Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Mejju 2013

Kontijiet bankarji Il-Kummissjoni taġixxi biex tagħmel il-kontijiet bankarji orħos, aktar trasparenti u aċċessibbli lil kulħadd

Fid-dinja tal-lum, iċ-ċittadini Ewropej ma jistgħux jieħdu sehem bis-sħiħ fis-soċjetà mingħajr kont bankarju bażiku. Il-Kontijiet bankarji saru parti essenzjali tal-ħajja tagħna ta' kuljum, jippermettulna biex nagħmlu u nirċievu ħlasijiet, nixtru permezz tal-internet, u nħallsu l-kontijiet ta’ servizzi pubbliċi (telefown, gass, elettriku).

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku żgurat li l-banek jistgħu joperaw fl-Unjoni Ewropea u joffru s-servizzi tagħhom b'mod transkonfinali, din il-mobbiltà mhijiex tajba biex tirrifletti fuq iċ-ċittadini li bosta drabi mhumiex kapaċi li jiftħu kont fi Stat Membru ieħor jew biex ibidlu faċilment minn bank għal ieħor. Barra minn hekk, il-konsumaturi bosta drabi jħallsu ħafna għas-servizzi li jirċievu mill-bank tagħhom u jbatu biex jifhmu b'mod ċar it-tariffi varji miltuba.

Huwa f'dan il-kuntest li llum il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika l-proposta tagħha għal Direttiva dwar it-trasparenza u t-tqabbil tat-tariffi tal-kontijiet għall-ħlasijiet, tibdil tal-kont tal-ħlas u aċċess għal kont tal-ħlas bażiku.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "Fid-dinja ta' llum, mingħajr aċċess għal kont tal-bank bażiku, il-ħajja ta' kuljum issir diffiċli u aktar għalja. Il-proposta tal-lum fl-aħħar tagħti liċ-ċittadini Ewropej kollha aċċess għal kont bankarju bażiku u tippermettilhom li jieħdu sehem bi sħiħ fis-soċjetà li jgħixu fiha u jieħdu vantaġġ tal-benefiċċji tas-Suq Uniku. Billi tagħmilha aktar faċli biex jitqabblu tariffi u l-bidla ta' kontijiet bankarji, nittamaw ukoll li naraw offerti aħjar mill-banek u kostijiet orħos. Il-proposta tibbenefika wkoll l-industrija tas-servizzi finanzjarji billi tipprovdi inċentivi addizzjonali biex joffru prodotti b'mod transkonfinali u jidħlu fi swieq ġodda."

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur Tonio Borg qal: "Din il-proposta tippermetti lill-konsumaturi madwar l-UE biex ikollhom aċċess għal servizzi ta' kont bankarju, biex iqabbluhom u, jekk ma jkunux sodisfatti, ibiddlu għal fornitur ieħor. L-għan tagħna huwa li l-konsumaturi jiġu informati aħjar dwar it-tariffi kemm qabel u kemm wara li jiftħu kont, u huma jistgħu jbiddlu l-fornitur tagħhom malajr u faċilment jekk jixtiequ. Din il-proposta tiffavorixxi wkoll il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji bl-imnut u tippremja lin-negozji li joffru lill-konsumaturi għażla u prezz aħjar."

Il-proposti tal-Kummissjoni jittrattaw tliet oqsma:

  1. Tqabbil tat-tariffi tal-kontijiet għall-ħlasijiet: li jsir eħfef għall-konsumaturi li jqabblu t-tariffi mitluba għal kontijiet tal-ħlas minn banek u minn fornituri oħrajn tas-servizz ta' ħlas fl-UE;

  2. Tibdil tal-kont tal-ħlas: li tiġi stabbilita proċedura sempliċi u ta' malajr għall-konsumaturi li jixtiequ jbiddlu mill-kont tal-ħlas tagħhom għal wieħed ma' bank jew fornitur tas-servizz ta' ħlas ieħor;

  • Aċċess għall-kontijiet tal-ħlas: li jippermettu lill-konsumaturi tal-UE li jridu jiftħu kont tal-ħlas mingħajr ma jkunu residenti tal-pajjiż fejn jinsab il-fornitur tas-servizz ta' ħlas, ikunu jistgħu jagħmlu dan. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet se jippermettu lill-konsumaturi kollha tal-UE, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, biex jiftħu kont tal-ħlas li jippermettilhom li jagħmlu operazzjonijiet essenzjali, bħal li jirċievu s-salarju tagħhom, il-pensjonijiet u konċensjonijiet jew il-ħlas tal-kontijiet ta' servizzi pubbliċi.

It-titjieb tat-trasparenza u tat-tqabbil tat-tariffi flimkien ma' proċess ta' tibdil aktar faċli għandu jippermetti lill-konsumaturi milli jibbenefikaw minn offerti aħjar u kostijiet orħos għall-kontijiet bankarji tagħhom. Fl-istess ħin, l-industrija tas-servizzi finanzjarji se tibbenefika minn aktar mobbiltà tal-klijenti, b'inqas ostakoli għad-dħul, inklużi transkonfinali.

Kuntest:

Il-kontijiet bankarji saru essenzjali għall-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja ekonomika u soċjali ta' soċjetà moderna, peress li l-użu tal-kontanti qed jonqos b'mod rapidu. Madankollu, skont l-istudju reċenti, madwar 58 miljun konsumatur fl-UE li għandhom aktar minn 15-il sena ma għandhomx kont tal-ħlas.

Barra minn hekk, ir-riċerka turi li l-konsumaturi għadhom qed isibuha diffiċli biex iqabblu l-offerti u l-prezzijiet għall-kontijiet tal-ħlas minn fornituri differenti tas-servizz ta' ħlas. Anke meta t-tqabbil ikun possibbli, il-proċess biex ibiddlu mill-kont tal-ħlas eżistenti tagħhom għal wieħed differenti huwa kumpless u mhux ta' min jafdah. Barra minn hekk, hemm sitwazzjonijiet fejn il-konsumaturi tal-UE xorta ma għadhomx kapaċi li jiftħu kont tal-ħlas fi Stat Membru fejn mhumiex residenti.

Fil-passat saru sforzi biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, inkluż permezz l-inkoraġġament għal awtoregolamentazzjoni tal-industrija u l-adozzjoni f'Lulju 2011 mill-Kummissjoni ta' Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għal kont tal-ħlas bażiku (ara IP/11/897). Madankollu, it-titjib kien limitat u din kienet ir-raġuni għaliex miżuri aktar komprensivi u vinkolanti fuq il-kontijiet tal-ħlas huma meħtieġa biex jiżguraw li s-suq uniku jaħdem b'mod effettiv u jibbenefika liċ-ċittadini kollha (ara IP/12/164). Il-miżuri jinsabu f'abbozz ta' Direttiva u għaldaqstant mhumiex preskrittivi żżejjed biex iqisu l-ispeċifiċitajiet differenti tal-Istat Membri.

Il-miżuri li jinsabu fl-abbozz tad-Direttiva jiffukaw fuq tliet oqsma

1. Trasparenza tat-tariffi tal-kont tal-ħlas

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi li l-fornituri kollha tas-servizz ta' ħlas iridu jipprovdu lill-konsumaturi bis-sett ta' dokumenti li ġejjin:

  1. dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffa li jelenka l-aktar servizzi komuni pprovduti u tariffi mitluba għal kull wieħed minnhom;

  2. dikjarazzjoni tat-tariffi mitlubin mill-fornitur tas-servizz ta' ħlas matul it-12 il-xahar ta' qabel għas-servizzi pprovduti fuq il-kont tal-ħlas;

  3. meta mitluba, glossarju tat-termini użati rigward il-kontijiet tal-ħlas.

Dawn id-dokumenti għandhom jiġu abbozzati billi jintużaw terminoloġija standardizzata u formati standard, biex jiġi faċilitat it-tqabbil bejn l-offerti ta' fornituri differenti tas-servizz ta' ħlas.

Fl-aħħar, il-proposta tirrikjedi li mill-inqas għandu jkun hemm websajt waħda għal tqabbil indipendenti f'kull Stat Membru, li tiġbor l-informazzjoni dwar it-tariffi mitluba mill-fornituri tas-servizz ta' ħlas. Din tippermetti lill-konsumaturi biex tqabbel b'mod faċli l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet għall-kontijiet tal-ħlas offruti fis-suq.

2. Tibdil tal-kont tal-ħlas

Id-Direttiva proposta tiffaċilita wkoll il-proċess involut fit-tibdil tal-kontijiet bankarji. Meta konsumatur jitlob li l-ordnijiet ta' ħlas rikorrenti jiġu trasferiti kollha jew parti minnhom (bħat-trasferimenti ta' krediti jew dejn dirett) li huma fil-kont tiegħu għal kont ieħor, il-fornituri tas-servizz ta' ħlas jridu jittrattaw mal-passi kollha involuti mal-bidla. Il-konsumaturi jistgħu jitolbu wkoll it-trasferiment tal-bilanċ li jifdal fuq il-kont il-qadim u l-għeluq tiegħu.

Il-fornituri tas-servizz ta' ħlas iridu jlestu din il-proċedura fi 15-il ġurnata (30 jum jekk il-bidla ssir bejn fornituri li jinsabu f'pajjiżi differenti tal-UE) u s-servizz għandu jingħata mingħajr ma jintalab ħlas.

Fl-aħħar. il-fornituri tas-servizz ta' ħlas għandhom jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni xierqa dwar id-drittijiet tagħhom biex ibiddlu kontijiet bankarji u l-proċess involut.

3. Aċċess għal kontijiet tal-ħlas

Id-Direttiva proposta se tippermetti lill-konsumaturi fl-Ewropa biex jiftħu kont tal-ħlas ma' kwalunkwe fornitur tas-servizz ta' ħlas fl-UE, anke fejn huma ma jkunux residenti tal-pajjiż ta' fejn jinsab il-fornitur.

Barra minn hekk, il-konsumaturi se jkunu intitolati li jkollhom aċċess għal kont tal-ħlas bil-karatterisitċi bażiċi irrispettivament fejn ikun il-post ta' residenza tagħhom fl-UE jew is-sitwazzjoni finanzjarja personali. L-Istati Membri jridu jiżguraw li mill-inqas fornitur wieħed tas-servizz ta' ħlas joffri kont tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi fit-territorju tagħhom u għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar id-disponibbiltà ta' dawn il-kontijiet tal-ħlas. Il-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ma jistax juża s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna bħala raġuni biex jirrifjuta kont.

Id-Direttiva telenka s-servizzi essenzjali li għandhom jiġu pprovduti ma' dan il-kont, li jinkludi ġbid ta' flus, trasferimenti mill-bank u kards tad-debitu. Faċilitajiet ta' self kurrenti jew ta' kreditu mhumiex se jkunu permessi fuq kontijiet bażiċi.

MEMO/13/413

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/internal_market/finservices-retail/inclusion/index_en.htm

http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/pressroom/bank-accounts_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website