Ewropej oħra li huma fuq quddiem nett, bħal dawk ta' Cambridge (UK), Carinthia (AT), Dublin (IRL) u Milan (IT).

  3. L-istrateġija se tisħaq fuq tliet oqsma kumplimentari: il-manifattura taċ-ċipep orħos (it-tranżizzjoni għal ċipep tas-siliċju ta' 450mm, il-materja prima għaċ-ċipep), il-manifattura aktar rapida taċ-ċipep ("More Moore") u l-manifattura ta' ċipep aktar intelliġenti "More than Moore".

  4. Il-mobilizzar ta' EUR 10 biljun f'fondi privati, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, wara sett komuni ta' għanijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, dan l-ammont jinkludi EUR 5 biljuni permezz ta' Sħubija Pubblika-Privata konġunta. Din is-sħubija fuq perjodu ta' seba' snin hija mfassla biex tkopri l-katina kollha tal-valur u l-innovazzjoni fis-settur tal-elettronika, inkluż l-iffinanzjar ta' proġetti tal-innovazzjoni fuq skala kbira, skont il-programm tar-riċerka tal-UE Orizzont 2020.

Neelie Kroes iżżid: "Permezz ta' din l-istrateġija, l-industrija Ewropea se tkun f'pożizzjoni aħjar biex tibdel l-innovazzjonijiet tal-inġinerija f'teknoloġiji li jistgħu jitqiegħdu fis-suq."

L-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-istrateġija se tiżgura:

  1. Aktar disponibbiltà tal-mikro u n-nanoelettronika lill-industriji importanti fl-Ewropa

  2. Katina ta' provvista u ekosistema mwessgħa, li jagħtu spinta lill-opportunitajiet għall-SMEs

  3. Aktar investiment fil-manifattura avvanzata

  4. L-istimulazzjoni tal-innovazzjoni tul il-katina tal-provvista kollha biex titjieb il-kompetittività industrijali tal-Ewropa.

Il-livell ta' ambizzjoni tal-Kummissjoni huwa sostnut mir-riċerkaturi u mill-industrija tal-elettronika li fi tmiem l-2012 spjegaw kif investiment totali ta' EUR 100 biljun jista' jinkiseb bejn l-2013 u l-2020.

Sfond

Il-komponenti u s-sistemi mikro u nanolettroniċi mhumiex biss essenzjali għall-prodotti u s-servizzi diġitali; jirfdu wkoll l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-setturi ekonomiċi kollha. Il-karozzi, l-ajruplani u l-ferroviji tal-lum huma aktar siguri, aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u aktar komdi bis-saħħa tal-partijiet elettroniċi tagħhom. L-istess japplika għas-setturi l-kbar bħal dawk tal-apparat mediku u tas-saħħa, tal-apparat elettrodomestiku, in-netwerks tal-enerġija u s-sistemi tas-sigurtà. Din hija r-raġuni għaliex il-mikro u n-nanoelettronika huma Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali u huma essenzjali għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.

L-industrija Ewropea tal-elettronika ilha mill-2000 tgawdi minn tkabbir medju ta' 5 % fis-sena, u llum tħaddem 200,000 ruħ direttament, u indirettament issostni miljun impjieg; għad fadal domanda għal ħaddiema tas-sengħa li mhix qed tiġi sodisfatta.

Matul l-aħħar 15-il sena, sar sforz sostanzjali fil-ħolqien ta' gruppi industrijali u teknoloġiċi fl-Ewropa. Minħabba l-firxa wiesgħa ta' opportunitajiet u sfidi li l-industrija qed tħabbat wiċċha magħhom, wasal iż-żmien biex l-isforzi pubbliċi rilevanti kollha jissaħħu u jiġu kkoordinati mal-Ewropa kollha.

Is-setturi ekonomiċi kollha fl-Ewropa se jibbenefikaw minn din l-istrateġija, minħabba li mill-anqas 10 % tal-PDG jiddependi fuq il-prodotti u s-servizzi elettroniċi.

Ħoloq utli

MEMO/13/451 New Electronics Strategy: what's in it for the economy?

Komunikazzjoni dwar "A European Strategy for Micro- and Nanoelectronic Components and Systems"

L-elettronika fl-Aġenda Diġitali

Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali

Hash Tags: #electronics #nanoelectronics

Esprimi l-opinjoni tiegħek

Aġenda Diġitali

Neelie Kroes

Segwi lil Neelie fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website