Navigation path

Left navigation

Additional tools

In-negozjar tal-emissjonijiet: Fl-2012 issoktaw jonqsu l-emissjonijiet iżda żdiedu l-kwoti żejda

European Commission - IP/13/437   16/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta' Mejju 2013

In-negozjar tal-emissjonijiet: Fl-2012 issoktaw jonqsu l-emissjonijiet iżda żdiedu l-kwoti żejda

Is-sena l-oħra, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-installazzjonijiet li qed jieħdu sehem fis-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet (ETS tal-UE) żdiedu bi 2%, skont l-informazzjoni fir-Reġistru tal-Unjoni.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, qalet: “L-aħbar it-tajba hi li l-emissjonijiet reġgħu naqsu fl-2012. L-aħbar il-ħażina hi li l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda kompla jmur għall-agħar, l-aktar minħabba l-użu rekord ta' krediti internazzjonali. Fil-bidu tat-tielet fażi, qed naraw bilanċ pożittiv ta’ kważi żewġ biljun kwota. Dawn il-fatti joħorġu fid-dieher il-bżonn li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu malajr dwar il-backloading."

Id-dejta tal-2012 dwar l-emissjonijiet

L-ETS tal-UE tkopri aktar minn 12 000 impjant tal-enerġija u installazzjoni tal-manifattura fis-27 Stat Membru, in-Norveġja u l-Liechtenstein u, mill-2012 bdiet tkopri wkoll l-emissjonijiet minn linji tal-ajru li jtiru minn ajruporti f'dawn il-pajjiżi jew f'żoni relatati mill-qrib. L-emissjonijiet verifikati tal-gassijiet serra minn installazzjonijiet stazzjonarji1, is-sena l-oħra komplew jonqsu sa 1 867 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2, jiġifieri madwar 2% inqas mil-livell fl-2011 għall-instazzjonijiet. L-emissjonijiet verifikati li rrappurtaw il-linji tal-ajru jilħqu l-84 miljun tunnellata.

Livell għoli ta' konformità mill-installazzjonijiet

Il-kumpaniji reġa' kellhom livell għoli ta' konformità mar-regoli tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet. Sal-iskadenza, jiġifieri sat-30 ta' April 2013, kien hemm anqas minn 1% tal-installazzjonijiet li kienu qed jieħdu sehem fis-sistema li ma ċedewx il-kwoti li jkopru l-emissjonijiet kollha tagħhom tal-2012. Normalment dawn l-installazzjonijiet ikunu żgħar u lkoll flimkien jammontaw anqas minn 1% tal-emissjonijiet li tkopri s-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet.

L-ewwel sena ta' responsabbiltà mill-emissjonijiet f'idejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru responsabbli għal aktar minn 98% tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni fl-2012 li tkopri l-ETS tal-UE, irnexxielhom jieħdu l-passi meħtieġa sal-lum biex ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-ETS tal-UE. Skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni "waqqaf l-arloġġ"2, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fl-2012 għal titjiriet fl-Ewropa biss, u f'dan il-każ jistgħu jagħmlu pass ieħor sas-27 ta' Mejju biex jirritornaw l-allokazzjonijiet bla ħlas għal titjiriet barra mill-Ewropa.

Kull nuqqas ta' konformità se jeżaminawh l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli skont il-proċeduri stabbiliti.

Fl-2012 il-kwota żejda rdoppjat

Fi tmiem l-2011, il-kwota żejda kienet xi 950 miljun. L-użu mħallat ta’ krediti internazzjonali, kwoti rkantati tat-tieni fażi u l-kwoti li jifdal fir-riżerva tal-entrati ġodda, il-bejgħ ta' kwoti tat-tielet fażi biex jinħolqu fondi għall-programm NER300, u rkantar kmieni ta' kwoti tat-tielet fażi, wassal għal bilanċ pożittiv kumulattiv ta' kważi żewġ biljun kwota sa tmiem l-2012.

Il-Kuntest

Bl-ETS tal-UE, l-installazzjonijiet jeħtiġilhom jibagħtu d-dejta tagħhom dwar l-emissjonijiet ivverifikati għal kull sena lir-reġistri tal-Istati Membri. Għall-2012, din id-dejta tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL) fit-2 ta' April. Mill-15 ta' Mejju, l-EUTL beda juri wkoll id-dejta dwar il-konformità, b'informazzjoni dwar jekk l-installazzjonijiet ikunux ġew konformi mal-obbligi tagħhom li jċedu ammont ta' kwoti li jkun daqs l-ammont tas-sena ta' qabel ta' emissjonijiet ivverifikati.

It-tieni perjodu tal-ETS tal-UE beda fl-1 ta' Jannar 2008 u baqa' għaddej ħames snin sal-31 ta' Diċembru 2012. Dan il-perjodu jaħbat mal-perjodu li matulu l-pajjiżi industrijalizzati jridu jilħqu l-miri tagħhom tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta' Kjoto. L-ETS tal-UE ġiet irriformata b'mod sostanzjali qabel it-tielet perjodu ta' negozjar li beda fl-1 ta' Jannar 2013 u se jibqa' għaddej sal-2020. Il-leġiżlazzjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar in-Negozjar tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ġiet adottata fit-23 ta' April 2009 bħala parti mill-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija (IP/09/628) li jistabbilixxi regoli riveduti għall-ETS tal-UE għal wara l-2012 sal-2020 u għas-snin ta' wara.

Għal aktar tagħrif:

Il-paġna ewlenija tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/environment/ets/

Il-paġna ewlenija tar-reġistri tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika fis-sit tal-

EUROPA: http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/registry/index_en.htm

L-ETS riveduta u Mistoqsijiet Komuni:

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/registry/faq_en.htm

L-avjazzjoni u d-Deċiżjoni "waqqaf l-arloġġ":

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/aviation/index_en.htm

Sommarju tal-allokazzjonijiet u l-emissjonijiet ivverifikati:

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/monitoring/docs/compliancetable1_en.pdf

Kuntatti:

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Anness I

L-użu ta' krediti internazzjonali żdied bil-qawwa

Sa mill-2008, bil-leġiżlazzjoni tal-ETS tal-UE l-installazzjonijiet jistgħu jċedu l-krediti internazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li nħolqu bil-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta' Kjoto ħalli jiġu kkumpensati parti mill-emissjonijiet tagħhom.

Fl-2012, l-aktar għadd ta' krediti internazzjonali qatt mogħti — aktar minn 500 miljun — intuża għall-konformità fl-ETS tal-UE. Dan ifisser 26% tal-krediti ċeduti b'kollox fl-2012 u fih għadd rekord ta' ERUs.

Iċ-ċedimenti mħallta ta' CER3 u ERU mill-2008 użaw xi 75% ta' madwar 1.4 biljun kwota tal-krediti permessa matul il-perjodu ta' negozjar bejn l-2008 u l-2012.

Is-CERs laħqu 6.9% taċ-ċedimenti kollha mill-2008. B’mod kumulattiv, l-ETS tal-UE kienet responsabbli mill-użu ta' 670 miljun CER, li 63% minnhom intużaw minn proġetti fiċ-Ċina u 16% mill-Indja.

L-ERUs jaħqu 3.9% taċ-ċedimenti kollha bejn l-2008 u l-2012. B'kollox intużaw 378 miljun ERU fl-ETS tal-UE mill-2008. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet li ġejjin, tressqu 285 miljun ERU għall-emissjonijiet fl-2012, jiġifieri aktar minn 14% taċ-ċedimenti kollha fl-2012.

Iċ-ċedimenti kollha għall-emissjonijiet tat-tieni fażi, mill-2008 sal-2012, għall-instazzjonijiet

9 708 miljun

100%

CERs u ERUs

1 047 miljuni

10.8%

Kwoti allokati bla ħlas jew kwoti mixtrija bi rkant

661 miljun

89.2%

Iċ-ċedimenti kollha għall-emissjonijiet tat-tieni fażi, fl-2012, għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru

83 miljun

100.0%

CERs u ERUs

11 miljun

13.1%

Kwoti allokati bla ħlas jew kwoti mixtrija bi rkant4

72 miljun

86.9%

1 :

L-installazzjonijiet f'Ċipru u l-Liechtenstein għadhom ma rrappurtawx l-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għall-2011.

3 :

Il-proġetti biex jonqsu l-emissjonijiet li saru fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) tal-Protokoll ta' Kjoto jiġġeneraw krediti magħrufin bħala CERs (tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet).

4 :

Dan jinkludi 2.5 miljun kwota tal-avjazzjoni offruti bl-irkant mill-Ġermanja matul l-2012.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website