Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb 300 port ewlieni

Commission Européenne - IP/13/451   23/05/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Mejju 2013

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb 300 port ewlieni

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet inizjattiva ġdida biex ittejjeb l-operazzjonijiet fil-portijiet u l-konnessjonijiet tat-trasport ulterjuri fi 319-il port ewlieni tul il-kosta tal-Ewropa. Il-linji gwida u t-tibdil legali li qed jiġu proposti se jgħinu lill-operaturi tal-portijiet itejbu s-servizzi u l-faċilitajiet tagħhom u se jagħtuhom aktar awtonomija finanzjarja.

74 % tal-merkanziji li jidħlu jew joħorġu mill-Ewropa jiġu ttrasportati bil-baħar, iżda wieħed minn kull ħamsa minn dak l-ammont attwalment jgħaddi biss minn tliet portijiet: Rotterdam, Hamburg u Antwerp. Dan l-iżbilanċ fil-prestazzjoni tal-portijiet jirriżulta f'konġestjoni u spejjeż żejda għall-ispedituri, l-operaturi tat-trasport u l-konsumaturi. Il-proposti l-ġodda sal-2030 jistgħu jiffrankaw lill-ekonomija Ewropea sa EUR 10 biljun u jgħinu fl-iżvilupp ta' rabtiet marittimi ġodda fuq distanzi qosra.

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-mobbiltà u t-trasport, qal: “Il-portijiet tagħna huma bibien vitali, li jorbtu l-kurituri tat-trasport tagħna mal-bqija tad-dinja. Diġà għandna uħud mill-ifjen faċilitajiet tal-portijiet fid-dinja. Jeħtieġ li nżommuhom. Iżda llum qed inħabbtu wiċċna ma' sfidi kbar f’termini ta’ konġestjoni, tkabbir tat-traffiku u investiment. Aktar portijiet minn tagħna jridu jilħqu dawn l-istandards għoljin. Il-proposti llum se jiggwidaw is-servizzi portwarji tal-Ewropa lejn is-seklu 21, se jgħinu biex jattiraw l-investiment u joħolqu l-impjiegi fejn dawn huma l-aktar meħtieġa."

Portijiet aktar effiċjenti

Il-Kummissjoni qed tipproponi proposti aktar trasparenti u miftuħa għall-ħatra tal-fornituri tas-servizzi portwarji. Se jkun hemm regoli biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ abbużi fil-prezzijiet mill-operaturi bi drittijiet esklussivi. Għal aktar enfasi fuq il-konsumaturi, il-proposta tintroduċi kumitat konsultattiv għall-utenti tal-portijiet. Id-dettalji se jitħallew għal ċirkostanzi lokali sabiex il-komunitajiet tal-portijiet lokali jkunu jistgħu jibbenefikaw minn koordinazzjoni aħjar u ambjent tan-negozju aktar b'saħħtu.

Sabiex issaħħaħ aktar l-effiċjenza, il-Kummissjoni se tressaq proposti biex titnaqqas il-burokrazija u jitnaqqsu il-formalitajiet amministrattivi fil-portijiet qabel is-sajf (l-hekk imsejħa proposti “Ċinturin Blu”).

Konnessjonijiet aħjar għal żoni milħuqa mill-portijiet

Il-finanzjament tal-UE taħt il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” se jkollu enfasi ġdida fuq il-proġetti tal-portijiet identifikati fl-hekk imsejħa pjanijiet tal-kurituri TEN-T għal finanzjament ta' prijorità u l-konnessjonijiet tal-portijiet mal-ferroviji, il-kanali interni tal-ilma, u t-triq. Il-portijiet ser jiġu mħeġġa jieħdu rwol attiv f’dan, pereżempju billi jipprovdu tagħrif dwar il-flussi tat-traffiku.

L-investiment: Qafas finanzjarju flessibbli u prattiku

Il-proposta twessa' il-libertà tal-portijiet li jimponu tariffi infrastrutturali u ssaħħaħ it-trasparenza bil-mod li bih jiġu stabbiliti t-tariffi u fl-użu tal-finanzjament pubbliku. L-awtoritajiet tal-portijiet infushom huma tabilħaqq fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-utenti u jistabbilixxu t-tariffi. Fl-istess ħin, aktar trasparenza tippermetti fondi pubbliċi mingħajr ma tfixkel b’mod sproporzjonat il-kompetizzjoni u se tgħin biex tattira investituri privati. Il-portijiet ikunu jistgħu jnaqqsu t-tariffi li jitolbu lil bastimenti bi prestazzjoni ambjentali aħjar minn ta' oħrajn.

Djalogu soċjali

F'Ġunju ta' din is-sena, il-Kummissjoni se toħloq “Kumitat ta’ djalogu soċjali għall-portijiet” li jippermetti lill-impjegati u lill-impjegaturi biex jiddiskutu u jaqblu dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol tat-tarzna. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ tekniku u amministrattiv għax-xogħol ta’ dan il-Kumitat u se tevalwa l-progress fl-2016.

Billi l-Kummissjoni qed tirrikonoxxi l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-portijiet, din se tkun l-ewwel darba li ser toħloq leġiżlazzjoni speċifika għal din iż-żona. Qabel dan, il-portijiet kienu koperti bil-liġi ġenerali tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment u r-regoli tal-kompetizzjoni.

B’kollox hemm madwar 1,200 port fl-Ewropa. Din il-proposta tolqot it-319-il port Ewropew ewlieni li flimkien jistgħu joħolqu netwerk ta' portijiet reali li kapaċi jsostni s-suq intern tal-Ewropa. Dawn it-319-il port huma diġà ta' prijorità għall-proposti TEN-T tal-Kummissjoni (netwerk Trans-Ewropew tat-trasport) proposti — 83 port fin-netwerk ewlieni; 236 fin-netwerk komprensiv.

Il-passi li jmiss

L-inizjattiva hija parti mill-azzjoni ewlenija dwar it-trasport marittimu mħabbra fl-Att dwar is-Suq Uniku II adottat mill-Kummissjoni f’Ottubru 2012. Tikkumplimenta inizjattivi oħra tal-Kummissjoni bħad-Direttiva futura dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (li se japplikaw għal konċessjonijiet f'portijiet fuq immaniġġar tal-merkanzija u terminals tal-passiġġieri) li tistabbilixxi proċeduri komuni u tintroduċi aktar trasparenza biex tassigura l-għoti ta' konċessjonijiet b’mod mhux diskriminatorju.

Din l-inizjattiva tinkludi Komunikazzjoni li tanalizza l-Politika tal-Portijiet Ewropej u tħabbar tmien azzjonijiet tal-Kummissjoni u proposta leġiżlattiva ffukata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jintroduċu dispożizzjonijiet legali ġodda meħtieġa għat-twettiq tal-politika u l-għanijiet.

Il-proposta trid tiġi approvata mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qabel ma tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva normali.

Aktar tagħrif

MEMO/13/448

Websajt: http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/ports_en.htm

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site