Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Mejju 2013

Sitt raggruppamenti xjentifiċi ġodda biex isostnu l-istrateġija tad-Danubju

Il-Kummissjoni Ewropea u xjenzati u dawk li jfasslu l-politika mill-14-il pajjiż tar-Reġjun tad-Danubju llum nedew sitt raggruppamenti xjentifiċi biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. Is-sitt raggruppamenti ser jiffokaw fuq: l-ilma; l-art u l-ħamrija; il-bijoenerġija; l-ajra; l-iskambju u l-armonizzazzjoni tad-dejta; u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Ir-raggruppamenti, ippreżentati f’laqgħa ta’ livell għoli fi Bratislava llum, se jipprovdu evidenza xjentifika biex tiġi sostnuta l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju, u se jservu wkoll biex irawmu il-kooperazzjoni xjentifika fir-reġjun kollu. Fost dawk li pparteċipaw fit-tnedija tal-lum kien hemm il-Prim Ministru Slovakk l-E.T. Robert Fico u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Maroš Šefčovič (MEMO/13/441).

Meta kien qed jitkellem fl-okkażjoni tat-tnedija, Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju għandha l-għan li tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi fiż-żona permezz ta’ tfassil ta’ politika u finanzjament aħjar. Ix-xjenza tista’ tgħin verament billi tipprovdi evidenza bbażata fuq id-dejta lil dawk li jfasslu l-politika biex tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati għal reġjun mogħni b'diversità ġeopolitika u ekonomika enormi.”

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: “Dan huwa eżempju eċċellenti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali fix-xjenza u l-politika li jistabbilixxi parametru referenzjarju għall-UE u lil hinn minnha. Dawn ir-raggruppamenti jistgħu jagħtu spinta lill-prestazzjoni xjentifika u ekonomika fir-reġjun.”

Ir-raggruppamenti tal-ilma, tal-art u l-ħamrija, tal-bijoenerġija u tal-arja, se jistudjaw dawn ir-riżorsi ewlenin b'rabta ma' dawn il bżonnijiet identifikati: il-protezzjoni ambjentali, l-irrigazzjoni u l-iżvilupp agrikolu u l-enerġija. Ir-raggruppament tad-dejta hu maħsub biex jiffaċilita l-iskambju u l-armonizzazzjoni ta’ dejta ċara u komparabbli f’oqsma bħalma huma l-bijodiversità, il-morfoloġija tax-xmajjar, ir-riskji tal-għargħar u n-nixfa, il-ħamrija, l-uċuħ tar-raba’ jew ir-riżorsi u l-potenzjal tal-enerġija. Dan se jistabbilixxi wkoll punt ta’ aċċess għad-dejta komuni għar-reġjun kollu — l-ewwel verżjoni operattiva għandha tkun disponibbli minn Diċembru ta’ din is-sena. Ir-raggruppament tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti se jistudja kif ir-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq prijoritajiet xjentifiċi ewlenin ibbażati fuq il-potenzjal ekonomiku tar-reġjun tad-Danubju, minflok ma l-isforzi u l-investimenti jinqasmu ż-żejjed.

Ir-raggruppamenti se jlaqqgħu flimkien il-komunità xjentifika mill-14-il pajjiż tad-Danubju u se jinvolvu ħafna mill-akkademji tax-xjenza fir-reġjun, il-Konferenza tar-Retturi tad-Danubju (li tinvolvi 54 università) u ħafna organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka. L-imsieħba se jieħdu sehem fir-raggruppament(i) tal-għażla tagħhom, skont il-prijoritajiet u l-għarfien espert tagħhom. Il-parteċipazzjoni tibqa’ miftuħa għal partijiet oħra interessati. Ir-raggruppamenti se jrawmu l-kooperazzjoni mhux biss fost ix-xjenzati, iżda wkoll bejn ix-xjenzati u dawk li jfasslu l-politika, u se jħeġġu l-adozzjoni aħjar tar-riżultati xjentifiċi fit-tfassil tal-politika. Filwaqt li l-komunità xjentifika ser tiltaqa’ b'mod regolari, dawk li jfasslu l-politika se jiġu aġġornati darba fis-sena.

Il-kuntest

Parteċipanti politiċi oħra fl-avveniment tal-lum fi Bratislava kienu: il-Ministru tal-Istat għall-istrateġija ekonomika tal-Ungerija, Zoltán Cséfalvay; Il-Ministru Federali għax-Xjenza u r-Riċerka tal-Awstrija, Karlheinz Töchterle; Il-Ministru Delegat għall-edukazzjoni għolja, ir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku tar-Rumanija, Mihnea Costoiu, u l-Membru tal-Parlament Ewropew, Edit Herczog.

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju tnediet fl-2011 (IP/11/472) wara talba li kienet saret sentejn qabel mill-gvernijiet tal-UE. Din tiffoka fuq erba’ prijoritajiet: il-kollegament tar-reġjun tad-Danubju, il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġenerazzjoni tal-prosperità u t-tisħiħ tar-reġjun. Il-Kummissjoni Ewropea għadha kif ippubblikat rapport ta’ progress dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju(IP/13/307), fejn qiegħda titlob pass aktar mgħaġġel wara bidu tajjeb. Ir-reġjun għandu bżonn ta’ investiment intelliġenti u strateġiku biex jibqa' kompetittiv, jikkapitalizza fuq il-punti lokali qawwijin u biex jagħmel użu b'mod aktar effettiv u kombinat mill-fondi pubbliċi nazzjonali u reġjonali Ewropej. Ir-reġjun għandu jkollu l-prijoritajiet strateġiċi ta’ nfiq u għandu jneħħi ostakli għall-innovazzjoni sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tar-reġjun u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja.

L-inizjattiva “Scientific support to the Danube strategy” tnediet f’Novembru 2011 mis-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC). Din tiffoka fuq erba’ prijoritajiet: il-protezzjoni ambjentali, l-irrigazzjoni u l-iżvilupp agrikolu, in-navigabilità u l-produzzjoni tal-enerġija.

L-14-il pajjiż fir-reġjun tad-Danubju huma: il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, l-Ukraina u l-Moldova. Ir-reġjun iħaddan aktar minn 100 miljun ruħ.

Ħoloq

It-tieni konferenza ta’ livell għoli dwar l-inizjattiva “Scientific support to the Danube strategy” (Bratislava, is-16 ta’ Mejju 2013) u aktar tagħrif dwar ir-raggruppamenti tal-inizjattiva ewlenija:

http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm?id=2470&obj_id=4480&dt_code=EVN&lang=en

Materjali tal-laqgħa xjentifika: parteċipanti, minuti, preżentazzjonijiet u rapporti (Marzu 2013):

http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm?id=1410&obj_id=16440&dt_code=NWS&lang=en&ori=HLN

L-ewwel konferenza ta’ livell għoli dwar l-inizjattiva — “Scientific support to the Danube strategy” (Brussell, l-24 ta’ April 2012):

http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm?id=3910&obj_id=4120&dt_code=EVN&lang=en&ori=HLN

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju:

http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperate/danube/index_en.cfm

Kuntatti

Michael Jennings (+32 2 296 33 88) Twitter: @ECSpokesScience

Monika Wcislo(+32 2 295 56 04)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website