Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali għat-tnaqqis tal-aċċidenti tan-nies mexjin fiż-żoni urbani

European Commission - IP/13/403   06/05/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Mejju 2013

Il-Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali għat-tnaqqis tal-aċċidenti tan-nies mexjin fiż-żoni urbani

Il-Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali tas-6 ta' Mejju huwa l-kontribut tal-Kummissjoni għall-Ġimgħa Dinjija tas-Sikurezza Stradali promossa min-Nazzjonijiet Uniti li din is-sena tittratta s-suġġett tas-sikurezza stradali tan-nies mexjin. Illum, il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas, responsabbli għat-trasport, fetaħ il-konferenza dwar il-Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali, li kienet segwita b'wirjiet tas-sikurezza stradali miftuħa għall-pubbliku u b'"mixja twila u qasira" fi Brussell.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Siim Kallas qal: "Meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, l-UE għandha livelli eċċellenti ta' sikurezza stradali. Iżda kull persuna li tisfa vittma ta' aċċident stradali hija vittma żejda. In-nies mexjin u ċ-ċiklisti huma dawk li jaffaċċjaw l-akbar riskji fiż-żoni urbani. Barra minn hekk, x'aktarx dawn ir-riskji se jiżdiedu minflok jonqsu, minħabba ż-żieda kostanti tat-traffiku fl-ibliet tagħna li kull ma jmur dejjem jikbru. Għaldaqstant, f'okkażjoni tal-Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali u tal-Ġimgħa Dinjija tas-Sikurezza Stradali tan-Nazzjonijiet Uniti, qed nindirizzaw din il-kwistjoni b'mod proattiv."

Mit-30 000 persuna li fis-sena jinqatlu fit-toroq Ewropej (28 000 fl-2012), il-medja hija li 21 % minnhom huma nies mexjin, 7 % huma ċiklisti u 18 % huma sewwieqa ta' muturi u ta' mopeds. 70 % tan-nies mexjin jinqatlu f'żoni urbani. Hemm lok għal tħassib minħabba l-fatt li matul dawn l-aħħar 10 snin, l-għadd ta' nies mexjin li nqatlu f'aċċidenti tat-traffiku ma naqasx bl-istess mod bħall-għadd totali ta' mwiet fit-toroq. Kważi nofs l-imwiet kollha fit-toroq li seħħew f'żoni urbani, jinvolvu persuna miexja jew ċiklist.

Ir-riskji tan-nies mexjin u taċ-ċiklisti f'żoni urbani jinkludu n-nuqqas ta' korsiji separati, il-veloċità għolja tal-vetturi u l-imġiba mhux sikura tal-utenti tat-triq. Ir-responsabbiltà hija kondiviża: in-nies mexjin, iċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-karozzi jridu jikkontribwixxu kollha kemm huma għas-sikurezza stradali billi jġibu ruħhom b'mod responsabbli u rispettabbli.

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq diversi miżuri li huma speċifikament marbuta mas-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-triq u mas-sikurezza stradali fiż-żona urbana. Fost dawn il-miżuri hemm:

  1. il-proposta ta' regoli ġodda tal-UE għat-tfassil ta' kabini tat-trakkijiet, li jinkludu t-titjib tal-kamp viżiv għas-sewwieq li għandhom sura inklinata u b'żona fuq quddiem tal-kabina li titgħattan, li se jgħinu biex fis-sena jsalvaw il-ħajja ta' madwar 300 u 500 utent vulnerabbli tat-triq bħal nies mexjin jew ċiklisti (ara IP/13/328)

  2. Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Urbana li jmiss b'dispożizzjonijiet għall-ippjanar tat-trasport urban li jkun sikur u sostenibbli (http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/urban_mobility/index_en.htm)

  3. L-inizjattiva CIVITAS, li permezz tagħha l-bliet jittestjaw miżuri innovattivi għal mobbiltà urbana aktar sostenibbli, li jinkludu t-titjib tas-sikurezza għall-utenti vulnerabbli (www.civitas.eu)

  4. Il-ħidma dwar l-implimentazzjoni msaħħa tat-teknoloġiji moderni u tas-sistemi ta' sikurezza mmuntati fil-vettura bħas-sistemi li jindividwaw in-nies mexjin jew is-sistemi għall-ibbrejkjar f'emerġenza (http://ec.europa.eu/transport/themes/its/road/action_plan/its_and_vulnerable_road_users_en.htm)

  5. L-inizjattiva l-ġdida dwar il-korrimenti serji minn aċċidenti tat-traffiku (http://ec.europa.eu/transport/road_safety/topics/serious_injuries/index_en.htm)

  6. L-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni pereżempju permezz taċ-Charter għas-Sigurtà fit-Triq (http://www.erscharter.eu/mt/node)

Għal aktar tagħrif dwar is-sikurezza tan-nies mexjin ara l-fuljett "Scoreboard" li joħroġ kull sena dwar is-sikurezza stradali, li jipprovdi aktar dettalji dwar l-istatistika tas-sikurezza stradali għas-sena 2011: http://bookshop.europa.eu/mt/road-safety-2012-pbMIAB12001/

Il-programm tal-Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali:

  1. 9:00–16:00: Konferenza dwar is-Sikurezza Stradali fiċ-ċentru tal-konferenzi Boschette <http://ec.europa.eu/transport/road_safety/events-archive/2013_05_06_ersd_en.htm>

  2. 16:00–16:30: "Mixja twila u qasira" (organizzata mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi (FIA): <http://www.makeroadssafe.org/longshortwalk/Pages/homepage.aspx>

  3. 14:00–20:00: Wirjiet dwar is-sikurezza stradali fil-park Cinquantenaire (organizzati mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tal-Karozzi (CLEPA): <http://www.clepa.eu/events/clepa-safety-event-6-may-2013/>

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)

Perċentwal ta' aċċidenti ta' nies mexjin f'aċċidenti tat-traffiku f'żoni urbani (2011)

(Ma hemm l-ebda dejta disponibbli għal Malta u għal-Litwanja)

Għal aktar statistika dwar kull pajjiż ara:

http://bookshop.europa.eu/mt/road-safety-2012-pbMIAB12001/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website