Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Mejju 2013

Jum Marittimu Ewropew dwar it-turiżmu marittimu sostenibbli u l-konnettività

L-iżvilupp kostali u t-turiżmu marittimu sostenibbli huma t-temi ċentrali tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Jum Marittimu Ewropew. Għal jumejn fil-Belt Valletta, Malta, esperti mis-setturi marittimi kollha u mill-Ewropa kollha se jiddiskutu kif għandha titmexxa ‘l quddiem l-industrija tat-turiżmu u kif għandha żżomm il-pożizzjoni tagħha mhux biss bħala settur għat-tkabbir sostenibbli, iżda wkoll bħala forza kruċjali għall-ekonomija usa’ u bħala kontributur ewlieni għall-aġenda tat-Tkabbir Blu tal-UE.

Kull sena fl-20 ta' Mejju tiġi ċċelebrata "L-Ewropa Marittima” fl-Unjoni Ewropea u dan juri l-importanza tal-ibħra u tal-oċeani fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-konferenza dwar il-Jum Marittimu Ewropew issa saret il-post fejn il-partijiet interessati mis-setturi marittimi kollha jiltaqgħu u jiddiskutu l-opportunitajiet u l-isfidi għar-reġjuni u s-setturi marittimi tal-Ewropa kollha. It-tema għall-Konferenza ta’ din is-sena hija "L-iżvilupp kostali u t-turiżmu marittimu sostenibbli: investiment għal tkabbir blu”.

It-turiżmu huwa l-akbar settur tal-industrija marittima, u jipprovdi impjiegi għal 2.35 miljun ruħ u jipproduċi valur miżjud ta' aktar minn EUR 100bn fis-sena għall-ekonomija tal-UE. Ta' importanza kruċjali, is-settur wera reżistenza partikolari matul l-aħħar snin diffiċli u qed ikompli joffri opportunitajiet ta’ xogħol fir-reġjuni kostali li ta' spiss huma iżolati u x'aktarx ma jkollhomx attivitajiet ekonomiċi estensivi f'postijiet oħrajn. Iżda l-karattru staġjonali tal-impjiegi u n-nuqqas ta’ kunċetti ġodda u innovattivi jżommu dan is-settur milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f’termini ta’ tkabbir u impjiegi.

Is-sitt edizzjoni tal-Jum Marittimu Ewropew se tesplora l-possibbiltajiet ta' forom ta' turiżmu innovattivi u sostenibbli. Id-diskussjonijiet se jiffurmaw il-bażi ta’ Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-Turiżmu Kostali u Marittimu skedata għal aktar tard din is-sena. Kwistjonijiet speċifiċi għall-gżejjer, bħall-konnettività u l-mobbiltà, se jkunu wkoll fil-qalba tal-Konferenza, filwaqt li gruppi ta’ ħidma speċifiċi se jkunu ddedikati għal dibattitu dwar il-ġejjieni fis-settur tal-kruċieri, tal-ġestjoni kostali u tal-baħar u tal-iżvilupp ekonomiku tal-Baċir tal-Baħar Mediterran.

Dr Edward Zammit-Lewis, is-Segretarju Parlamentari Malti għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku se jvara dawn iċ-ċelebrazzjonijiet nhar il-Ħadd id-19 ta’ Mejju, b’diversi avvenimenti pubbliċi fil-Belt Valletta u madwarha li jenfasizzaw id-diversità tal-baħar: ir-riċerka marittima, it-theddid għall-ambjent tal-baħar, is-sajd, it-trasport marittimu, il-portijiet, il-parks marittimi nazzjonali, l-enerġija u affarijiet oħrajn. Il-biċċa l-kbira tal-avvennimenti li se jsiru fid-19 u fl-20 ta' Mejju huma mingħajr ħlas.

Fil-21 ta’ Mejju, il-konferenza se tinfetaħ minn kelliema prinċipali ta’ livell għoli inklużi s-Sinjura Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, is-Sur Karmenu Vella, il-Ministru Malti għat-Turiżmu, Dr Chris Cardona, il-Ministru Malti għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, u s-Sinjura Catharina Elmsäter-Svärd, il-Ministru Svediż għall-Infrastruttura. Is-sessjonijiet plenarji l-oħra se jkunu ppreseduti minn politikanti, esperti u CEOs u se jiddiskutu l-isfidi attwali u l-opportunitajiet għall-ekonomija marittima u għat-Tkabbir Blu. Il-jum se jintemm b’kunċert tat-tenur magħruf internazzjonalment Joseph Calleja.

It-22 ta’ Mejju huwa l-Jum tal-Partijiet Interessati: se jiġu organizzati 19-il workshop differenti li jittrattaw bosta suġġetti sabiex il-parteċipanti kollha fil-konferenza jkunu jistgħu jagħżlu kif jixtiequ. Firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ta’ politika relatati mal-ibħra u mal-oċeani se jiġu diskussi. Kabini ta' wirjiet se jiġi stabbiliti fuq il-post u l-eżibituri se juru l-possibbiltajiet li joffru l-ibħra u l-oċeani. Aktar avvenimenti qed jittellgħu madwar l-Ewropa kollha.

Il-Jum Marittimu Ewropew huwa opportunità unika biex il-komunità marittima kollha tinġabar flimkien f’post wieħed, bil-għan li tqis il-progress u tiffoka fuq l-ideat u l-prijoritajiet tal-ġejjieni.

Sfond

Is-sitt edizzjoni tal-Konferenza tal-Jum Marittimu Ewropew se ssir fil-Belt Valletta (Malta) bejn il-21 u t-22 ta’ Mejju 2013. Hija organizzata mill-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) flimkien mal-Ministeru Malti għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, u l-Ministeru Malti għat-Turiżmu.

Waqt il-Konferenza s-Sinjura Maria Damanaki, il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, is-Sur Karmenu Vella, il-Ministru Malti għat-Turiżmu u Dr Chris Cardona, il-Ministru Malti għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar se jingħaqdu ma' Ministri u personalitajiet Ewropej oħrajn.

Il-Jum Marittimu Ewropew twaqqaf permezz ta’ dikjarazzjoni tripartitika mill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE fl-20 ta’ Mejju 2008. Huwa ċċelebrat kull sena fl-20 ta’ Mejju u għall-ħabta ta' din id-data u jimmira biex iżid il-viżibbiltà tal-Ewropa Marittima. L-edizzjonijiet preċedenti tal-Jum Marittimu Ewropew ġew organizzati fi Brussell (2008), f’Ruma (2009), f'Gijon (2010), fi Gdansk (2011) u f'Gothenburg (2012) rispettivament.

Aktar informazzjoni

Għad-dettalji kollha dwar il-Konferenza u għall-programm komplut, jekk jogħġbok ikkonsulta dan is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/maritimeday

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website