Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-reġista Daniż Vinterberg jirbaħ il-Prix MEDIA fil-Festival tal-Films ta’ Cannes

European Commission - IP/13/419   13/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Mejju 2013

Ir-reġista Daniż Vinterberg jirbaħ il-Prix MEDIA fil-Festival tal-Films ta’ Cannes

Id-Direttur rikonoxxut tal-films Daniż Thomas Vinterberg huwa r-rebbieħ tal-premju Prix MEDIA 2013 tal-Unjoni Ewropea. Il-premju jingħata lill-aħjar proġett ġdid ta’ film b’potenzjal għal suċċess kummerċjali li huwa eliġibbli għall-appoġġ mill-programm tal-UE, MEDIA għaċ-ċinema. Il-premju se jiġi ppreżentat lil Vinterberg minn Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, waqt il-Festival tal-Films ta’ Cannes nhar il-Ħadd, id-19 ta’ Mejju — ma' għeluq l-44 sena tad-Direttur. Vinterberg jaqsam dan il-premju mal-koawtur Tobias Lindholm u l-produtturi Sisse Graum u Morten Kaufmann għall-proġett ġdid tagħhom tal-film Kollektivet (Il-Kunsill), li jitkellem dwar il-ħajja f’kunsill Daniż fis-sebgħinijiet. Il-film, prodott mill-kumpanija ta' produzzjoni Daniża Zentropa, se jinħadem is-sena d-dieħla. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju, li hija miftuħa għall-midja, ssir fil-11:30, fil-Palais des festivals (Café des Palmes).

"L-iżvilupp huwa parti vitali u kreattiva ferm fil-proċess tal-film. Hu importanti ferm li jkun hemm istituzzjoni bħall-programm MEDIA tal-Unjoni Ewropea li tirrikonoxxi u tappoġġja l-proċess tal-films fl-aktar stadju delikat, "qal Vinterberg.

“Dan huwa premju li jixraq li jingħata lil wieħed mid-diretturi Ewropej b'talent mill-aktar eċċitanti. Il-films ta' Thomas qatt ma jkunu ordinarji: dejjem iqanqlu l-ħsieb, u jiġu rrakkontati u rreċtati b'mod mill-isbaħ. Ma jibżax jieħu riskji u, wara s-suċċess dinji tal-kapolavur tiegħu Jagten fl-2012, qed nistennew ilkoll bil-ħerqa l-film li jmiss tiegħu. Ninsab ferħana ħafna nara li l-proġett tal-film li rebaħ il-Prix MEDIA tal-UE inawgurali fl-2012, Le Passé minn Asghar Farhadi, intgħażel għall-kompetizzjoni uffiċjali ta' din is-sena f’Cannes," qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Sfond

Vinterberg, li huwa l-President tal-ġurija għall-għażla ta' “Un Certain Regard” fil-festival ta’ din is-sena, tfaċċa għall-ewwel darba fid-dinja bil-film tiegħu tal-1998 Festen (iċ-Ċelebrazzjoni), li rebaħ għadd kbir ta’ premjijiet inkluż il-Premju Speċjali tal-Ġurija f’Cannes. Il-film ġie rilaxxat mingħajr kreditu uffiċjali tad-Direttur, skont il-prinċipji tal-moviment avant-garde tal-films “Dogme 95”, iffurmat minn Vinterberg u ċ-ċinematografi sħabu Lars von Trier, Kristian Levring, u Søren Kragh-Jacobsen. Is-suċċess ta' Vinterberg b’Festen ġie segwit minn The Third Lie (2000), It's All About Love (2003), Dear Wendy (2004), When a Man Comes Home (2007) u Submarino (2010). L-aħħar film, Jagten, li rċieva EUR 100 000 mill-MEDIA għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni, kien ukoll suċċess kbir, li għalih Mads Mikkelsen rebaħ il-premju tal-aqwa attur f'Cannes tas-sena li għaddiet.

Prix MEDIA tal-UE

Il-Prix MEDIA tal-Unjoni Ewropea jingħata lill-aħjar proġett b’potenzjal ta' suċċess kummerċjali sottomess għal finanzjament tal-iżvilupp mill-programm MEDIA fl-2013. Ix-xogħol jista’ jkun fittizju, film animat jew dokumentarju iżda jrid ikun film għaċ-ċinema. L-ispejjeż ta’ żvilupp li huma eliġibbli għal appoġġ fil-qafas ta’ MEDIA jinkludu t-tħejjija tax-xenarju, it-tiftix u l-identifikazzjoni tal-atturi ewlenin u tal-persunal u l-preparazzjoni tal-pjan ta’ finanzjament, il-kummerċjalizzazzjoni inizjali u l-produzzjoni pilota. Ir-rebbieħ jintgħażel minn Bord ta’ Esperti indipendenti u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li tamministra l-programm MEDIA.

Rendezvous Ewropew f’Cannes

Bejn id-19 u l-20 ta' Mejju se jseħħ ir-“Rendezvous Ewropew” annwali f’Cannes. Ir-Rendezvous huwa l-punt ewlieni ta’ avvenimenti marbuta mal-programm MEDIA u opportunità għall-Kummissarju Vassiliou biex tiltaqa mal-professjonisti mid-dinja tal-films u dawk li jfasslu l-politika. Il-Kummissarju se tindirizza seminar dwar it-tisħiħ tal-eċċezzjoni kulturali, li hu f’idejn l-istitut nazzjonali tal-films Franċiż (CNC, Centre national du cinéma et de l’’image animée) fl-10am nhar l-20 ta’ Mejju, segwit minn diskussjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċinema u forom oħra tal-arti (mill-10:30 sanofsinhar).

Ewropa Kreattiva — il-futur tal-programm MEDIA.

L-2014 jimmarka l-bidu ta’ era ġdida għal MEDIA bħala parti mill-programm “Ewropa Kreattiva”. Il-programm il-ġdid se jkompli jipprovdi għotjiet bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-films, it-taħriġ u d-distribuzzjoni, kif ukoll it-tnedija ta’ fond ta’ garanzija ta’ self ġdid li għandu l-għan li jagħmilha eħfef għas-setturi kulturali u kreattivi biex jinkiseb aċċess għall-finanzjament. Il-programm MEDIA jgħin liċ-ċinematografi biex jiksbu espożizzjoni internazzjonali u jżid il-kompetittività tal-industrija ċinematografika Ewropea. Ewropa Kreattiva huwa mistenni li jkollu baġit globali ta’ madwar EUR 1.3 biljun bejn l-2014 u l-2020, żieda ta’ kważi 9 % meta mqabbel mal-programmi eżistenti MEDIA u Kultura.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea: MEDIA

Il-Festival tal-Films Internazzjonali ta’ Cannes :

il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter: @VassiliouEu

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Pierre Laporte / Laurent Jourdren

+33 145 23 14 14 / +336 42 82 15 33 / +336 21 04 45 79

info@pierre-laporte.com; Laurent@pierre-laporte.com


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website