Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta’ Mejju 2013

L-ambjent: L-investiment fl-infrastruttura ekoloġika se jġib miegħu vantaġġi multipli għall-ambjent naturali, għas-soċjetà u għall-bnedmin

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija ġdida biex tinkoraġġixxi l-użu tal-infrastruttura ekoloġika, u biex tiżgura li t-titjib tal-proċessi naturali jsir parti sistematika mill-ippjanar tal-ispazji. L-Infrastruttura Ekoloġika hija għodda ppruvata u ttestjata li tuża l-ambjent naturali biex tipprovdi benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali. Pereżempju minflok tinbena infrastruttura għall-protezzjoni mill-għargħar, soluzzjoni ta' infrastruttura ekoloġika tkun li art mistagħdra naturali titħalla tassorbi l-ilma żejjed minn xita qalila.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-bini ta' infrastruttura ekoloġika huwa ta' spiss investiment tajjeb għall-ambjent naturali, għall-ekonomija u għall-impjiegi. Għandna nipprovdu lis-soċjetà b'soluzzjonijiet li jaħdmu mal-ambjent naturali minflok ma jaħdmu kontrih, fejn dan jagħmel sens f'termini ekonomiċi u ambjentali."

L-Infrastruttura Ekoloġika hija ta’ spiss orħos u ddum aktar minn alternattivi pprovduti permezz ta’ inġinerija ċivili konvenzjonali. Parks għonja fil-bijodiversità, spazji ekoloġiċi u kurituri ta' arja friska jistgħu pereżempju jtaffu l-effetti negattivi tas-sħanat tas-sajf. Barra mill-benefiċċji għas-saħħa u għall-ambjent, l-infrastruttura ekoloġika twassal ukoll għal diversi benefiċċji soċjali: toħloq impjiegi u tagħmel l-ibliet postijiet aktar attraenti fejn wieħed jgħix u jaħdem. U tippermetti li l-fawna tal-ambjent salvaġġ jitkattar, anke f’kuntest urban.

L-istrateġija li tnediet illum se tiffoka fuq:

Il-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika f’oqsma ewlenin tal-politika bħall-agrikoltura, il-forestrija, in-natura, l-ilma, il-baħar u s-sajd, il-politika reġjonali u ta’ koeżjoni, il-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, it-trasport, l-enerġija, il-prevenzjoni tad-diżastri u l-politiki tal-użu tal-art. Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida biex turi kif l-infrastruttura ekoloġika tista’ tiġi integrata fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki mill-2014 sal-2020.

It-titjib tar-riċerka u tad-dejta, it-tisħiħ tal-bażi ta’ għarfien u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi li jappoġġaw l-infrastruttura ekoloġika.

It-titjib fl-aċċess għall-finanzjament ta' proġetti tal-infrastruttura ekoloġika — il-Kummissjoni se twaqqaf faċilità ta’ finanzjament tal-UE sal-2014 flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tappoġġa proġetti ta’ infrastruttura ekoloġika

L-appoġġ ta' proġetti tal-infrastruttura ekoloġika fil-livell tal-UE — sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni se twettaq studju biex tivvaluta l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ infrastruttura ekoloġika madwar l-UE kollha.

Il-passi li jmiss

Sal-aħħar tal-2017, il-Kummissjoni se teżamina l-progress fl-iżvilupp tal-Infrastruttura Ekoloġika u tippubblika rapport dwar x'tgħallimna s'issa kif ukoll rakkomandazzjonijiet għal azzjoni fil-futur.

Sfond

Il-pajsaġġ Ewropew jinbidel b'mod drammatiku minn ġurnata għall-oħra permezz tal-frammentazzjoni, il-bidla u l-intensifikazzjoni tal-użu tal-art bħala riżultat tal-iżvilupp persistenti tal-bniedem. L-espansjoni urbana u l-kostruzzjoni ta’ toroq u ta' infrastrutturi tal-enerġija ddegradaw u qasmu ekosistemi prezzjużi u b'hekk affettwaw il-ħabitats u l-ispeċijiet tagħhom u naqsu l-koerenza spazjali u funzjonali tal-pajsaġġ. Ekosistemi degradati għandhom it-tendenza li jkollhom inqas varjetà tal-ispeċi u ma jistgħux joffru l-istess firxa ta' servizzi li joffru ekosistemi b’saħħithom. Dawn is-servizzi madankollu għandhom valur dirett għall-ekonomija tagħna u għalhekk l-investiment fl-infrastruttura ekoloġika jagħmel sens f'termini ekonomiċi.

Normalment ikun hemm redditu għoli mill-investimenti fl-infrastruttura ekoloġika. F’eżempju ta’ proġetti tar-restawrar ta' art soġġetta għall-għargħar (floodplain) tul ix-xmara Elbe, fil-Ġermanja, il-benefiċċji tat-tneħħija ta' digi, l-investiment f’maniġment agrikolu adattat għall-art soġġetta għall-għargħar u l-kostruzzjoni ta' slielem tal-ħut kienu akbar mill-kostijiet sa erbgħa darbiet aktar. Ir-rikreazzjoni, il-protezzjoni mill-għargħar u l-benefiċċji tal-karbonju, li ma kinux msarrfin fi flus, iżidu anke aktar il-valur ta’ dawn il-benefiċċji kkalkulati.

Il-karatteristiċi tal-infrastruttura ekoloġika f'ambjent urban bħas-soqfa ekoloġiċi, parks u mogħdijiet ekoloġiċi jikkontribwixxu għas-saħħa tal-bniedem, jgħinu jindirizzaw il-problemi soċjali, jiffrankaw l-enerġija u jgħinu biex jiġi kkontrollat aħjar il-ħela tal-ilma. Ippjanar aħjar tal-infrastruttura jikkontribwixxi wkoll għal politika aktar effiċjenti dwar il-mobilità u l-bini.

Il-Komunikazzjoni dwar l-Infrastruttura Ekoloġika hija bbażata fuq Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza tar-Riżorsi tal-UE u l-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE sal-2020, sabiex tippromwovi l-investiment fl-Infrastruttura Ekoloġika u l-użu tagħha fl-Ewropa.

Għal aktar tagħrif:

Ħolqa għall-komunikazzjoni u s-sommarju għaċ-ċittadini:

http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/index_en.htm

Għal Filmat li għadu kif Ħareġ Issa dwar l-Infrastruttura Ekoloġika, ara:

http://www.tvlink.org/

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website