Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Mejju 2013

Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel id-drittijiet fundamentali realtà għaċ-ċittadini

Tliet snin wara li saret legalment vinkolanti, l-impatt tal-Karta tal-Unjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali qed isir dejjem iżjed ċar. Qed issir punt ta' referenza mhux biss għall-istituzzjonijiet tal-UE meta jkunu qed ifasslu l-leġiżlazzjoni iżda wkoll għall-Qorti Ewropea u dawk nazzjonali, biex b'hekk id-drittijiet tal-bniedem qed jissawru f'realtà għaċ-ċittadini fl-Ewropa. Dawn huma l-konklużjonijiet tat-tielet rapport annwali tal-lum għall-2012, dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li permezz ta' firxa wiesgħa ta' każijiet rigward id-drittijiet fundamentali juri li l-UE qed tkompli tibni sistema aktar koerenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Ir-rapport tal-lum huwa akkumpanjat minn rapport ġdid ta’ progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel matul l-2012 u dan jaħbat ma’ sensiela ta’ azzjonijiet ġodda biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini li l-Kummissjoni ressqet fir-Rapport tagħha għall-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (ara IP/13/410 u MEMO/13/409).

"Id-drittijiet fundamentali huma s-sisien li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea: dawn iridu jiġu kontinwament protetti u msaħħa. Dan huwa dak li ċ-ċittadini jistennew mingħandna," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, d-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Il-Kummissjoni hija determinata li tmexxi permezz tal-eżempju, għaldaqstant ir-raġuni għalfejn ħadna azzjoni biex id-drittijiet fundamentali jkunu attwati fejn l-UE għandha s-saħħa li tagħmel dan, mill-ħarsien tal-protezzjoni tad-dejta personali, sal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, sal-garanzija tad-dritt għal smigh ġust. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE mhix biss dokument - qed issir ir-realtà għall-500 miljun ċittadin tal-Ewropa. Dan huwa wkoll dovut għall-qrati nazzjonali li dejjem aktar qed jagħtu ħajja lill-Karta."

Ir-rapport tal-lum jagħti ħarsa komprensiva lejn kif id-drittijiet fundamentali ġew implimentati fl-UE matul din l-aħħar sena. Ir-rapport juri, pereżempju, kif id-drittijiet minquxa fil-Karta jridu dejjem jitqiesu bir-reqqa mill-istituzzjonijiet tal-UE meta dawn ikunu qed jipproponu jew jadottaw leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri huma marbuta mill-Karta biss f'każijiet fejn jimplimentaw il-politiki u l-liġijiet tal-UE. Ir-rapport huwa strutturat f'sitt kapitli li jirriflettu s-sitt titoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: Id-Dinjità, il-Libertajiet, l-Ugwaljanza, is-Solidarjetà, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Ġustizzja (ara MEMO IP/13/411 għal-aktar dettalji).

Ir-rapport juri li l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali l-aktar spiss imqajma miċ-ċittadini fil-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni kienu l-moviment liberu u r-residenza (18% tal-ittri kollha lill-Kummissjoni), il-funzjonament tas-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja (15%), l-aċċess għall-ġustizzja (12.5%), il-libertà tal-għażla tal-mestier u d-dritt li taħdem (7.5%), l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilitajiet (4.5%), u l-protezzjoni tad-dejta personali (4%) (ara l-Anness għal analiżi sħiħa).

Żewġ modi biex il-Karta ssir realtà

1. L-azzjoni tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-Karta

Fejn l-UE għandha l-kompetenza li tieħu azzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE li tagħti effett konkret lid-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta.

Eżempji ta’ proposti tal-Kummissjoni matul l-2012 jinkludu:

  1. ir-riforma kbira proposta tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali (IP/13/46);

  2. • l-approċċ proattiv meħud biex jitħaffef il-progress lejn bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi ta’ kumpaniji Ewropej elenkati fil-boroż tal-kambju (IP/12/1205);

  3. • il-passi li ttieħdu biex iħarsu d-drittijiet proċedurali u d-drittijiet tal-vittmi (IP/12/575, IP/12/1200).

Bħala gwardjana tat-Trattati, il-Kummissjoni hija impenjata li tintervjeni fejn meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw il-liġi tal-UE b’mod effettiv filwaqt li jikkonformaw mal-Karta.

Eżempji ta’ proċedimenti ta' ksur matul l-2012 jinkludu:

  1. l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tikkontesta l-irtirar kmieni ta' madwar 274 imħallef u prosekutur pubbliku fl-Ungerija ikkawżat minn tnaqqis għal għarrieda tal-età obbligatorja tal-irtirar għal din il-professjoni minn 70 għal 62 sena. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE appoġġat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (MEMO/12/832) li dan l-irtirar obbligatorju mhuwiex kompattibbli mal-liġi tal-UE dwar it-trattament indaqs (il-Direttiva li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età u l-Artikolu 21 tal-Karta);

  2. azzjoni ta’ ksur li jiġi infurzat id-dritt ta’ persuni tal-istess sess li huma miżżewġin jew sħab irreġistrati biex jingħaqdu ma’ ċittadini tal-UE u jgħixu magħhom f’Malta (bid-Direttiva tal-Moviment Liberu tal-UE, IP/11/981).

2. Qrati li jibbażaw fuq il-Karta

Wara biss tliet snin fis-seħħ bħala liġi primarja, l-użu tal-Karta mill-qrati nazzjonali fejn hija kkonċernata l-liġi tal-UE jista' jitqies bħala sinjal pożittiv. Pereżempju, il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka tat deċiżjoni storika rigward l-applikazzjoni tal-Karta fi stħarriġ ġudizzjarju intern dwar il-kostituzzjonalità. Il-Qorti Awstrijaka ddeċidiet li ċ-ċittadini jistgħu jserrħu fuq id-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta tal-UE meta jikkontestaw il-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kompliet tirreferi dejjem aktar għall-Karta fid-deċiżjonijiet tagħha: l-għadd ta’ deċiżjonijiet li jikkwotaw il-Karta fil-motivazzjonijiet tagħhom kważi rduppja, minn 43 fl-2011 għal 87 fl-2012. Meta l-qrati nazzjonali għamlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja (għal deċiżjoni preliminari) irreferew dejjem iktar għall-Karta: fl-2012, dawn ir-rinviji żdiedu b’iktar minn 50% meta mqabbla mal-2011, minn 27 għal 41.

Iż-żieda fir-rinvji għall-Karta huwa pass importanti fit-triq lejn sistema aktar koerenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li tiggarantixxi livelli indaqs ta’ drittijiet u protezzjoni fl-Istati Membri kollha, kull meta l-liġi tal-UE tkun qed tiġi implimentata.

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ser tkompli tissaħħaħ mal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. In-negozjati dwar il-ftehim ta’ adeżjoni ġew iffinalizzati.

Titjib fit-tqajjim ta' kuxjenza dwar il-Karta

Matul l-2012, il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 4000 ittra, petizzjoni u mistoqsija minn ċittadini u Parlamentari Ewropej, dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali. Il-maġġoranza tal-ittri (58%) kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-Karta setgħet tapplika. Dan juri li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar kif u fejn il-Karta tapplika qed iħallu r-riżultati meħtieġa: fl-2010, 69% tal-ittri kienu jirrigwardaw każijiet barra mill-kompetenza tal-UE.

Rapport dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn is-sessi fl-2012

Biex jevalwa l-progress fid-dritt fundamentali għall-ugwaljanza, illum ġie ppubblikat ukoll rapport separat dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Dan jikkonkludi li n-nisa jirrappreżentaw sehem dejjem jikber tal-forza tax-xogħol tal-UE u qed ikunu dejjem aktar dawk li jaqilgħu l-għixien għall-familji tagħhom. Is-sehem tan-nisa li jaħdmu żdied minn 55% fl-1997 għal 62.4% illum. Madankollu, għadu ferm aktar baxx mis-sehem ta’ rġiel LI li jaħdmu (74.6%). Qabel il-kriżi n-nisa kienu bil-mod il-mod qed jilħqu lill-irġiel fis-swieq tax-xogħol fil-pajjiżi Ewropej kollha. Madankollu, il-kriżi issa waqqfet dawn ix-xejriet pożitiivi. L-impjiegi tal-irġiel naqsu b'mod iktar rapidu u sinifikanti mill-impjiegi tan-nisa — li hija r-raġuni vera għat-tnaqqis fid-differenza bejn is-sessi fl-impjiegi.

In-nisa għadhom jiffaċċaw ostakoli kbar biex jilħqu l-ogħla livelli ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Il-proposta tal-Kummissjoni għal bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji pubbliċi hija pass importanti ħafna għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Dibattitu pubbliku intens u miżuri regolatorji taw kontribut għat-titjib fil-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u ċ-ċifri għall-2012 dwar nisa fuq il-bordijiet juru l-ogħla bidla minn sena għal sena li qatt ġiet reġistrata (IP/13/51).

Filwaqt li r-rapport juri li sar xi progress f’ċerti oqsma, għad fadal sfidi sinifikanti fil-maġġoranza tal-oqsma. Biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-Istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi.

Sfond

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-sar legalment vinkolanti. Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti. Il-Karta tistabbilixxi d-drittijiet fundamentali - bħalma huma l-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali – li jirriflettu l-valuri komuni tal-Ewropa u l-patrimonju kostituzzjonali tagħha.

F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat strateġija biex tiżgura li l-Karta tkun implimentata b'mod effettiv. Hija żviluppat "Lista ta' Kontroll tad-Drittijiet Fundamentali" sabiex issaħħaħ il-valutazzjonijiet tal-impatti fuq id-drittijiet fundamentali tal-proposti leġiżlattivi tagħha. B'talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini dwar meta hija tkun tista' tintervjeni fi kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali u li tippubblika Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta sabiex tissorvelja l-progress miksub. Informazzjoni prattika dwar l-infurzar tad-drittijiet personali hija disponibbli permezz ta' Il-Portal Ewropew Ġustizzja-e.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/13/411

Materjal għall-ġurnalisti:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/citizen/news/130508_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Id-drittijiet fundamentali:

http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/index_mt.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – L-Ugwaljanza bejn is-sessi:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/index_mt.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/reding

Segwi lill-Viċi-President fuq Twitter: @VivianeRedingEU

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNESS


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site