Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-migrazzjoni bħala xprun għall-iżvilupp

European Commission - IP/13/450   22/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta' Mejju 2013

Il-migrazzjoni bħala xprun għall-iżvilupp

Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq l-opinjonijiet tagħha dwar kif il-migrazzjoni u l-mobbiltà jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp soċjali inklussiv u ekonomiku u kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni globali f'dan il-qasam.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Massimizzazzjoni tal-Impatt tal-Iżvilupp tal-Migrazzjoni” tipprovdi l-bażi għal pożizzjoni komuni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fid-Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, organizzat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bejn it-3 u l-4 ta' Ottubru 2013. Dan l-avveniment se jipprovdi opportunità unika għall-fassala u għall-professjonisti tal-politika biex jirriflettu kif jaħdmu lejn aġenda globali għal governanza tal-migrazzjoni effettiva, inklussiva u bbażata fuq id-drittijiet u jidentifikaw miżuri biex jippromwovu r-rwol tal-migranti bħala aġenti ta' innovazzjoni u żvilupp.

"Il-migrazzjoni u l-mobbiltà huma xpruni ewlenin ta' żvilupp sostenibbli, iżda l-kooperazzjoni globali għandha tgħaddi għal livell ta' intensità ogħla . Id-Djalogu ta' Livell Għoli tan-NU f'Ottubru se jipprovdi opportunità unika biex tixpruna 'l quddiem l-aġenda globali dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp, u tippromwovi miżuri konkreti li jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti fuq il-ħajjiet tal-migranti," qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström.

Andris Piebalgs, il-Kummissarju għall-Iżvilupp, enfasizza li "l-migrazzjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala xprun ewlieni ta' ekonomija inklussiva, żvilupp soċjali u ambjentali u, bħala tali, tiġi inkluża bħala prijorità fl-aġenda ta' żvilupp ta' wara l-2015".

Biex il-migrazzjoni u l-mobbiltà jiġu promossi bħala xprun ewlieni għall-iżvilupp ta' pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni bi dħul baxx u medju, il-Kummissjoni ssejjaħ lill-atturi relevanti kollha biex jikkapitalizzaw fuq l-opportunitajiet u jieħdu ħsieb it-theddid assoċjat mal-migrazzjoni internazzjonali, inter alia:

  1. L-iżgurar li l-istrateġiji ta' żvilupp jirrikonoxxu l-migrazzjoni u l-mobbiltà bħala 'fatturi ewlenin' għall-iżvilupp.

  2. Ir-rispett tad-dinjità u ż-żamma tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem tal-migranti, irrespettivament mill-istatus legali tal-migranti.

  3. L-għoti ta' aktar konsiderazzjoni għar-rabtiet bejn il-bidla tal-klima, id-degradazzjoni ambjentali u l-migrazzjoni

  4. Ir-rikonoxximent tal-isfidi li qed iġibu l-urbanizzazzjoni u l-migrazzjoni lill-ibliet u lir-reġjuni urbani.

  5. It-tisħiħ tal-governanza tal-migrazzjoni permezz ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali, inkluża l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

  6. It-trawwim ta' mobbiltà tax-xogħol internazzjonali u reġjonali.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tipproponi wkoll kif l-UE għandha tadotta approċċ aktar ambizzjuż għall-migrazzjoni u għall-iżvilupp fil-politiki u fil-prattiċi tagħha, b'mod partikolari permezz ta' Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u għall-Mobbiltà u l-politika ta' żvilupp tal-UE, l-Aġenda għall-Bidla. Biex ikun hemm indirizzar aktar komprensiv tar-rwol li għandhom il-migrazzjoni u l-mobbiltà fl-iżvilupp sostenibbli, ġew identifikati għadd ta' prijoritajiet, inklużi l-promozzjoni tal-impatti ta' governanza u ta' żvilupp tal-migrazzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u l-integrazzjoni tal-migrazzjoni fl-aġenda tal-iżvilupp. Il-Kummissjoni timpenja wkoll li żżid l-appoġġ għall-inizjattivi ta' migrazzjoni u żvilupp, inkluż bl-għajnuna lill-pajjiżi sħab tal-UE biex jippromwovu l-governanza tal-migrazzjoni.

Kuntest

L-għadd totali tal-migranti internazzjonali żdied minn 150 million fl-2000 għal 214-il miljun fl-20101. Aktar minn nofs dawn il-migranti jgħixu f'pajjiżi ta' dħul baxx u medju, u ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw huma fl-istess ħin pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni tal-migranti. Din iż-żieda fil-mobbiltà reġjonali u globali toħloq opportunitajiet; pereżempju l-kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-faqar u għall-innovazzjoni. Iżda teħtieġ ukoll governanza effettiva biex tindirizza l-isfidi bħal ‘eżodu ta' mħuħ’ (il-migrazzjoni 'l barra ta' nies b'edukazzjoni), sfruttar tal-migranti u l-effetti tal-migrazzjoni fuq l-urbanizzazzjoni.

Bl-Approċċ Globali tagħha għall-Migrazzjoni u għall-Mobbiltà l-UE żviluppat politika ta' migrazzjoni esterna bbilanċjata u komprensiva li tinkludi migrazzjoni u żvilupp bħala waħda mill-erba' oqsma ta' prijorità operattivi. Il-migrazzjoni hija wkoll prijorità speċifika fl-Aġenda tal-UE għall-Bidla, l-abbozz ta' politika tal-Kummissjoni għall-iżvilupp biex terġa' tiffoka l-ħidma tagħha biex tiffoka fuq dawk il-pajjiżi u s-setturi li l-aktar għandhom bżonn appoġġ.

L-UE hija l-akbar donatur fid-dinja ta' għajnuna għall-iżvilupp u se tkompli tipprovdi appoġġ sostanzjali fis-snin li ġejjin. Il-migrazzjoni hija suġġett ta' prijorità taħt il-kooperazzjoni ta' żvilupp tal-UE. Bejn l-2004 u l-2012, il-Kummissjoni impenjat kważi €1 biljun għal aktar minn 400 proġett relatat mal-migrazzjoni.

Id-Djalogu ta' Livell Għoli tan-NU dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali se jsir bejn it-3 u l-4 ta' Ottubru 2013 - il-Kummissarju Malmström se tkun qed tirrappreżenta lill-UE.

Id-Djalogu ta' Livell Għoli għandu l-għan li jidentifika miżuri konkreti biex isaħħaħ il-koerenza u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha, bil-għan li jsaħħaħ il-benefiċċji tal-migrazzjoni internazzjonali għall-migranti u għall-pajjiżi u r-rabtiet tagħha għall-iżvilupp. Se jsir fil-kuntest tat-tħejjija għall-aġenda ta' żvilupp tan-NU ta' wara l-2015.

Id-diskussjonijiet fid-Djalogu ta' Livell Għoli se jiffukaw fuq:

  1. L-ivvalutar tal-effetti tal-migrazzjoni internazzjonali fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-identifikar ta' prijoritajiet relevanti minħabba t-tħejjija tal-qafas ta' żvilupp wara l-2015;

  2. Il-miżuri biex jiżguraw rispett għal u ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għall-migranti kollha, b'referenza partikolari għan-nisa u għat-tfal, kif ukoll biex jiġi evitat u jiġi miġġieled il-kutrabandu ta' migranti u t-traffikar tal-bniedem u biex jiżguraw migrazzjoni ordinata, regolari u sikura;

  3. It-tisħiħ tas-sħubiji u tal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni internazzjonali, mekkaniżmi għal integrazzjoni effettiva tal-migrazzjoni fil-politiki ta' żvilupp u l-promozzjoni ta' koerenza fil-livelli kollha; u

  4. Mobbiltà tax-xogħol internazzjonali u reġjonali u l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp.

Links Utli

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi l-Kummissarju Malmström fuq Twitter

DĠ għall-Affarijiet Interni websajt

Segwi lid-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Materjal għall-istampa dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u għall-Mobbiltà - IP/11/1369 u MEMO/11/800

Materjal għall-istampa dwar l-Aġenda għall-Bidla dwar iż-Żieda tal-Impatt tal-Politika ta' Żvilupp tal-UE - IP/11/1184 u MEMO/11/696

Il-websajt ta' Andris Piebalgs

Il-websajt tad-DĠ Żvilupp u Kooperazzjoni

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Alexandre Polack (+32 2 299 06 77)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

Maria Sanchez Aponte (+32 2 298 10 35)

1 :

IOM. 2010. Rapport Dinji dar il-Migrazzjoni 2010 - The Future of Migration: Building Capacities for Change.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website