Navigation path

Left navigation

Additional tools

8 minn kull 10 persuni jgħidu li l-proġetti tal-UE huma ta' għajnuna għall-innovazzjoni fil-klassi

European Commission - IP/13/408   07/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Mejju 2013

8 minn kull 10 persuni jgħidu li l-proġetti tal-UE huma ta' għajnuna għall-innovazzjoni fil-klassi

Aktar minn tmienja minn kull għaxar persuni involuti f’inizjattiva ffinanzjata mill-UE li għandha l-għan li tinkoraġġixxi metodi innovattivi ta' tagħlim u materjali mtejba għat-tagħlim tat-tfal jgħidu li l-iskema kellha impatt pożittiv u dejjiemi fuqhom. Skont studju ġdid, l-istess proporzjon ta' nies iddikjaraw ukoll li kien ikun impossibbli li jinkisbu l-istess riżultati mingħajr l-appoġġ Ewropew.

Il-proġetti kienu ffinanzjati permezz tal-iskema Comenius tal-UE, li tappoġġa firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, minn sħubijiet tal-iskola għal taħriġ għall-għalliema u n-netwerk tal-iskola eTwinning. Parti mill-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja, li minn Jannar 2014 se jkun segwit minn “Erasmus għal kulħadd”, Comenius jalloka madwar EUR 13-ilmiljun fis-sena għall-universitajiet, l-istituzzjonijiet li jħarrġu lill-għalliema, l-NGOs u l-iskejjel, biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ metodi u materjal ġdid tat-tagħlim. Eżempji ta’ tagħlim innovattiv jinkludu l-użu ta’ edukazzjoni fid-drama u xjenza bażika għat-tfal iż-żgħar (ara l-isfond).

“L-għan tagħna huwa li ngħinu lill-iskejjel biex jipprovdu lill-istudenti l-għerf, il-ħiliet u l-fiduċja fihom infushom sabiex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom,” qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. “Il-valur miżjud ta’ din l-inizjattiva Ewropea huwa li tesponi lill-għalliema u lill-iskejjel għal approċċi differenti u għarfien espert, li min-naħa tiegħu jirriżulta f’soluzzjonijiet aktar innovattivi fil-klassi.”

L-istudju sab li l-aktar impatt pożittiv kien fuq l-individwi li kienu involuti direttament fil-proġetti, li qalu li l-involviment tagħhom wessa' l-mod ta' kif jaraw l-affarijiet, żied l-aċċess għall-aħjar prassi u innovazzjoni, u tejjeb il-ħiliet professjonali tagħhom fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), fil-lingwi u fil-maniġment.

Il-benefiċċji l-aktar enfasizzati mill-organizzazzjonijiet inkludew l-opportunità ta' żvilupp ta' rabtiet u sinerġiji ġodda, kemm fi ħdan l-istituzzjoni kif ukoll ma' oħrajn. L-impatt sistematiku permezz tal-proġetti u tan-netwerks jinħass inqas, iżda ħafna minn dawk li wieġbu qalu li jeżisti, pereżempju f'każijiet fejn moduli ta’ taħriġ għall-għalliema u l-kontenut żviluppat fi ħdan proġett jew netwerk jiġu integrati f'korsijiet stabbiliti.

Sfond

L-"iStudy of the Impact of Comenius Centralised Actions: Comenius Multilateral Projects and Comenius Multilateral Networks" sar għall-Kummissjoni Ewropea minn organizzazzjoni edukattiva Griega Ellinogermaniki Agogi minn Diċembru 2010 sa Diċembru 2012. Hija wettqet stħarriġ fost il-parteċipanti f’145 proġett u netwerk.

Eżempji ta' proġetti

Il-proġett DICE involva 12-il pajjiż (l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Palestina, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Dan iffoka fuq l-effetti pożittivi tal-edukazzjoni fid-drama fuq l-iżvilupp tal-istudenti. Organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u universitajiet mill-pajjiżi kkollaboraw flimkien biex issir ir-riċerka. Is-sħab kienu jinkludu prattikanti tat-teatru edukattiv u u tal-arti, psikologi u soċjologi. L-UE pprovdiet EUR 282,000 fuq perjodu ta’ sentejn f'kofinanzjament għall-proġett.

Għall-proġett Naturbild, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għall-għalliema minn sitt pajjiżi (il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Bulgarija) żviluppaw strateġija ġdida ta' tagħlim biex jgħinu lit-tfal li se jmorru minn skola preprimarja għal skola primarja. Il-konsorzju pproduċa analiżi ta' vidjo tal-logħob tat-tfal u tal-lezzjonijiet u użahom biex iħarreġ l-għalliema f’sessjonijiet ta' ħidma speċjalizzati. Il-proġett irċieva EUR 298 000 f’kofinanzjament mill-UE fuq perjodu ta' sentejn.

Comenius u eTwinning

Il-programm Comenius huwa miftuħ għall-iskejjel, għall-għalliema u għall-organizzazzjonijiet edukattivi mis-27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija. Xi partijiet mill-programm huma miftuħa wkoll għal organizzazzjonijiet minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja. Il-proġetti u n-netwerks li huma l-enfasi ta’ dan l-istudju l-ġdid jistgħu jinvolvu sħab addizzjonali minn kwalunkwe pajjiż ieħor.

Maħluq fl-2005, eTwinning huwa komunità li dejjem tikber ta' skejjel fl-Ewropa. 200 000 għalliem u aktar minn 100 000 skola minn 22 pajjiż Ewropew (is-27 Stat Membru tal-UE, l-Islanda, l-Isvizzera, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) iffirmaw biex jużaw l-ambjent bla ħlas u sikur onlajn tiegħu għat-taħriġ tal-għalliema u għal proġetti konġunti tal-edukazzjoni. Il-portal eTwinning huwa disponibbli f’25 lingwa. Bħala parti mill-inizjattiva eTwinning Plus, li tnediet f'Marzu tal-2013, skejjel magħżula minn skejjel fl-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina ssieħbu mal-komunità tal-eTwinning.

Min kien Comenius?

Il-programm tal-UE għall-iskejjel, Comeniuis, issemma għall-kittieb u x-xjentist Ċek, John Amos Comenius (1592-1670), li jitqies bħala l-missier tal-edukazzjoni universali, ibbażata fuq opportunitajiet ugwali għat-tfal kollha. Huwa għex u ħadem f’diversi pajjiżi fl-Ewropa.

Għal aktar informazzjoni

Studju sħiħ [EN] b’sommarji eżekuttivi [DE, EN, FR]

Aktar dwar Netwerks u Proġetti Multilaterali ta' Comenius inklużi r-regoli tal-finanzjament, eżempji u r-riżultati tal-proġetti

Il-Kummissjoni Ewropea: Il-Programm Comenius

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website