Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: L-ilmijiet Ewropej għall-għawm ikomplu jitjiebu

European Commission - IP/13/445   21/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-21 ta' Mejju 2013

L-ambjent: L-ilmijiet Ewropej għall-għawm ikomplu jitjiebu

Erbgħa u disgħin fil-mija tas-siti għall-għawm fl-Unjoni Ewropea jilħqu l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma, skont ir-rapport annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm fl-Ewropa. Il-kwalità tal-ilma hija eċċellenti fi 78 % tas-siti, u kważi 2 % aktar siti jilħqu r-rekwiżiti minimi meta mqabbla mar-rapport tas-sena li għaddiet.

Ċipru u l-Lussemburgu jispikkaw, peress li s-siti għall-għawm elenkati tagħhom kisbu kwalità eċċellenti tal-ilma. Tmien pajjiżi oħra għandhom valuri ta' kwalità eċċellenti ogħla mill-medja tal-UE: Malta (97 %), il-Kroazja (95 %), il-Greċja (93 %), il-Ġermanja (88 %), il-Portugall (87 %), l-Italja (85 %), il-Finlandja (83 %) u Spanja (83 %). Dan huwa titjib fuq ir-riżultati tas-sena l-oħra li kompla t-tendenza pożittiva minn mindu beda l-monitoraġġ tal-ilma għall-għawm skont id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm fl-1990.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “Huwa ta’ inkoraġġiment li ninnutaw li l-kwalità tal-ilmijiet tal-għawm Ewropej kompliet titjieb. Iżda għad hemm ħafna xi jsir biex jiġi żgurat li l-ilmijiet kollha tagħna jkunu adattati għall-għawm u x-xorb u li l-ekosistemi akkwatiċi tagħna huma b’saħħithom. L-ilma huwa riżorsa prezzjuża u neħtieġu ndaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha meħtieġa biex inħarsuh kompletament.”

Jacqueline McGlade, id-Direttriċi Eżekuttiva tal-EEA, qalet: "Mill-fjords tat-tramuntana għall-bajjiet subtropiċi, l-Ewropa hija rikka b'postijiet fejn wieħed jista' jiffriska xi fit fis-sajf. Ir-rapport tal-lum juri li l-kwalità tal-ilma tal-għawm hi ġeneralment tajba ħafna, iżda għad hemm xi siti bi problemi ta' tniġġis u għalhekk inħeġġu lill-pubbliku biex jiċċekkja l-klassifikazzjoni tal-post favorit tiegħu għall-għawm."

Kull sena, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tikkompila dejta dwar l-ilma għall-għawm miġbura mill-awtoritajiet lokali f’aktar minn 22,000 sit fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kroazja u l-Iżvizzera, u tkejjel il-livelli ta’ batterji mid-dranaġġ u l-bhejjem. Aktar minn żewġ terzi tas-siti huma bajjiet fuq il-kosta, u l-bqija huma xmajjar u lagi.

Kull rapport annwali ikun ibbażat fuq dejta mill-istaġun tal-għawm preċedenti u għalhekk ir-rapport ta’ din is-sena huwa kompilazzjoni tad-dejta miġbura fis-sajf tal-2012. Minkejja t-titjib ġenerali, ir-rapport ta’ din is-sena juri li kważi 2 % tas-siti tal-għawm li jinsabu fil-bajjiet, il-lagi u x-xmajjar għandhom ilma ta’ kwalità baxxa. L-ogħla proporzjonijiet ta’ siti għall-għawm li mhumiex konformi jinsabu fil-Belġju (12 %), il-Pajjiżi l-Baxxi (7 %) u r-Renju Unit (6 %). Xi wħud minn dawn il-bajjiet kellhom jingħalqu matul l-istaġun tal-2012. B’mod ġenerali, is-siti għall-għawm fuq il-kosta għandhom punteġġ għoli, b’aktar minn 95 % tas-siti tal-UE jilħqu r-rekwiżiti minimi u 81 % meqjusa bħala eċċellenti. B’paragun ma’ dan, 91 % tal-ilmijiet għall-għawm f’lagi u xmajjar għandhom punteġġ 'il fuq mil-limitu minimu u 72 % għandhom kwalità eċċellenti.

It-tifwir tal-ilma tax-xita, ikkawżat meta kanali tad-drenaġġ ma jlaħħqux ma’ xita qawwija, għadu problema f’xi żoni, minkejja li t-trattament aħjar tal-ilma u t-tnaqqis fir-rimi tad-drenaġġ fl-ambjent tejbu l-kwalità tal-ilma. Fil-bidu tas-snin disgħin, madwar 60 % biss mis-siti kellhom kwalità eċċellenti tal-ilma, filwaqt li 70 % ssodisfaw l-istandards minimi.

Il-kuntest

L-ilma għall-għawm fl-Ewropa jeħtieġ li jikkonforma mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm li taġġorna u tissimplifika l-leġiżlazzjoni preċedenti. Din għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri tal-UE sa Diċembru 2014. Ta’ kull sena, l-UE tippubblika rapport fil-qosor dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm, imsejjes fuq ir-rapporti li l-Istati Membri għandhom jibagħtu qabel tmiem is-sena ta’ qabel. Fir-rapport ta’ din is-sena, is-27 Stat Membru, flimkien mal-Kroazja u l-Iżvizzera, immonitorjaw u rrappurtaw il-kwalità tal-ilma għall-għawm tagħhom, ħafna minnhom skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Biex jimmonitorjaw il-kwalità tal-ilmijiet għall-għawm, il-laboratorji janalizzaw il-livelli ta’ ċerti tipi ta’ batterji, inklużi l-enterokokki intestinali u l-batterji Escherichia coli. Dawn jistgħu jindikaw li hemm it-tniġġis, l-iktar mid-dranaġġ jew mill-iskart tal-bhejjem. Is-siti huma kklassifikati bħala siti li jikkonformaw mal-valuri obbligatorji, siti li jikkonformaw mal-linji ta’ gwida l-aktar stretti jew siti li mhumiex konformi.

Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiksbu tagħrif dwar il-kwalità tal-ilma tal-post favorit tagħhom għall-għawm billi jiċċekkjaw il-Websajt dwar l-Ilma ghall-Għawm tal-EEA. Dan is-sit jippermetti lill-utenti jniżżlu d-dejta u jiċċekkjaw il-mapep interattivi. Il-pubbliku jista' wkoll jirrapporta l-istat tal-ilma lokali tiegħu billi juża l-websajt Eye on Earth.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt dwar l-ilma tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Il-websajt tal-ilma tal-Kummissjoni Ewropea

Persuni ta’ kuntatt:

Fil-Kummissjoni Ewropea

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)

Fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Arthur Finn Girling (+45 33 36 71 09)

Iben Stanhardt (+45 33 36 71 68)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website