Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-trasport bit-triq: Il-Kummissjoni tħaffef it-tnedija ta' servizzi ġodda ta' informazzjoni għas-sewwieqa

Commission Européenne - IP/13/430   15/05/2013

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Mejju 2013

It-trasport bit-triq: Il-Kummissjoni tħaffef it-tnedija ta' servizzi ġodda ta' informazzjoni għas-sewwieqa

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ regolamenti biex jippromwovu t-tnedija ta' 'servizzi ta' informazzjoni intelliġenti', bħal twissijiet f'ħin reali dwar kundizzjonijiet perikolużi tat-toroq u informazzjoni dwar parkeġġ sikur u sigur għas-sewwieqa tat-trakkijiiet. Dawn jistgħu jiġu provduti permezz ta' mezzi differenti bħas-sinjali tat-traffiku b'messaġġi varjabbli, ir-radju u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl.

Il-Kummissjoni trid li dawn is-servizzi ta' informazzjoni jkunu interoperabbli u kompatibbli fl-Ewropa kollha, kif ukoll disponibbli għall-akbar ammont possibbli ta' sewwieqa fin-netwerk trans-Ewropew tat-toroq.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "Is-sistemi intelliġenti diġà huma parti mill-ħajja ta' kuljum tal-biċċa l-kbira taċ-ċittadini. L-informazzjoni f'waqtha u preċiża tista' tgħina biex insaħħu s-sikurezza u s-sigurtà tat-toroq kif ukoll l-effiċjenza tat-trasport."

Kuntest

L-għadd ta' fatalitajiet tat-triq naqas b'9 % fl-2012, li jfisser li l-Istati Membri reġgħu lura fit-triq it-tajba biex jintlaħaq l-objettiv li bejn l-2010 u l-2020 l-imwiet fit-toroq jitnaqqsu bin-nofs (ara IP/13/236). Madankollu, fit-toroq tal-Ewropa, xorta waħda għadhom imutu 75 persuna kuljum.

Fost l-aktar kawżi frekwenti ta' aċċidenti nsibu l-maltemp u t-toroq li jiżolqu (15 % tal-aċċidenti fatali fi Franza u madwar 20 % fil-Finlandja). Fi Franza, 15 % oħra tal-aċċidenti fatali jinħolqu minħabba żoni tal-aċċidenti mhux protetti. Huwa stmat li ta' kull sena, fl-UE, imutu 44 persuna u jindarbu 1430 minħabba l-ipparkjar perikoluż.

Il-kalkoli jissuġġerixxu li s-servizzi ta' informazzjoni intelliġenti jistgħu jnaqqsu l-għadd ta' fatalitajiet tat-triq b'sa 7 %, kif ukoll l-għadd u s-severità tal-aċċidenti. Dawn se jnaqqsu wkoll id-dewmien li jinħoloq mill-aċċidenti tat-traffiku, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-ispiża biex tissewwa l-infrastruttura. Barra minn hekk, is-servizzi jistgħu jnaqqsu l-ħin li jieħdu s-sewwieqa tat-trakkijiet biex isibu fejn jipparkjaw b'sa 30 %.

Bir-regolamenti l-ġodda, it-tnedija tas-servizzi ta' informazzjoni ma tkunx obbligatorja. Madankollu, jekk u meta l-Istati Membri, l-operaturi u l-fornituri tas-servizz ikunu jixtiequ jiżviluppaw u jiskjeraw dawn is-servizzi, dawn ikollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolamenti.

1. Informazzjoni tat-traffiku dwar il-perikli fit-toroq

L-ewwel regolament imressaq illum mill-Kummissjoni se jiżgura li s-sewwieqa kollha jirċievu informazzjoni f'waqtha mingħajr ħlas żejjed. Dawn se jiġu mwissija dwar il-perikli, bħaż-żoni tal-aċċidenti mhux protetti jew il-kundizzjonijiet perikolużi tat-toroq. Sabiex tiġi evitata iż-żieda ta' servizzi li mhumiex kompatibbli, ir-regolament jistabbilixxi l-funzjonalitajiet u l-kundizzjonijiet ewlenin li s-servizzi tal-informazzjoni se jiġu żviluppati fuqhom u jkunu disponibbli għas-sewwieqa kollha. L-informazzjoni provduta se tinkludi t-tip u l-post tal-inċident, u jekk ikun meħtieġ, anke pariri għas-sewwieqa.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li timplimenta servizz ta' informazzjoni tat-traffiku għas-sikurezza stradali li jkopri n-netwerk trans-Ewropew tat-toroq, inklużi ż-żoni transfruntieri. Madankollu, sabiex dan jirrifletti s-sitwazzjonijiet nazzjonali differenti u jiġu ottimizzati l-investimenti, l-Istati Membri jridu jidentifikaw it-toroq li fihom se jiġu skjerati l-ewwel is-servizzi ta' informazzjoni.

2. Parkeġġ sikur għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali

It-tieni regolament se jtejjeb l-informazzjoni mogħtija lis-sewwieqa tat-trakkijiet dwar parkeġġi sikuri u siguri. Dan huwa mistenni li jipprevjeni l-ipparkjar perikoluż ta' trakkijiet fil-korsija ta' emerġenza (hard shoulder) u li jgħin lis-sewwieqa biex jikkonformaw mar-regolament dwar il-ħin tas-sewqan. Jiggarantixxi wkoll l-interoperabilità u l-kontinwità tas-servizzi ta' informazzjoni fin-netwerk trans-Ewropew tat-toroq, inklużi ż-żoni transfruntieri.

Ir-regolament jiddefinixxi kif għandhom jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn l-operaturi pubbliċi u privati involuti sabiex jistabbilixxi regoli armonizzati u standardizzati għall-ġbir, il-qsim u t-tixrid ta' informazzjoni.

L-informazzjoni se tiġi provduta permezz ta' smartphones jew sinjali tat-traffiku b'messaġġi varjabbli u se tinkludi d-deskrizzjoni taż-żoni ta' parkeġġ, il-livell ta' sigurtà u sikurezza u l-faċilitajiet offruti. L-Istati Membri se jagħżlu "żoni ta' prijorità biex jipparkjaw it-trakkijiet": meta żona ta' parkeġġ tkun mimlija, tingħata informazzjoni dwar faċilitajiet oħra ta' parkeġġ li jkunu disponibbli fl-istess żona.

Il-Passi li Jmiss

Ir-regolamenti tressqu quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont il-proċedura tal-'atti delegati'. Il-Kummissjoni qed tittama li tkun tista' tippubblikhom sal-aħħar ta' Ġunju.

Is-sewwieqa għandhom jistennew li jaraw dawn is-servizzi implimentati fi kwalunkwe ħin wara l-pubblikazzjoni tar-regolamenti l-ġodda.

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/transport/themes/its/index_en.htm

MEMO/13/436

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site