Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Mejju 2013

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-UE jagħti aktar sikurezza lill-konsumatur

Fl-2012, l-Istati Membri ħadu 2,278 miżura kontra prodotti mhux tal-ikel perikolużi, li ġew rapportati fis-sistema ta' Informazzjoni Rapida tal-UE (RAPEX). Dan jindika żieda ta' 26% fit-twissijiet meta mqabbel maċ-ċifri tal-2011, u din iż-żieda tista' tiġi attribwita għat-titjib li sar fil-ħidma tal-infurzar imwettqa mill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE.

Ir-RAPEX hija s-sistema ta' twissija rapida tal-UE li tintuża bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' prodotti mhux tal-ikel. Ir-rwol tagħha hu li xxerred malajr l-informazzjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu ta' periklu għall-konsumatur. Dan jippermetti l-identifikazzjoni u t-tneħħija mis-swieq tal-UE, aktar kmieni, ta' prodotti li jistgħu jkunu ta' riskju għall-konsumaturi, bħalma huma l-ħwejjeġ tat-tfal, it-tessuti u l-apparati tal-elettriku li ma jissodisfawx l-istandards tas-sikurezza.

Tonio Borg, il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Grazzi għal kooperazzjoni aqwa fl-UE, il-konsumaturi jistgħu jserrħu rashom aktar mis-sikurezza fis-suq intern. L-Ewropa qiegħda dejjem turi aktar kapaċità fil-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej mill-prodotti mhux tal-ikel perikolużi. Is-sistema RAPEX hija komponent ewlieni fl-isforzi li l-UE tagħmel biex tipproteġi lill-konsumaturi. Ir-riżultati tal-azzjonijiet ta' infurzar li saru fl-2012 jixhdu żieda fil-viġilanza, iżda aħna għandna dejjem nagħmlu ħilitna biex jinkiseb aktar titjib. Huwa għalhekk li, aktar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi ġodda dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq".

Liema huma dawk il-prodotti li jistgħu jkunu ta' riskju?

Fl-2012, il-ħwejjeġ, it-tessuti u l-oġġetti tal-moda (34%), u warajhom l-oġġetti tal-logħob (19%), kienu l-kategoriji tal-prodotti prinċipali li għalihom kellhom jittieħdu miżuri korrettivi. Fost ir-riskji nnotifikati l-aktar ta' spiss ikkawżati minn dawn il-prodotti kien hemm riskji kimiċi, riskji ta' strangulazzjoni u riskji ta' korriment.

Ir-riskji ta' korriment u ta' strangulazjoni jinsabu spiss fil-ħwejjeġ tat-tfal li jkollhom qfieli u kordi, pereżempju fil-ħwejjeġ tal-għawm. Eżempji oħra ta' prodotti li ġew ipprojbiti fl-UE fl-2012 jinkludu prodott li jiċċara l-ġilda li fih l-idrokinone (li l-użu tiegħu fi prodotti kosmetiċi u prodotti tal-iġjene personali) u pupa tal-plastik b'kontenut ta' 38.5% (bil-piż) ta' di(2-etileżil) ftalat (DEHP) li jista' jkun ta' riskju kimiku. L-impriżi għandhom jiżguraw li dawn ir-riskji magħrufa jitqiesu qabel il-produzzjoni.

Minn fejn ġejjin?

Skont is-sistema ta' twissija, iċ-Ċina għadha l-aktar pajjiż li minnu joriġinaw dawn il-prodotti. Is-sena li għaddiet, 58% tal-għadd totali tan-notifiki dwar prodotti li jistgħu jkunu ta' riskju serju kienu relatati ma' prodotti ġejjin miċ-Ċina.

Sabiex din is-sitwazzjoni titjieb, l-UE qed twettaq ħidma bilaterali maċ-Ċina dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet u dwar attivitajiet ta' komunikazzjoni. L-UE u ċ-Ċina dalwaqt għandhom joħorġu serje ta' vidjows li jkunu indirizzati għall-manifatturi Ċiniżi u għall-importaturi Ewropej u li jagħtu informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti.

RAPEX: 2012 f'ċifri

2,278 għadd ta' notifiki

30 għadd ta' pajjiżi parteċipanti (l-UE + in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein)

l-aktar 5 kategoriji tal-prodotti li ġew innotifikati ta' spiss fl-2012:

34 % Ħwejjeġ, tessuti u oġġetti tal-moda;

19 % Oġġetti tal-logħob;

11 % Apparati u tagħmir tal-elettriku;

8 % Vetturi bil-mutur;

4 % Prodotti kożmetiċi

Notifiki skont il-pajjiż li minnu jkun ġej il-prodott innotifikat:

58% iċ-Ċina, inkluż Ħong Kong;

17% pajjiżi tal-UE-27 u tal-EEA;

11% mhux magħruf minn fejn;

14% oħrajn

Għal aktar informazzjoni, ara:

MEMO/13/438

Il-ħolqa għall-websajt tagħna:http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm

Kuntatti:

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website