Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Riċerka u Innovazzjoni: Il-Kummissjoni twessa’ t-tfittxija għall-konsulenti esperti għall-Orizzont 2020

Commission Européenne - IP/13/43   24/01/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-24 ta' Jannar 2013

Riċerka u Innovazzjoni: Il-Kummissjoni twessa’ t-tfittxija għall-konsulenti esperti għall-Orizzont 2020

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet sejħa għal esperti mill-oqsma kollha biex jipparteċipaw fl-iffurmar tal-aġenda tal-Orizzont 2020, il-programm ta’ finanzjament futur għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni nediet tali sejħa għal programm ta’ riċerka tagħha. Il-gruppi konsultattivi se jagħtu pariri ta’ kwalità għolja u f’waqthom għall-preparazzjoni tas-sejħiet għall-proposti ta' proġetti tal-Orizzont 2020. Il-gruppi se jiġu stabbiliti skont suġġetti ta’ tħassib prinċipali għaċ-ċittadini Ewropej, bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli aktar affordabbli, l-assigurazzjoni tas-sikurezza fl-ikel jew il-kapaċità li niffaċċjaw l-isfidi ta’ popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Il-gruppi għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-livelli kollha tal-gvern, is-soċjetà ċivili u n-negozju mill-Istati Membri kollha tal-UE u jinfluwenzaw id-direzzjoni tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE minn issa sal-2020.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, Máire Geoghegan-Quinn, qalet: "L-għan tagħna huwa li tintlaħaq firxa wiesgħa ta’ esperti li jistgħu jgħinuna biex naslu għall-ideat innovattivi, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. L-introduzzjoni ta’ din is-sejħa trasparenti u inklużiva għall-Orizzont 2020 tfisser li aħna qed nistiednu lill-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea kollha. B’mod partikolari nixtieq inħeġġeġ lin-nisa u lill-individwi bl-aħjar għarfien espert iżda li ma ġewx involuti fil-passat biex juru l-interess tagħhom."

Il-gruppi esperti konsultattivi se jibdew xogħlhom matul ir-rebbiegħa ta' din is-sena sabiex jagħtu pariri fil-ħin għall-ewwel sejħiet tal-Orizzont 2020, li huma mistennija li jibdew minn tmiem l-2013. Individwi u parteċipanti li jkunu jixtiequ li jiġu kkunsidrati għall-ewwel gruppi konsultattivi għandhom sal-5 p.m. tas-6 ta’ Marzu 2013 biex jirreġistraw. Is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess se tibqa' miftuħa għat-tul kollu tal-programm Orizzont 2020 sabiex takkomoda t-tiġdid tal-gruppi fi tmiem kull mandat.

L-individwi jistgħu jesprimu l-interess tagħhom, u jistgħu jaġixxu jew fil-kapaċità personali tagħhom bħala rappreżentanti ta' gruppi kollettivi ta’ interess, jew inkella bħala rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet. Fis-sejħa hemm stabbiliti d-dettalji tal-kriterji li skonthom l-għażla tkun ibbażata, inkluż il-profil tal-esperti. It-test sħiħ u l-gwida dwar kif tirreġistra jinsabu permezz ta’ dan il-il-link li ġej:

http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm?pg=h2020-experts

Sfond

L-Orizzont 2020 jimmira biex jitrawmu ideat, tkabbir u impjiegi għall-futur tal-Ewropa. Jinfatam mill-passat billi jiġbor flimkien l-appoġġ eżistenti kollu għar-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi l-attivitajiet relatati mal-innovazzjoni tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-attivitajiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), f’programm uniku ta’ finanzjament. Investiment għaqli fir-riċerka u l-innovazzjoni jipprovdi stimulu dirett lill-ekonomija, jassigura l-bażi tal-għarfien eċċellenti tagħna u jagħmel in-negozji tagħna aktar kompetittivi f’dinja globalizzata. Il-Kummissjoni qed tipproponi baġit ta’ €80 biljun għall-Orizzont 2020, li se jitħaddem bejn l-2014 u l-2020.

Orizzont 2020: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm

Kuntatti:

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site