
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, l-24 ta' Jannar 2013
L-UE tniedi l-istrateġija għal fjuwils nodfa
Illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett ambizzjuż ta' miżuri sabiex tiżgura li jinbnew stazzjonijiet tal-fjuwils alternattivi madwar l-Ewropa bi standards komuni għad-disinn u l-użu tagħhom. S'issa l-inizjattivi politiċi indirizzaw l-aktar il-fjuwils u l-vetturi nnifishom, mingħajr ma tqies it-tqassim tal-fjuwils. L-isforzi biex jingħataw inċentivi la kienu kkoordinati u lanqas biżżejjed.
Il-fjuwil nadif qed jinżamm lura minħabba tliet ostakoli ewlenin: l-ispiża għolja tal-vetturi, l-aċċettazzjoni tal-konsumatur li għadha f'livell baxx, u n-nuqqas ta' stazzjonijiet li jiċċarġjaw u li jagħtu l-fjuwil. Dan huwa ċirku vizzjuż. L-istazzjonijiet tal-fjuwil mhux qed jinbnew minħabba li ma hemmx biżżejjed vetturi. Il-vetturi ma jinbigħux bi prezzijiet kompetittivi minħabba li ma hemmx domanda biżżejjed. Il-konsumaturi ma jixtrux il-vetturi minħabba li huma għoljin u ma hemmx stazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi pakkett ta' miri vinkolanti fuq l-Istati Membri għal livell minimu ta' infrastruttura għal fjuwils nodfa bħalma huma l-elettriku, l-idroġenu u l-gass naturali, kif ukoll standards komuni għall-UE kollha għat-tagħmir meħtieġ.
Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport qal: "L-iżvilupp ta' fjuwils innovattivi u alternattivi huwa mod ovvju kif l-ekonomija tal-Ewropa ssir aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, tonqos id-dipendenza żejda fuq iż-żejt u tiġi żviluppata industrija tat-trasport li tkun lesta twieġeb għall-ħtiġijiet tas-seklu 21. Bejniethom, iċ-Ċina u l-Istati Uniti qed jippjanaw li sal-2020 ikollhom aktar minn 6 miljun vettura elettrika fit-toroq. Din hija opportunità mill-akbar għall-Ewropa biex tistabbilixxi pożizzjoni b'saħħitha f'suq globali li qed jikber malajr."
Il-Pakkett tal-Enerġija Nadifa għat-Trasport huwa Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għal fjuwils nodfa, Direttiva li tiffoka fuq l-infrastruttura u l-istandards, u dokument ta' akkumpanjament li jiddeskrivi pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp ta' Gass Naturali Likwifikat (LNG) fil-bastimenti.
Il-miżuri ewlenin proposti huma:
L-elettriku: is-sitwazzjoni tas-sorsi li jiċċarġjaw l-elettriku tvarja ħafna madwar l-UE. Il-pajjiżi fuq quddiem huma l-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u r-Renju Unit. B'din il-proposta kull Stat Membru se jkollu bżonn għadd minimu ta' sorsi li jiċċarġjaw u li jużaw plakka komuni (ara t-Tabella annessa). Dan qed isir bil-għan li tinħoloq massa kritika ta' sorsi li jiċċarġjaw ħalli l-kumpaniji jipproduċu l-karozzi bil-massa u bi prezzijiet raġonevoli.
Element essenzjali biex jixtered l-użu ta' dan il-fjuwil huwa plakka komuni għall-UE kollha. Sabiex tintemm l-inċertezza fis-suq, illum il-Kummissjoni ħabbret l-użu tal-plakka "Type 2" bħala l-istandard komuni għall-Ewropa kollha.
L-idroġenu: il-Ġermanja, l-Italja, u d-Danimarka diġà għandhom għadd sinifikanti ta' stazzjonijiet tal-fjuwil tal-idroġenu għalkemm uħud minnhom mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku. L-istandards komuni xorta huma bżonnjużi għal ċerti komponenti bħall-manek tal-fjuwil. B'din il-proposta, l-istazzjonijiet tal-mili eżistenti se jitqabbdu flimkien biex jinħoloq netwerk bi standards komuni li jiżguraw il-mobbiltà tal-vetturi tal-Idroġenu. Dan japplika għall-14-il Stat Membru li bħalissa għandhom netwerk tal-Idroġenu.
Il-bijofjuwils: diġà għandhom kważi 5% tas-suq. Dawn jaħdmu bħala fjuwils imħalltin u m'għandhom bżonn l-ebda infrastruttura speċifika. Se tkun sfida ewlenija li tkun żgurata s-sostenibbiltà tagħhom.
Il-Gass Naturali (Likwifikat (LNG) u Kompressat (CNG)): l-LNG jintuża għal trasport fuq l-ilma kemm fil-baħar kif ukoll fil-passaġġi interni tal-ilma. Infrastruttura tal-LNG għall-bastimenti tal-fjuwil għadha fi stadju bikri ħafna, għax l-Iżvezja biss għandha faċilità fuq skala żgħira ta' LNG bunkering għall-bastimenti, madanakollu hemm pjanijiet għalihom f'bosta Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-istazzjonijiet tal-mili tal-LNG jkunu installati fil-139 port marittimu u intern li hemm fin-Netwerk Ewlieni Trans-Ewropew sal-2020 u rispettivament sal-2025. Dawn ma jkunux terminali kbar tal-gass iżda stazzjonijiet tal-mili fissi jew mobbli. Dawn ikopru l-portijiet il-kbar kollha tal-UE.
L-LNG: il-gass naturali likwifikat jintuża wkoll għat-trakkijiet, iżda fl-UE hemm biss 38 stazzjon tal-mili. Il-Kummissjoni qed tipproponi li sal-2020 jiġu installati stazzjonijiet tal-fjuwil kull 400 km fit-toroq tan-Netwerk Ewlieni Trans-Ewropew.
Is-CNG: il-gass naturali kompressat prinċipalment jintuża għall-karozzi. Bħalissa miljun vettura jużaw dan il-fjuwil, jiġifieri 0.5% tal-flotta kollha – l-industrija għandha l-għan li żżid din iċ-ċifra b'għaxar darbiet sal-2020. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiżgura li s-sorsi tal-mili li huma aċċessibbli għall-pubbliku, bi standards komuni, ikunu disponibbli madwar l-Ewropa kollha b'distanzi massimi ta' 150 km sal-2020.
L-LPG: il-gass taż-żejt likwifikat. Ma hemm l-ebda azzjoni maħsuba għal-LPG, il-qalba tal-infrastruttura hija diġà stabbilita.
L-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħmlu dawn il-bidliet mingħajr il-bżonn ta' nfiq pubbliku billi jbiddlu r-regolamenti lokali ħalli tinbidel l-imġiba tas-settur privat u jitħeġġeġ l-investiment min-naħa tiegħu. L-appoġġ tal-UE huwa diġà disponibbli minn fondi tat-TEN-T, fondi ta' koeżjoni u fondi strutturali.
Ara wkoll: MEMO/13/24
Sorsi li jiċċarġjaw l-elettriku/vetturi elettriċi għal kull Stat Membru
Stati Membri | L-infrastruttura eżistenti (sorsi li jiċċarġjaw) 2011 | Il-miri proposti għal infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku sal-20201 | Il-pjanijiet tal-Istati Membri għall-għadd ta' vetturi elettriċi fl-2020 |
L-Awstrija | 489 | 12,000 | 250,000 |
Il-Belġju | 188 | 21,000 | - |
Il-Bulgarija | 1 | 7,000 | - |
Ċipru | - | 2,000 | - |
Ir-Repubblika Ċeka | 23 | 13,000 | - |
Il-Ġermanja | 1,937 | 150,000 | 1,000,000 |
Id-Danimarka | 280 | 5,000 | 200,000 |
L-Estonja | 2 | 1,000 | - |
Il-Greċja | 3 | 13,000 | - |
Il-Finlandja | 1 | 7,000 | - |
Franza | 1,600 | 97,000 | 2,000,000 |
L-Ungerija | 7 | 7,000 | - |
L-Irlanda | 640 | 2,000 | 350,000 |
L-Italja | 1,350 | 125,000 | 130,000 (sal-2015) |
Il-Litwanja | - | 4,000 | - |
Il-Lussemburgu | 7 | 1,000 | 40,000 |
Il-Latvja | 1 | 2,000 | - |
Malta | - | 1,000 | - |
Il-Pajjiżi l-Baxxi | 1,700 | 32,000 | 200,000 |
Il-Polonja | 27 | 46,000 | - |
Il-Portugall | 1,350 | 12,000 | 200,000 |
Ir-Rumanija | 1 | 10,000 | - |
Spanja | 1,356 | 82,000 | 2,500,000 |
Is-Slovakkja | 3 | 4,000 | - |
Is-Slovenja | 80 | 3,000 | 14,000 |
L-Iżvezja | - | 14,000 | 600,000 |
Ir-Renju Unit | 703 | 122,000 | 1,550,000 |
Kuntatti: Helen Kearns (+32 2 298 76 38) Dale Kidd (+32 2 295 74 61) |
L-għadd ta' sorsi li jiċċarġjaw u li huma aċċessibbli għall-pubbliku huwa 10% tal-għadd totali ta' sorsi li jiċċarġjaw.